In-nies tal-Kosovo jixirilqilhom progress, prosperità u opportunità 

 

Illum, il-President tal-Kosovo Vjosa Osmani ġiet mistiedna biex tindirizza lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Fil-ftuħ tas-sessjoni, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola saħqet fuq il-bżonn urġenti biex ikun hemm de-eskalazzjoni u kooperazzjoni dwar il-konfrontazzjoni.

Għeżież kollegi,

Illum ingħaqdet magħna l-President tal-Kosovo, Vjosa Osmani-Sadriu. President Osmani, nirringrazzjak talli aċċettajt l-istedina tagħna biex tindirizza lill-Parlament Ewropew. 

Għażiża President, nafuh sew l-impenn tal-Kosovo favur perkors Ewropew u nafhom l-impenji tiegħek biex tiżgura l-kundizzjonijiet neċessarji biex isir progress f’dan il-perkors ħalli jiġi implimentat b’intensità akbar minn qatt qabel. 

Ippermettili ngħid mill-bidu nett li aħna grati għall-appoġġ tiegħek biex tagħti kenn liċ-ċittadini Ukreni li ħarbu mill-invażjoni illegali Russa u għall-appoġġ tiegħek biex jiġu applikati l-istess sanzjonijiet tagħna. Għaliex jeħtiġilna nibqgħu nieqfu mal-Ukrajna.

Din il-Kamra kienet waqfet magħkom meta kien jidher impossibbli u naħseb li lkoll kemm aħna nistgħu nirrikonoxxu l-progress li għamel il-Kosovo. It-triq lejn l-ivvjaġġar mingħajr l-obbligu ta’ viża kienet waħda diffiċli. Imma flimkien nistgħu nkunu kburin li, mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, iċ-ċittadini tal-Kosovo se jingħataw din il-libertà wkoll.

Id-demokrazija, il-libertà ta’ espressjoni u l-istat tad-dritt huma kollha valuri fundamentali li jiddefendi dan il-Parlament, b’ruħu u b’ġismu kollha. Nafuhom sew l-isfidi u l-konsegwenzi li dak li ġara dan l-aħħar f’pajjiżek jista’ jkollu fuq l-istabbiltà tar-reġjun kif ukoll il-bżonn kostanti li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tisħaq fuq il-benefiċċji li jġibu magħhom it-tnaqqis tat-tensjonijiet u l-kooperazzjoni meta mqabbla mal-konfrontazzjoni. 

Il-vjaġġ tal-Kosovo ma jiqafx hawn u din il-Kamra tilqa’ b’sodisfazzjon l-isforz li jagħmel pajjiżek biex jindirizza l-isfidi b’mod dirett, permezz tal-bżonn ta’ passi determinati u immedjati biex it-tensjonijiet jikkalmaw, biex jikkoopera mas-sħab internazzjonali, mal-Istati Membri tagħna; u billi jsiru investimenti fi sħubijiet u proġetti transfruntieri. 

Dan il-Parlament irid jisma’ mill-poplu tal-Kosovo dwar l-aħjar mod kif jinħolqu l-prosperità ekonomika, l-opportunitajiet, l-istabbiltà fit-tul u l-progress fir-reġjun tiegħek. 

Ejjew inkomplu d-djalogu kostruttiv tagħna, biex niżguraw riżultati konkreti għalina lkoll.  

Sinjura President, nagħtik il-kelma.