Dan hu l-mument tal-Ewropa – il-President Metsola f’Palermo  

 

Dan hu l-mument tal-Ewropa – il-President Metsola f’Palermo  

Palermo, Italja  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ingħatat merħba sabiħa ħafna mill-istudenti fl-inawgurazzjoni tas-sena akkademika l-ġdida fl-Università ta’ Palermo. Fid-diskors ewlieni tagħha, il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid tkompli toħloq l-impjiegi u tikkontribwixxi lejn is-sigurtà u l-paċi.

       

Rettur Manifku,
Awtoritajiet reġjonali u muniċipali,
Għeżież kollegi,
Deputati,
Għeżież Professuri,
Għeżież studenti,

Huwa unur u privileġġ għalija li qiegħda nkellimkom hawn illum.

F’dan il-mument ma nistax ma naħsibx f’Giulia Cecchettin, studenta bħalkom. Tfajla brillanti li ħajjitha nħasdet bl-aktar mod brutali. L-ebda kelma ta’ faraġ ma tista’ terġa’ ġġibha lura. Jeħtiġilna nagħmlu aktar għan-nisa.

Illum eluf ta’ nies ingħaqdu f’tgħanniqa waħda bla limiti.

Nistidinkom ilkoll niftakru fiha mhux b’mument ta’ silenzju, iżda b’mument ta’ storbju b’applaws tant qawwi li jasal sa Padova.

Għeżież żgħażagħ,

Jiena waħda mill-ftit fl-Ewropa li jkollhom jivvjaġġaw lejn it-Tramuntana biex jaslu Palermo. Trabbejt bieb u għatba ma’ Sqallija, bil-kultura ta’ artkom timla kull nifs li nieħu. Art li għandha sinifikat qawwi immens. Hawn iffjorew uħud mill-aktar ċiviltajiet importanti tal-istorja. Sqallija kollha kemm hi, iċ-ċentralità tagħha, li fiha ssawret l-identità Ewropea, hija metafora sabiħa tal-Unjoni tagħna. 

Simbolu ta’ ftuħ, ta’ djalettika kontinwa u kapaċità ta’ sinteżi bejn kulturi differenti. Dan jagħmel lill-gżira, lill-Mediterran, lill-Ewropa, postijiet ta’ kreattività, inventività u sbuħija li m’hawnx oħrajn bħalhom fid-dinja.

Kont tifla meta nfetħet l-ewwel tiċrita fil-purtiera tal-ħadid. Forsi l-ġenerazzjoni tiegħi ma fehmitx mal-ewwel is-sinifikat enormi ta’ dak il-mument, imma niftakar ċar il-ferħ sfrenat ta’ miljuni ta’ Ewropej li sa fl-aħħar kienu ħielsa li jieħdu rajhom f’idejhom. Niftakar l-emozzjoni pura tal-ġenituri tiegħi jaraw dak li kien qed jiġri fuq is-sett tat-televiżjoni żgħir tagħna li kellna d-dar. Konna qed inħossu sens ta’ tama, ta’ opportunità illimitata, li fiha n-nies kienu jemmnu. 

Spiss niftakar f’dak iż-żmien meta naħseb fil-valuri komuni li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea tagħna.

Iżda, maż-żmien, forsi mlejna rasna bil-konvinzjoni li t-triq tagħna kienet se tibqa’ għal dejjem. Kien mingħalina li l-vantaġġi tad-demokraziji liberali tant kienu evidenti li liċ-ċittadini ma bqajniex ngħidulhom biex jiġġieldu għalihom. 

Konna żbaljati. Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja invadiet b’mod brutali l-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran. 

Għaliex appoġġajna lill-Ukrajna b’kemm kellna saħħa? 

Għaliex bgħatna għajnuna umanitarja, militari u finanzjarja...u għaliex għadna nibagħtuha?

Għaliex il-Parlament Ewropew kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li leġittimat il-perkors Ewropew tal-Ukrajna u talbet li jkunilha rikonoxxut l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE?

Għaliex ingħaqadna biex nadottaw diversi pakketti ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja? Għaliex fl-istess ħin iġġilidna kontra d-dulluvju ta’ diżinformazzjoni u ta’ biża’ tal-Kremlin?

Għax għall-Ewropa, dan hu dak li wegħidna għal ġenerazzjonijiet sħaħ: li aħna favur il-ġustizzja, il-libertà, l-istat tad-dritt. Anki meta jkun diffiċli nagħmlu hekk. Anzi. Speċjalment meta jkun diffiċli. 

Jeħtiġilna nżommu sod fl-appoġġ tagħna lill-Ukrajna u fir-reazzjoni iebsa għall-aggressjoni Russa. Hija theddida għall-mudell demokratiku tagħna, għas-sigurtà tagħna u għall-valuri tagħna. Dan l-impenn huwa proprju s-sinsla tal-Ewropa li bnejna.

