Il-futur dejjem jevolvi 

 

Hi u tindirizza sala mimlija fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew tkellmet dwar l-importanza tal-ideat u l-proposti li saru miċ-ċittadini waqt il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. "Biex nimplimentaw il-proposti taċ-ċittadini, ebda bidla m'għandha titqies impossibbli. Kull proċess li jista' jwassalna għall-bidliet għandu jkun ikkunsidrat."

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza l-avveniment ta' feedback tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Merħba bikom fil-Parlament Ewropew! 

F'Jum l-Ewropa tal-2021, waqt l-avveniment inawgurali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-ħabib u l-predeċessur tiegħi, David Sassoli, tkellem dwar l-importanza li t-tliet istituzzjonijiet, kull waħda fil-livelli ta' kompetenza tagħha, jagħtu segwitu xieraq u sinifikattiv lir-riżultati ta' dan l-eżerċizzju storiku. Kliemu stess kien dan: "Din il-viżjoni tal-proġett Ewropew tagħna se tkun il-boxxla li trid tiggwida l-ħidma tagħna fid-deċennju li ġej."

Għeżież Ewropej,

Jiena kburija li ninsab quddiemkom kollha, bħala l-President tal-Parlament Ewropew, biex nassigurakom li din l-istituzzjoni qed iżżomm kelmtha. Il-Parlament kien l-ewwel istituzzjoni li rreaġixxiet għall-proposti tagħkom f'Mejju ta' din is-sena, u mbagħad anki f'Ġunju. Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tagħna qiegħed jaħdem qatigħ fuq rapport ieħor, li jaf jitressaq għall-votazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Inġbarna lkoll hawn illum, f'Dar id-Demokrazija Ewropea – f'Darkom – biex nanalizzaw dak li għamilna.

Ippermettuli nibda bil-feedback personali tiegħi. Jien ġejt eletta f'Jannar ta' din is-sena. Minn dak iż-żmien iltqajt ma' mijiet – eluf – ta' nies fir-rwol tiegħi ta' President tal-Parlament Ewropew. Iltqajt ma' Prim Ministri, Presidenti, politiċi u ċittadini ta' kull età u mis-27 Stat Membru kollha. Ħafna minn dawn il-laqgħat għandhom ħaġa waħda komuni: kollha jridu jkellmuni dwar il-Futur tal-Ewropa.

Jistaqsuni dwar il-Konferenza, dwar il-proposti li ħafna minnkom f'din is-sala taw il-kontribut tagħhom biex isawruhom. Jistaqsuni dwar kif jistgħu jissaħħu r-rabtiet bejn iċ-ċittadini u r-rappreżentanti eletti tagħhom u dwar kif tista' tiżdied it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal-UE. Ħaġa waħda kienet ċara għal kulħadd: il-persuni jridu aktar demokrazija Ewropea.

Ikellmuni wkoll dwar il-leġiżlazzjoni. Jistaqsuni dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent. Dwar l-ekonomija ċirkolari, il-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba biss, dwar il-ferroviji b'veloċità għolja u ta' billejl u l-mod kif tonqos id-dipendenza tagħna mill-importazzjonijiet ta' żejt u gass.

Jitkellmu dwar l-impatt li l-pandemija ħalliet fuq ħajjithom, u jistaqsu dwar l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, dwar is-saħħa mentali u dwar l-iskambju transfruntier tad-data dwar is-saħħa.

In-nies iridu jaraw ekonomija aktar b'saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi, u ħafna minnhom jistaqsu dwar it-tranżizzjoni diġitali, dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u kif il-politiki fil-qasam tat-taxxa li jappoġġaw lill-industrija Ewropea jistgħu jgħinu biex dan jinkiseb.

Ikellmuni wkoll dwar il-migrazzjoni, dwar ir-reviżjoni tas-sistema komuni tagħna tal-ażil sabiex inkunu nistgħu nuru ġustizzja u umanità ma' dawk li qed ifittxu protezzjoni, sodi ma' dawk li mhumiex eliġibbli u b'saħħitna mat-traffikanti li jisfruttaw uħud minn dawk l-aktar vulnerabbli fil-pjaneta tagħna.

Jistaqsuni dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tiswir tal-Futur tal-Ewropa. Dwar it-tagħlim tul il-ħajja, dwar il-possibbilità li tivvota meta tagħlaq 16-il sena, l-isport, il-kontroll tal-leġiżlazzjoni min-naħa taż-żgħażagħ, dwar l-inklużività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

In-nies huma inkwetati bir-rwol tal-Ewropa fid-dinja u fuq dan l-isfond hemm il-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna, u l-implikazzjonijiet tagħha fuq id-demokrazija tagħna huma ċari.

Jistaqsu dwar is-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni tagħna, dwar il-miżuri fil-qasam taċ-ċibersigurtà, dwar il-protezzjoni tal-valuri tagħna: il-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, dwar il-miżuri maħsuba biex jappoġġaw stampa pluralista, libera u indipendenti.

