Waqt li kienet qed tindirizza ċ-ċerimonja li tfakkar il-75 anniversarju tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju f’Aachen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li wasal iż-żmien li nagħmlu passi reali u konkreti lejn il-bini ta’ Unjoni aktar mill-qrib u b’saħħitha.
Sindku tal-Belt ta’ Aachen, President tal-Landtag, President tal-Bord tal-Premju Karlu Manju, Onorevoli Ministri, Membri tal-Parlament, mistidnin distinti,
Huwa tassew unur u privileġġ li ningħaqad magħkom fiċ-ċelebrazzjoni tal-75 anniversarju tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen. Stadju importanti għal inizjattiva impressjonanti li tagħti ġieħ lil dawk kollha li jikkaratterizzaw il-vjaġġ Ewropew tagħna, sena wara l-oħra. Illum, madankollu, mhuwiex biss mument ta’ riflessjoni. Huwa mument biex inġeddu l-impenn tagħna favur l-ideali li huma s-sisien ta’ dan il-premju u li jgħaqqduna bħala Ewropej.
Għeżież ħbieb, Għeżież Ewropej,
75 sena ilu, wara l-qerda, il-vjolenza u l-qtil krudili li laħqu l-quċċata traġika tagħhom fit-Tieni Gwerra Dinjija, feġġew żewġ kelmiet sempliċi iżda b’saħħithom bħala t-twemmin li jmexxina: Nie Wieder. Qatt Aktar. U biex jiġi żgurat li dawk il-kelmiet ma jibqgħux biss paroli iżda jsiru fatti, sitt pajjiżi ngħaqdu biex jadottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Biex, billi jgħaqqdu l-produzzjoni tagħhom tal-faħam u tal-azzar, il-gwerra bejn ir-rivali storiċi “mhux biss ma tgħaddilhomx minn rashom, iżda tkun materjalment impossibbli”. Iżda din hija parti waħda biss mill-istorja.
75 sena ilu, proprju hawn, fl-epiċentru tal-imperu ta’ Karlu Manju, il-post fejn issawret għall-ewwel darba l-idea ta’ Ewropa magħquda, iċ-ċittadini tal-belt ta’ Aachen baqgħu wkoll sodi fit-twemmin tagħhom. U b’hekk, flimkien ma’ dan il-momentum politiku l-ġdid, twieled il-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen. Premju li lill-Ewropa, u għalhekk lil-libertà u lid-demokrazija, jagħtihom vuċi, billi kull sena jonora “ħidma eċċezzjonali mwettqa għall-għaqda Ewropea”. U dan għamlu bil-fatti.
Jekk il-proġett politiku u ekonomiku tagħna huwa l-qalb tal-integrazzjoni Ewropea, il-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen huwa r-ruħ tagħha. U mhijiex biss l-istorja tiegħu li tagħmel dan il-premju tant uniku, iżda anki min jagħtih. Mhumiex il-gvernijiet jew l-istituzzjonijiet, iżda ċ-ċittadini, il-persuni li jemmnu fl-Ewropa mhux bħala proġett remot jew figura astratta fuq mappa, iżda bħala responsabbiltà komuni. Dak huwa l-ispirtu tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen. U wara 75 sena, dik l-idea, dak l-ispirtu, huma importanti aktar minn qatt qabel.
Is-sena li għaddiet, meta miljuni ta’ Ewropej marru jivvutaw biex jeleġġu Parlament Ewropew ġdid, kienu wisq dawk li marru minħabba sens ta’ disprament u frustrazzjoni. Dan ma jfissirx neċessarjament li qatgħu qalbhom mill-proġett komuni tagħna, iżda pjuttost li jsibuha diffiċli jaraw kif l-Ewropa kapaċi tindirizza t-tħassib tagħhom. Xi kultant in-nies iħossu li ħadd mhu qed jismagħhom u ma jħossuhomx apprezzati biżżejjed. Kulma jridu jaraw hu kif l-Ewropa tista’ tagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Jekk hemm ħaġa waħda li tistgħu tkunu ċerti minnha hija li, bħala President tal-Parlament Ewropew, aktar pro-Ewropew minni ma tistax tkun. Bdejt il-vjaġġ tiegħi fil-politika preċiżament biex nagħmel kampanja biex pajjiżi jsir membru tal-Unjoni Ewropea. U proprju għalhekk li l-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej huwa tant għal qalbi. Imma, anki f’dan il-każ, naħseb li ċertu grad ta’ analiżi awtokritika, ċerta kapaċità li nisimgħu aktar u li nibdlu r-rotta meta jkun meħtieġ, huwa preċiżament kif nistgħu nerġgħu nibnu l-fiduċja tan-nies fil-proġett komuni tagħna. Huwa dak li se jsaħħaħ lill-Ewropa fuq terminu twil.
