Il-poplu tal-Belarussja għandu jkun jista' jgħix fil-libertà 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lil Sviatlana Tsikhanouskaya tal-Belarus fil-Parlament Ewropew. Fid-diskors tagħha, qalet li n-nies tal-Belarussja jridu jkunu jistgħu jgħixu ħielsa mill-awtokrazija u ħielsa mill-oppressjoni.

Għeżież kollegi,

Illum magħna għandna waħda mill-mexxejja l-aktar kuraġġużi, tenaċi u reżiljenti li għandi l-unur insejħilha ħabiba: Sviatlana Tsikhanouskaya tal-Belarussja.

Għażiża Sviatlana, id-dinja rat id-determinazzjoni, il-kuraġġ u l-perseveranza tiegħek. Il-valuri li jirfdu t-taqbidiet tiegħek u tal-poplu tiegħek jorbtuna flimkien bħala Ewropej. Għandi pjaċir nerġa’ nilqgħek fil-Parlament Ewropew. Hawn tinsab imdawra b’alleati u bil-ħbieb. 

Ir-reġim ta’ Lukashenko fil-Belarussja jirrappreżenta dak kollu li l-Ewropa nbniet biex tirreżisti: l-awtokrazija, id-detenzjoni arbitrarja u t-tortura. Tliet snin ilu, il-poplu Belarussu tkellem. Għażel li jtemm l-era tad-dittaturi. Ir-rieda tiegħu trid tiġi rispettata. 

Is-sitwazzjoni fil-Belarussja laħqet mument kritiku. 1,500 persuna għadhom priġunieri politiċi, fosthom il-pijunier ta’ żewġek Sergei Tikhanovsky, Maria Kalesnikava, Maksim Zank u Mikola Statkevich. Ippermettuli ntenni t-talba tagħna biex jinħelsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet.

Dan għedtu qabel imma vallapena nirrepetih sakemm ikun hemm bżonn: il-poplu tal-Belarussja jrid ikun jista’ jgħix ħieles. Ħieles mill-awtokrazija. Ħieles mill-oppressjoni. Dan hu dak li jrid. Dan hu dak li għażel. Dan hu dak li jistħoqqlu.

Se nkomplu nsostnu l-forzi demokratiċi Belarussi u niżvolġu rwol attiv fit-tiswir tar-risposti tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi politika li għadha għaddejja fil-Belarussja. Huwa fundamentali li nkomplu nwessgħu s-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kontra r-reġim u li dejjem inżommu f’moħħna dak li għamlu. 

Ippermettili, Sviatlana, nuża kliemek: “m’aħniex barranin, aħna membri tal-familja li ilhom wisq żmien neqsin. Aħna l-Ewropej minsija li sejrin lura d-dar. Il-Belarussi minn dejjem kienu parti mill-Ewropa u hekk se jkunu għal dejjem.”

Serraħ rasek, qatt ma nsejniekom. Se nieqfu magħkom dejjem u se ngħinukom terġgħu lura d-dar.  

Sviatlana, nagħtik il-kelma.