Waqt li indirizzat il-World Leaders Forum fil-Columbia College fi New York, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola appellat għal relazzjoni transatlantika aktar b’saħħitha, ibbażata fuq ħolma komuni u valuri kondiviżi. “Ir-relazzjoni transatlantika tagħna rnexxielha tegħleb l-isfidi imma rridu nkomplu naħdmu flimkien, biex inmexxu flimkien,” qalet quddiem sala mimlija studenti.
Grazzi, President Shafik, ta’ dak il-kliem ġentili ta’ preżentazzjoni. Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb. Ippermettuli ngħid kemm jien onorata li qiegħda hawn magħkom, li ġejt mistiedna f’waħda mill-akbar universitajiet tad-dinja, biex inkellimkom dwar is-sens tat-tmexxija. Biex ngħidilkom kemm hu importanti għad-dinja li l-Ewropa u l-Istati Uniti jibqgħu jkollhom rwol ewlieni. Biex ngħidilkom li s-sens tat-tmexxija jirrigwarda n-nies, jirrigwarda lilkom, aktar milli l-istituzzjonijiet. U biex ngħidilkom li minħabba r-realtajiet ġeopolitiċi li għandna issa quddiemna, aħna mitlubin inwittu triq lejn futur li huwa aktar inċert milli kien ftit snin ilu. Jien l-aktar President żagħżugħa fl-istorja tal-Parlament Ewropew. Jien parti mill-ġenerazzjoni li rat, bilqiegħda fuq ħoġor ommhom u missierhom, il-Ħajt ta’ Berlin jitwaqqa’, li rat dak li ġara fi Pjazza Tienanmen fuq skrins tat-televiżjoni mimlijin ross, li bilkemm tiftakar il-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika u l-ferħ sfrenat ta’ miljuni ta’ Ewropej li sa fl-aħħar kienu ħielsa, wara nofs seklu, li jieħdu rajhom f’idejhom. Il-ġenerazzjoni tiegħi ġabret il-frott tar-rebħa tad-demokrazija liberali f’dinja ġdida. Fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, il-ġenerazzjoni tiegħi hija l-aħħar waħda li tiftakar dinja li fiha d-demokrazija liberali ma kinitx stat ta’ fatt. Kien mingħalina li l-istil tagħna rebaħ, u li r-rebħa tagħna kienet se ddum għal dejjem. Kien mingħalina li l-istil tagħna kien se jiddefinixxi l-ordni dinji l-ġdid. Meta l-blokok tad-dinja żżarmaw, kien mingħalina li d-demokrazija, il-libertà, l-istat tad-dritt, il-kooperazzjoni kienu se jġibu magħhom era ġdida ta’ kummerċ globali, ta’ drittijiet u libertajiet individwali. Kien mingħalina li stajna negħlbu u noħorġu rebbieħa minn kull theddida għall-istil ta’ ħajja tagħna. Forsi għalaqna għajnejna wisq, forsi ma qgħadniex biżżejjed għassa. Is-sena l-oħra, fhimna bl-aktar mod brutali kemm fil-verità dan kien traġikament minnu. Meta l-karrijiet armati Russi invadew l-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran, u l-militari bdew jissakkeġġaw, jistupraw u joqtlu, id-dinja nbidlet. Għal dejjem. Fhimna f’dik il-ġurnata fatali li jeħtiġilna nżommu r-riedni f’idejna f’din id-dinja l-ġdida. L-Istati Uniti u l-Ewropa għandhom ħafna difetti, ħafna affarijiet għandhom bżonn jitjiebu. Minkejja dan kollu, għadhom simbolu dejjiemi tal-istil ta’ ħajja tagħna, ta’ sur ta’ libertà u ħelsien, u jekk ma naqdux ir-rwol ta’ mexxejja li writna, allura xi ħaddieħor, b’valuri ferm differenti minn tagħna, se jagħmel hekk. Din ir-responsabbiltà għandha piż qawwi fuq spallejna. Ħadna u jeħtiġilna nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet li huma neċessarji. Deċiżjonijiet diffiċli. Deċiżjonijiet bħal dik biex niftħu l-bibien tagħna u s-swieq tagħna għal pajjiżi bħall-Ukrajna u l-Moldova jew il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Deċiżjonijiet bħal dik dwar il-forniment ta’ armi lill-Ukrajna. Ftit aktar minn għoxrin sena ilu, fl-Ewropa kien hemm dibattitu enormi dwar jekk għaxar pajjiżi għandhomx isiru membri tal-Unjoni Ewropea. Kont għadni studenta, nitgħallem il-partikolaritajiet tal-politika, iżda kelli konvinzjoni tal-azzar li l-Ewropa kellha setgħat ta’ trasformazzjoni. Qatt ma kienet kwistjoni li kulħadd ikollu l-istess xbieha u sura. Pjuttost kienet konvinzjoni fundamentali li l-forza kienet fl-għaqda tagħna kif ukoll, u fuq kollox, fid-diversità tagħna. Kienet tirrigwarda s-sigurtà tagħna, l-opportunitajiet tal-futur u l-kumdità tal-appartenenza f’komunità. Għalina kienet tfisser kollox. U dan hu l-ispirtu li jmexxi l-azzjonijiet tagħna llum. Minkejja l-imperfezzjonijiet kollha tagħna, għad hemm tant nies fid-dinja li qed jgħixu taħt il-madmad tal-oppressjoni li għalihom l-Unjoni Ewropea ma tilfitx dik id-dija tagħha. Li għalihom l-Istati Uniti se jibqgħu dejjem alleat naturali. Ix-xenarju ġeopolitiku qed jinbidel. Il-karrijiet armati ta’ Putin jattakkaw l-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran; Lukashenko jippersegwita, jitfa’ l-ħabs u jittortura lin-nies minħabba l-konvinzjonijiet demokratiċi tagħhom; iċ-Ċina li kibret b’sistema ta’ valuri differenti minn tagħna; l-Indja li qiegħda tikber; l-Afganistan reġa’ qed jaqa’ fid-diżordni; l-Iran jistiga l-inkwiet fil-Lvant Nofsani u jsostni r-Russja; is-sitwazzjoni fl-Afrika Ċentrali u tal-Lvant waslet biex tisplodi; u l-Amerka t’Isfel qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sfidi ekonomiċi ġodda u qodma. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma tnejn mill-aktar blokok ekonomiċi b’saħħithom tad-dinja. Ir-relazzjoni trans-Atlantika tagħna hija vitali għall-ekonomija globali. Iżda l-forza reali tagħna għandha għeruqha ferm aktar fil-fond. Naqsmu flimkien ħolma. Naqsmu flimkien valuri. Id-dinja ma tistax tistagħna f’ambjent ta’ żbilanċi. Jeħtieġ li nibnu alleanza demokratika globali ta’ sħab u ħbieb fdati. Hija l-istess responsabbiltà li ħassejna u ħadna meta ntlabna nieqfu mal-Ukrajna. Wara kliemna, ġew il-fatti, b’appoġġ reali u konkret. Flimkien, adottajna sanzjonijiet ħorox li naqqsu l-flus li ddaħħal ir-Russja miż-żejt u mill-gass kważi bin-nofs. U għadhom jonqsu. Taħt pressjoni enormi, urejna li għandna kapaċità ta’ reazzjoni u ta’ adattament. Urejna li l-istil ta’ ħajja tagħna u l-mod li bih nagħmlu l-affarijiet jaħdmu, li l-valuri tagħna huma importanti, u li vallapena li niddefenduhom. Dawn ir-relazzjonijiet u dawn il-prinċipji baqgħu rilevanti anki wara ħafna żmien, u huwa biss jekk nibqgħu naħdmu flimkien u nżommu t-tmun flimkien li nistgħu negħlbu l-provi tal-lum. Wisq nies minn fost iċ-ċittadini tagħna bilkemm jirnexxilhom jaslu sal-aħħar tax-xahar, wisq nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ soqfa