Jiena rrid li l-aqwa żminijiet tagħna għad irid jaslu u naf li dan ifisser li lill-ekonomija tagħna nerġgħu npoġġuha fuq perkors stabbli lejn it-tkabbir, li nagħtu spinta lill-kompetittività Ewropea u li nnaqqsu l-burokrazija, li nissimplifikaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Għandna nkunu tassew kburin bil-mod Ewropew ta’ kif nagħmlu l-affarijiet. Bil-mod kif inpoġġu lin-nies tagħna fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu. Jeħtieġ li dan nerġgħu nibdew nagħmluh. U dan jirrikjedi approċċ ambizzjuż.
Dan jgħodd ukoll fir-rigward tat-tlestija tas-swieq uniċi tagħna għall-enerġija, għas-swieq kapitali, għat-telekomunikazzjonijiet, għas-settur bankarju u għas-sigurtà. Pereżempju, fir-rigward tas-swieq kapitali, l-istudji juru li l-integrazzjoni tista’ tagħti spinta lill-prodott domestiku gross Ewropew bi 2 jew 3 fil-mija. Hija riżorsa li wasal iż-żmien li nisfruttawha.
Meta Dr Duisenberg, l-ex President tal-Bank Ċentrali Ewropew, aċċetta l-Premju Internazzjonali Karlu Manju fl-2002 f’isem il-munita komuni tagħna, l-euro, għamel punt interessanti. Qal hekk: “Mhuwiex biżżejjed li ngħidu li l-euro huwa s-simbolu ta’ komunità Ewropea kbira. Fir-realtà, l-introduzzjoni tal-euro tirrifletti wkoll l-interessi ekonomiċi li jimmaterjalizza”. Kellu raġun.
Ma nistgħux sempliċement nitolbu lin-nies jappoġġjaw xi ħaġa; jeħtieġ li nuruhom ir-raġuni għala din il-ħaġa hija importanti għalihom. Għaliex meta n-nies jaraw u jħossu din il-ħaġa, imbagħad iħossu r-responsabbiltà li jipproteġuha. U huwa dak li rajna hawnhekk f’Aachen ħamsa u sebgħin sena ilu.
L-istess approċċ japplika għall-kummerċ ħieles u ġust. L-Ewropea hija waħda mill-aktar ekonomiji miftuħa fid-dinja, u l-kummerċ kien mutur ewlieni tal-prosperità tagħna. Dan ma jfissirx li m’għandniex inkomplu naġixxu b’mod deċiż biex nipproteġu lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-konsumaturi tagħna. Però dan kollu m’għandux isir ġlieda permanenti. Il-gwerer kummerċjali, b’dazji ogħla u kontrodazji, ma jagħmlu tajjeb lil ħadd, u hemm mod kif jista’ jgawdi kulħadd.
Fl-aħħar mill-aħħar, din il-leġiżlatura għandha tikkonċerna l-prosperità daqs kemm tikkonċerna s-sigurtà. Għax mingħajr ekonomija b’saħħitha, kompetittiva, ġusta u miftuħa ma jkollniex ir-riżorsi li neħtieġu biex ninvestu fis-sigurtà tagħna u fin-nies tagħna. Ma jkollniex is-saħħa biex niddefendu l-pożizzjoni tagħna.
Niftakar meta, sentejn ilu, f’din is-sala, smajt lill-President Zelenskyy jitkellem wara li rċieva l-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen. Naf li ħafna minnkom kontu preżenti wkoll. Beda billi qal hekk: “Kollha kemm aħna f’din il-kamra [...] Aħna lkoll fundaturi tal-paċi. Hekk hu, il-fundaturi tal-paċi. Dan huwa d-dmir ewlieni tagħna fil-konfront tal-pajjiżi tagħna, tal-Ewropa tagħna u tal-istorja tagħna”.
