Il-Parlament Ewropew se jibqa' forza għall-ugwaljanza vera 

 

Waqt li laqgħet lill-futbolers Spanjoli u liċ-champions tad-dinja Ivana Andrés u Alba Redondo fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola rringrazzjathom talli jispiraw bniet u subien żgħażagħ madwar id-dinja u talli wrew li l-futbol huwa l-logħba ta' kulħadd.


Għeżież champions, 
 
Grazzi talli ngħaqadtu magħna biex niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fil-Parlament Ewropew. Grazzi talli ispirajtu lil bniet u subien madwar id-dinja. Talli wrejtu li l-futbol huwa logħba għall-bniet ukoll. 

Għeżież kollegi,

Mill-mod kif imexxu l-impriżi jew l-affarijiet tad-dar sal-mod kif jiggwidaw in-nazzjonijiet, mill-ostakli li għelbu fil-bordijiet tal-kumpaniji sat-toroq ġodda li fetħu fil-kamp tal-isport, in-nisa biddlu d-dinja.

Huwa għalhekk li rridu nkomplu naħdmu aktar biex noħolqu kundizzjonijiet ekwi, u biex dak li jikkontribwixxu n-nisa nagħmluh aktar viżibbli. Biex niżguraw li kull tifla żgħira u kull tifel żgħir ikollhom mudelli eżemplari li jaspiraw għalihom. 

Għaldaqstant, għandi l-pjaċir nilqa’ fil-Parlament Ewropew liċ-champions tad-dinja, Ivana Andrés u Alba Redondo, f’isem it-tim tal-futbol Spanjol li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-FIFA 2023 u, ftit jiem ilu biss, rebaħ l-ewwel League tan-Nazzjonijiet tan-Nisa.

Ivana, Alba, rajna lilkom u lil sħabkom tat-tim tfarrku l-isterjotipi, rajniekom tilħqu l-għanijiet tagħkom, anki billi skurjajtu ħafna gowls. Ir-rebħa tagħkom hija tfakkira li l-ġeneru ma jistax u mhuwiex se jostakola t-triq lejn is-suċċess, li l-ħidma bieżla, l-ambizzjoni, u d-determinazzjoni huma kwalitajiet li jegħlbu l-limitazzjonijiet kollha.  

Naf li din ir-rebħa ma nkisbitx faċilment. L-inugwaljanza għadha teżisti fl-isport, b’mod partikolari fir-rigward tar-rapportar tal-media, l-opportunitajiet ta’ sponsorizzazzjoni u l-pagi.  B’mod aktar ġenerali, naħseb fin-nisa li, minkejja l-aqwa sforzi tagħhom, għadhom qed jitħabtu kuljum biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Din hija problema sistemika. Problema li l-Parlament Ewropew qed jaħdem qatigħ biex jeqridha. 

Kulħadd għandu rwol x’jaqdi f’dan ir-rigward. Huwa f’idejn kull wieħed u waħda minna li niffaċilitaw bidla radikali fil-ħsieb u fix-xogħol. Li ngħinu fit-tfassil ta’ politiki li jeliminaw l-ostakli tal-ġeneru. Li lin-nisa naġevolawhom. Li nneħħu l-ostakli inġusti li għad fadal. 

Huwa għalhekk li l-Jum Internazzjonali tan-Nisa huwa daqshekk importanti. Bħala jum biex niċċelebraw il-kisbiet tan-nisa. Iżda anki bħala tfakkira tax-xogħol li fadal u li għad irid isir. 

U jiena kburija ferm li, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn il-kwistjonijiet, din il-Kamra tinsab minn ta’ quddiem nett fid-dinja, u se tibqa’ forza favur ugwaljanza ta’ vera. 

Grazzi.