mill-eħxen ħġieġ, wisq żgħażagħ tagħna għadhom qed jaffrontaw futur għalkollox inċert. It-tibdil fil-klima għad għandu effetti devastanti fuq il-ħajja, fuq il-mezzi ta’ sussistenza u fuq l-ambjent tagħna. Ir-rivoluzzjoni diġitali tant qed tiżviluppa malajr li ma nlaħħqux nirregolawha b’mod responsabbli. Jeħtiġilna nżommu dak li jinkwieta lill-poplu tagħna fil-qalba ta’ azzjonijietna. Il-fażijiet li jmiss se jiddependu minn kemm aħna kapaċi nibqgħu kompetittivi. Kif nistgħu noħolqu impjiegi u prospettivi futuri dinjitużi. Kif nistgħu nimpedixxu l-inflazzjoni li qed twaqqa’ l-valur tal-assi tant li għaż-żgħażagħ ikunilhom impossibbli jixtru dar. Kif nistgħu niżguraw li t-tranżizzjoni diġitali tiffaċilita l-innovazzjoni tal-kumpaniji tagħna. Iva, veru, ir-riskju ta’ falliment huwa reali f’din it-tranżizzjoni. Iżda hija tranżizzjoni li mbagħad tagħmilhielek aktar faċli terġa’ tqum fuq saqajk. Fl-Unjoni Ewropea, bdejna nibnu l-pedamenti. Nieħu l-eżempju tal-Att dwar iċ-Ċipep tagħna, jew l-Atti dwar is-Servizzi Diġitali tagħna jew dwar is-Swieq Diġitali tagħna. Issa qegħdin naħdmu fuq l-ewwel leġiżlazzjoni dinjija u komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali, li tiffavorixxi l-innovazzjoni. F’dawn l-atti leġiżlattivi rivoluzzjonarji kollha, irnexxielna nsibu bilanċ bejn l-innovazzjoni u l-iżvilupp tan-negozju, is-sikurezza online taċ-ċittadini u l-iffissar ta’ standards li l-bqija tad-dinja se ssegwi inevitabbilment. Dan ma kienx faċli. L-Unjoni Ewropea hija differenti ħafna mill-Istati Uniti. Hija magħmula minn sebgħa u għoxrin pajjiż sovran, kull wieħed b’oqfsa regolatorji, kostituzzjonijiet, lingwi u interessi differenti li mhux dejjem ikunu konverġenti. Iżda huwa eżattament f’din it-taħlita ta’ ideat li nistgħu nsibu l-aħjar soluzzjonijiet li jaħdmu għal kulħadd. Naturalment, l-investimenti jirrikjedu l-finanzjamenti, minn fondi pubbliċi. Kif inkabbru l-ekonomiji tagħna – u nħallsu lura d-dejn tagħna – kif niżguraw li jkollna l-kapaċità u l-likwidità biex niffinanzjaw is-soluzzjonijiet mistennija minna? It-tweġiba hija tkabbir ekonomiku reali u sostenibbli.
Dejjem qist it-tranżizzjoni ekoloġika parti integrali ta’ dik l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli. Mhijiex biss obbligu, iżda hija wkoll investiment fl-ekonomiji tagħna. Imma biex din it-tranżizzjoni taħdem, trid tqiegħed lill-bniedem fil-qalba tagħha. Teħtieġ tkun iċċentrata fuq il-bniedem, trid tipproponi inċentivi veri u xbieki tas-sikurezza għall-industrija u trid tkun biżżejjed ambizzjuża biex tindirizza l-emerġenza klimatika reali ħafna li ninsabu fiha. Trid tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Iżda trid tkun ukoll għas-servizz tan-nies. F’dak li hu tibdil fil-klima, hemm bżonn li ma nibqgħux naħsbu b’mod binarju. Nistgħu nkunu l-aktar kontinenti ambizzjużi f’termini ta’ klima u, fl-istess ħin, nimmiraw li nkunu wkoll l-aktar kompetittivi, l-aktar innovattivi u l-aktar favorevoli għall-impriżi. Iżda l-uniku mod kif niksbu dan huwa...li nkomplu nitkellmu man-nies. U fuq kollox, nisimgħuhom. Dan hu l-mod kif nevitaw li ċ-ċittadini jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi tal-politika li jagħtu tweġibiet faċli għal mistoqsijiet diffiċli ħafna. Sta għalina nkunu l-mutur ta’ rivoluzzjoni tat-teknoloġiji nodfa u ninsab konvinta li nistgħu nagħmlu dan b’mod li ħadd ma jibqa’ lura. Fil-fatt, fl-Unjoni Ewropea diġà għamilna progress notevoli. Implimentajna riforma vasta tas-Sistema tagħna għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, li hija soluzzjoni bbażata fuq is-suq li tinċentiva lill-kumpaniji jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom billi tpoġġi prezz fuq il-karbonju. Attwajna wkoll taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi għall-kumpaniji tagħna u qbilna li nistabbilixxu Fond Soċjali għall-Klima li se jgħin kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-familji jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom. Dawn l-isforzi diġà qed iħallu l-frott. Mis-sena l-oħra, in-numru ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi u eoliċi żdied ġmielu fl-Ewropa – 47% aktar għall-installazzjonijiet fotovoltajċi u 30% għal dawk eoliċi, biex inkun eżatta. Minkejja l-problemi marbuta mal-ktajjen tal-provvista wara pandemija li ħalliet ħerba warajha u kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli, l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Ippermettuli ngħid kelmtejn fuq id-difiża. Jekk tgħallimna ħaġa matul din l-aħħar sena u nofs, hija li l-kunċett ta’ sigurtà jeħtieġ li jinftiehem b’mod ġdid. M’għadux biss kwistjoni ta’ mezzi tal-gwerra konvenzjonali. Fit-tentattiv tiegħu li jfarrak ir-reżistenza Ukrena u jdgħajjef l-appoġġ tal-Punent, Putin strumentalizza l-informazzjoni, l-enerġija, l-ikel u saħansitra n-nies. Wasal il-mument li l-Unjoni Ewropea u n-NATO jsaħħu l-pilastri tal-kooperazzjoni tagħhom. Jirrigwarda l-appoġġ għall-paċi, il-paċi reali bil-libertà. Jirrigwarda l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna. Jirrigwarda d-difiża tal-valuri tagħna. Se nagħmlilkom appell: ġejt hawnhekk illum biex nistidinkom taqdu rwol ewlieni. Biex tħossu s-sens ta’ urġenza. Ir-rabbi Jonathan Sacks darba kiteb “Mhux kulħadd fostna għandu l-poter. Iżda lkoll kemm aħna għandna influwenza, sew jekk irriduha, sew jekk le... Teżisti forma ta’ tmexxija kwieta ta’ influwenza li ma tridx poter, iżda tbiddel il-ħajjiet. Fi żminijiet iebsa, għandna bżonnha aktar minn qatt qabel.” Id-dinja għandha bżonn dak li intom, l-istudenti, għandkom x’toffru: l-għarfien tagħkom, il-ħiliet tagħkom, id-determinazzjoni tagħkom, il-kuraġġ tagħkom, it-tmexxija tagħkom. Kunu lesti li fit-triq issibu ma’ wiċċkom, kif ġara lili, xi ċiniċi. Iżda kull ġenerazzjoni ġiet sottovalutata sa meta wriet quddiem id-dinja xi ssarraf. Sew fil-politika, fil-mediċina, fix-xjenza, fit-teknoloġija, jew fid-dinja universitarja, ninsab totalment konvinta li fikom għandkom potenzjal infinit biex tagħmlu lid-dinja tagħna post ftit aħjar, ftit aktar sikur u ftit aktar ugwali. Biex iġġibu lid-dinja tagħna ftit eqreb għal kif suppost tkun. Ħbieb tiegħi, wasal il-mument biex nieħdu rwol ta’ tmexxija, u ma nistgħux ninqabdu mhux ippreparati.