Dan huwa minnu. L-Unjoni Ewropea, l-ewwel u qabel kollox, hija proġett ta’ paċi. Il-prezz u l-qerda tal-gwerra nafuhom. U l-belt ta’ Aachen tafhom aktar mill-biċċa l-kbira tal-oħrajn. Huwa għalhekk li aħna dejjem, dejjem, inkunu favur il-paċi. Iżda ejjew inkunu ċari dwar xi tfisser. Tfisser li l-paċi trid tkun ġenwina, dinjituża u dejjiema.
Is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna u s-sigurtà tal-poplu Ukren huma interkonnessi. U biex naslu, l-Ukrajna għandha bżonn appoġġ kontinwu. Għax Ukrajna mingħajr appoġġ, li ma tiflaħx tirreżisti, mhijiex se tkun f’pożizzjoni li ssib dik il-paċi tant diffiċli biex tinkiseb. L-Ewropej li qattgħu nofs seklu taħt madmad wara l-Purtiera tal-Ħadid dan jafuh sewwa ħafna. Għalhekk waqafna mal-Ukrajna. U huwa għalhekk li għadna nieqfu magħha.
Ifisser li issa l-Ewropa qed tikkunsidra bis-serjetà s-sigurtà tagħha stess. L-infiq għad-difiża żdied b’20% fl-aħħar ħames snin. Iżda jeħtieġ li nagħmlu aktar.
Il-ġimgħa li għaddiet, attendejt il-Kunsill Ewropew Speċjali ma’ mexxejja oħra tal-UE. Għandna xi proposti tajbin ħafna li nistgħu naħdmu fuqhom. Żminijiet straordinarji jirrikjedu miżuri immedjati, għalhekk nilqa’ s-soluzzjonijiet kreattivi u flessibbli kollha biex, sostanzjalment, inżidu u nħaffu l-investimenti tagħna fis-settur tad-difiża. Iżda dan mhuwiex biżżejjed.
Wasal iż-żmien li nieħdu miżuri reali u konkreti biex nibnu Unjoni aktar magħquda. Aktar minn qatt qabel. Il-Parlament ilu għexieren ta’ snin jappella biex dan isir. Għax, kif qal il-Konti Coudenhove-Kalergi, l-ewwel rebbieħ tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen, “Mhijiex biss storja komuni, iżda huwa wkoll destin komuni li jagħmel l-għaqda tal-popli tal-Ewropa neċessità”.
Għeżież ħbieb,
L-Ewropa hija responsabbiltà komuni. Iżda hija r-responsabbiltà tagħna li nuru li l-Ewropa tista’ tikseb ir-riżultati. U dan nistgħu nagħmluh. U sejrin nagħmluh.
Il-proġett tagħna huwa l-akbar proġett politiku fl-istorja. Aħna l-kontinent li fih inxtered id-demm biex iġġilidna kontra t-tirannija. Aħna l-kontinent ta’ dawk li jibnu, li jieħdu r-riskji, ta’ min ma jaħsibx b’mod konvenzjonali u tal-inventuri. Ir-rinaxximent tal-Ewropa kapaċi niksbuh.
Hija ħaġa tal-għaġeb kif iseħħu l-affarijiet. Il-binarji paralleli li mexxew lill-Ewropa ’l quddiem 75 sena ilu huma l-istess binarji li jridu jmexxuna llum: il-paċi, is-sigurtà u l-wegħda dejjiema ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna. U, għal darb’oħra, spiċċa ż-żmien tal-indeċiżjoni.
Kif ipprevediet id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman tal-1950: “L-Ewropa mhijiex se tinbena mil-lum għal għada u lanqas skont pjan wieħed: l-Ewropa se tinbena permezz ta’ kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà de facto”. Bħalma kienu jafu dak iż-żmien l-ommijiet u l-missirijiet fundaturi tagħna, kif ukoll in-nies ta’ din il-belt straordinarja ta’ Aachen, fadal biss triq waħda x’naqbdu: ’il quddiem u flimkien.