It-triq 'il quddiem hija t-tkabbir ekonomiku – il-President Metsola f'għeluq il-25 anniversarju tal-Bank Ċentrali Ewropew 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet waħda mill-kelliema ewlenin fiċ-ċelebrazzjoni li tfakkar il-25 anniversarju tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fl-indirizz tagħha, filwaqt li rringrazzjat lill-President Christine Lagarde għat-tmexxija tagħha, qalet li wasal iż-żmien biex issir l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali.

President Lagarde,
Kanċillier Scholz,
President Michel,
President von der Leyen,

Mistednin distinti,

Mhix l-ewwel darba li l-BĊE adatta ruħu għal bidla u li ħariġna minn sitwazzjonijiet diffiċli. Għeruqu jmorru lura għall-akbar bidla monetarja tal-istorja. Fl-1998, twaqqaf bħala istituzzjoni tal-UE fil-qalba tas-sistema tal-euro tagħna. Kien att ta’ kuraġġ politiku u ta’ viżjoni fil-bogħod.  

Ir-responsabbiltà fuq spalltu minn dejjem kienet enormi u minkejja dan anki l-aktar Ewropew ferventi ma setax ibassar kemm kien se jkun ċentrali r-rwol li l-Bank żvolġa fl-ewwel 25 sena tiegħu.  

Rwol ċentrali għas-sistema bankarja tagħna, għall-istabbiltà ekonomika tagħna, għall-prospettivi tagħna, għat-tkabbir sostenibbli tagħna u ċentrali għall-Ewropej biex ikunu jistgħu jiksbu l-għanijiet tagħhom.

L-espressjoni “whatever it takes” (determinazzjoni assoluta, akkost ta’ kollox) li Mario Draghi qal 11-il sena ilu mmarkat punt ta’ żvolta tal-kriżi tad-dejn sovran tal-Ewropa. Biddlet istituzzjoni bankarja f’supereroj li ħadd ma basar li se jkun. Nisslet fiduċja fl-investituri, fil-banek, fis-swieq, fiċ-ċittadini. Urietna t-triq ’il quddiem li tant kellna bżonn. F’dan jissarraf il-BĊE fir-rigward tal-istil ta’ ħajja tagħna.

Dawk it-tliet kelmiet saru mantra mhux biss għall-Bank Ċentrali Ewropew iżda għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Kien hemm bżonn konvinzjoni, ambizzjoni, negozjazzjoni u kompromess biex nagħmlu eżami bir-reqqa tal-qafas ekonomiku u monetarju tagħna fl-2012. L-istess spirtu kien meħtieġ sentejn ilu meta ngħaqadna biex naqblu fuq in-NextGenerationEU li m’għandux preċedenti.

Illum, nistgħu nkunu kburin li f’dan il-kuntest ġeopolitiku diffikultuż – ikkaratterizzat minn prezzijiet tal-enerġija għoljin, inflazzjoni, gwerra illegali mal-fruntieri tagħna, u li bħala sfond ta’ dan kollu hemm il-kriżi klimatika ta’ bħalissa u l-fażi ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija – l-ekonomija Ewropea qed tkompli turi reżiljenza. Urejna li nistgħu nassorbu x-xokkijiet għas-sistema tagħna.

Il-BĊE, taħt it-tmexxija formidabbli tal-forza tan-natura li hija l-President Lagarde, qed ikompli jippersevera. Qed ikun eżempju.

Iżda forsi wasal iż-żmien li ntennu dak li suppost hu ovvju: l-ekonomija Ewropea tagħna tiddependi mill-banek. Huma l-karta tat-tornasol tal-ekonomija tagħna. L-impriżi ż-żgħar tagħna, il-kumpaniji multinazzjonali tagħna – is-sisien bażiċi tat-tkabbir ekonomiku tagħna – jiddependu minna biex nagħtuhom il-qafas it-tajjeb.  

Tranżizzjoni ekoloġika u diġitali hija possibbli biss jekk jirnexxielna nappoġġaw u nsostnu t-tkabbir ekonomiku. Hija wkoll l-unika triq li nistgħu nisperaw li naqbdu biex inħallsu lura d-dejn li għamilna biex nirpiljaw wara l-pandemija. Iva, it-tkabbir irid jissejjes fuq mudelli ġodda, fuq bażijiet sostenibbli, fuq toroq ġodda, imma dik hi l-unika triq ’il quddiem.

Huwa l-mod kif nindirizzaw il-problemi reali u ntaffu l-isfidi li jsibu quddiemhom l-impriżi u l-familji fl-Ewropa kollha, li jħossu t-tbatija, ikollhom iħallsu kontijiet ogħla, iħabbtu wiċċhom ma’ swieq tad-djar inċerti u li bilkemm jaslu sal-aħħar tax-xahar.

Biex l-impriżi u l-industriji tagħna joħolqu impjiegi, jiġġeneraw il-ġid, jiżguraw il-kompetittività globali tal-Ewropa u jżommu l-kapital fl-Ewropa, hemm bżonn li nlestu l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali tagħna. Ma nistgħux nitilfuha din l-okkażjoni.

Bis-saħħa, fil-biċċa l-kbira, tat-tmexxija tal-BĊE u tal-mod kuraġġjuż li bih indirizzajna l-inflazzjoni, erġajna nissilna l-fiduċja fis-sistemi tagħna. Naf li mhux se niżvijaw minn triqitna. Jeħtiġilna nibqgħu b’għajnejna miftuħin.

F’din l-okkażjoni speċjali tal-lum, nixtieq jien ukoll infaħħar ix-xogħol tal-BĊE u tal-erba’ Presidenti suċċessivi tiegħu ta’ dawn l-aħħar 25 sena: il-President Lagarde, il-President Draghi, il-President Trichet u l-mibki President Duisenberg, li kellhom f’idejhom it-tmun ta’ din l-istituzzjoni biex komplew isaħħuha, u mhux biss ipproteġew kontinwament il-munita tagħna iżda wkoll għamluha aktar soda. Il-BĊE affaċċja u għeleb lil dawk li lagħbu mħatri kontrina u lix-xettiċiżmu tah risposta bl-istabbiltà.

Lilhom, u lilkom kollha. Il-kwart ta’ seklu t-tajjeb!

Grazzi.