B'xorti tajba, ħafna mill-elementi kostituttivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proposti tagħkom diġà huma hemm. U ppermettuli f'dan ir-rigward ngħid li nħossni mħeġġa nara li l-Programm ta' Ħidma 2023 tal-Kummissjoni fih ħafna mill-proposti leġiżlattivi relatati ma' dak li pproponiet il-Konferenza. Kif l-istorja, anki dik reċenti, urietna, il-Parlament Ewropew, bħala koleġiżlatur, jinsab lest jagħmel sehmu – bi bżulija, b'mod effikaċi u malajr – fl-interess tal-450 miljun kostitwent Ewropew li fl-aħħar mill-aħħar jirrappreżenta.

Intenni dak li għedt f'Mejju: fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-proposti taċ-ċittadini tagħna, l-ebda suġġeriment għal bidla ma għandu jitwarrab. Għandna nħaddnu kwalunkwe proċess meħtieġ biex naslu. Inkluża konvenzjoni. Il-Kummissjoni wkoll tinsab magħna llum u naf li l-impenn mogħti huwa komuni għall-istituzzjonijiet tagħna.

L-għan tagħna jrid ikun li ntejbu u nirriformaw is-sistemi tagħna. Xejn ma għandu jitħalla barra mid-diskussjoni, inkluża l-bidla tat-Trattati għax il-viżjoni tirrikjedi l-kuraġġ.

Għeżież ħbieb,

Meta nħares lejkom kollha li tinsabu hawn bilqiegħda fl-istess postijiet li fihom ir-rappreżentanti eletti tagħkom jivvutaw il-leġiżlazzjoni, niftakar kemm kien importanti l-element parteċipattiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Id-djalogu bejn iċ-ċittadini u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bla dubju kien parti straordinarja ta' dan l-eżerċizzju. M'għandux ikun xi ħaġa mhux tas-soltu.

Dan hu aspett li fir-rigward tiegħu l-Parlament Ewropew, magħmul minn 705 Membri direttament eletti, għandu jagħmel aktar.

Ippermettuli nagħtikom eżempju ta' tfajla li ltqajt magħha m'ilux.

Malli bdejna nitkellmu, malajr indunajt li kellha ħafna ideat pożittivi dwar il-mod kif l-Unjoni Ewropea tista' tgħin biex l-affarijiet isiru ftit iktar faċli għan-nies li jgħixu fl-inħawi tagħha. Tajtha parir tikteb lill-Membru tal-Parlament Ewropew tagħha. Weġbitni: "possibbli?"

Xi kultant donnu l-uniku kuntatt li n-nies għandhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom huwa permezz ta' "like" jew "kumment" għal post fuq il-midja soċjali. Ovvjament, ma nistgħux inġiegħlu liċ-ċittadini jiktbu lir-rappreżentanti eletti tagħhom iżda nemmen li nistgħu nagħmlu aktar biex nissensibilizzaw dwar il-fatt li:

iva, iċ-ċittadini jistgħu jiktbu lill-Membru tal-Parlament Ewropew tagħhom;

iva, iċ-ċittadini jistgħu jissuġġerulhom ideat ġodda;

iva, iċ-ċittadini jistgħu jirrakkomandaw proposti ġodda.

U fil-fatt imisshom jagħmlu hekk. Għaliex hija responsabbiltà tagħna. U fl-2024 hemm bżonn li nuru li dak li għedtulna fl-2019, smajnieh, ħdimna fuqu u wettaqnieh.

Il-Parlament Ewropew ma jinsabx hawn f'dan il-bini, jinsab f'kull belt u raħal tal-Unjoni tagħna. 

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u d-49 proposta li ressaqtulna fid-9 ta' Mejju mhumiex it-tmiem. Dan ma kienx eżerċizzju ta' darba biss għall-Unjoni Ewropea. Il-proposti tagħkom mhumiex speċi ta' lista ta' kompiti li jeħtieġ li nimmarkawhom bħala lesti, bil-għan li jaqa' s-siparju fuq il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa darba għal dejjem.

Għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, dan l-eżerċizzju kien jirrigwarda t-tlestija tal-Unjoni tagħna għall-futur, sew jekk ikun għada, sew jekk il-ġimgħa d-dieħla, is-sena d-dieħla jew għaxar snin oħra. Għall-futur ma teżistix data ta' skadenza. U ma teżistix data ta' skadenza biex l-Unjoni tagħna tikber u tkompli tevolvi. Dak li jaħdem għal Unjoni ta' 27 mhuwiex se jaħdem għal Unjoni ta' 33 jew ta' 36. L-Ukrajna, il-Moldova, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Georgia qed ilestu ruħhom – u aħna?

Il-Futur huwa proċess ta' ħidma li ma jieqaf qatt. L-istess jgħodd għall-Unjoni tagħna.

Kif qal Robert Schuman: "L-Ewropa mhijiex se tinbena f'daqqa". U llum inżid li qatt ma tista' tkun kompluta. Tikber u tiżviluppa ma' kull ostaklu li naqbżu. Ma' kull żvilupp importanti li jirnexxilna niksbu. Ma' kull att leġiżlattiv li jirnexxilu jagħmel l-ispazju komuni tagħna ftit iktar sigur, ftit iktar ġust u ftit iktar ugwali.

Bħala President tal-Parlament Ewropew, nista' nimpenja ruħi magħkom li se nkomplu naħdmu sakemm inkunu nistgħu ngħidu li dan il-proġett huwa saħansitra aħjar milli hu llum.

Grazzi ħafna.