Lanqas ma nistgħu ndawru ħarsitna mill-kriżi li għaddejja f’Iżrael, f’Gaża u fil-Lvant Nofsani kollu. Is-sitwazzjoni fuq il-post hija orribbli, traġika u ta’ disprament. Rajtha b’għajnejja. Iltqajt mal-familji ta’ dawk li nħatfu minn Ħamas. Iltqajt mal-persuni li qegħdin jibku t-telfa ta’ qrabathom f’Gaża. Għalhekk huwa importanti li nesprimu s-solidarjetà tagħna, li ntennu r-rifjut tagħna tat-terroriżmu, li ngħinu biex niżguraw li l-ostaġġi jkomplu jinħelsu u li nkomplu nfittxu soluzzjonijiet biex aktar għajnuna tasal għand dawk li tant għandhom bżonnha b’mod iddisprat. 

Qlubna jeħtiġilhom ikunu biżżejjed kbar biex nieħdu ħsieb il-vittmi innoċenti kollha u mħuħna biżżejjed razzjonali biex insibu soluzzjoni ta’ paċi fit-tul, ibbażata fuq soluzzjoni b’żewġ Stati, li tagħti tama lill-familji Iżraeljani u Palestinjani. 

Ħbieb,

L-Ewropa hija proġett li minn dejjem iħares lejn il-futur. Lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda tathom il-possibbiltà li jsiefru, jistudjaw, jaħdmu, jagħmlu riċerka, joħolqu impriżi fi spazju ta’ libertà kbir. Bis-saħħa ta’ programmi bħal Next Generation EU, Erasmus+, Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, Orizzont Ewropa, InvestEU, il-Fond Soċjali, il-Fondi Reġjonali u dawk għall-Iżvilupp Rurali, liż-żgħażagħ tal-Italja t’isfel qed nagħtuhom l-opportunità li jużaw it-talenti tagħhom u jibnu l-ġejjieni tagħhom. 

Il-flus u s-suq tal-Ewropa mhumiex għanijiet fihom infushom. Is-suċċess tagħhom jista’ biss jitkejjel bl-opportunitajiet li joffru għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Bħala mara tan-naħa t’isfel tal-Ewropa, naf xi jfisser li jkollok tikketta fuqek. U bħala mara tan-naħa t’isfel tal-Ewropa, li trabbiet fuq gżira, naf kif tħossok meta tkun minsi, traskurat minn ħaddieħor, sottovalutat intortament. Inweġġa’ meta nara bosta ġenerazzjonijiet ta’ Taljani t’isfel imġiegħla jmorru jfittxu opportunitajiet aħjar band’oħra. Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-fatt li nagħmlu l-ispazji kondiviżi aktar ekwi, il-punt tat-tluq tal-ħidma tagħna għandu jkun hawn.

Wara l-pandemija, l-Unjoni Ewropea żviluppat il-pjan ta’ rkupru NextGenerationEU għall-Ewropa. Il-fulkru tiegħu, il-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u Reżiljenza, huwa rankatura lejn il-kapitolu li jmiss tal-prosperità tal-Ewropa. 

Permezz tal-modernizzazzjoni u tar-riformi, kif ukoll tal-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika u f’dik diġitali, se nissaħħu aktar u se nqawwu l-kapaċità ta’ reżistenza tagħna għall-kriżijiet futuri.

L-Italja hija l-akbar benefiċjarju tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan il-kontribut Ewropew, finanzjament li jammonta għal €194.4 biljun, jirrappreżenta opportunità mingħajr preċedent biex ninvestu fil-futur tagħkom. Biex jiġu ġġenerati mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda, titjieb il-kwalità tal-ħajja u jiġu inċentivati t-talenti taż-żgħażagħ biex ma jitilqux.

L-Italja t’isfel għandha potenzjal qawwi li ma jintużax u li qed jistenna li jiġi żblukkat. Wasal il-mument biex inreġġgħu lura r-rotta. Iżda dan ma jkunx possibbli mingħajr aċċess għall-finanzjamenti u sistema ta’ infrastrutturi moderna. Għaliex jekk nimmiraw lejn il-konnettività, jekk intejbu l-infrastrutturi, jekk nibdew inqisu lil dan ir-reġjun bħala bieb lejn l-opportunitajiet ekonomiċi, u bħala punt ta’ riferiment naturali għall-pajjiżi tal-Mediterran, allura l-Italja t’isfel se tistagħna. L-Italja se tistagħna u magħha l-Ewropa kollha se tistagħna. 

Iż-żjara tiegħi tal-lum isservi wkoll biex tenfasizza li l-Ewropa trid titqies opportunità. Biex insibu soluzzjonijiet għall-problemi tagħkom. 

Għandna bżonn ukoll soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni migratorja; dan ħadd ma jafu aħjar minn Sqallija. F’dawn l-aħħar għaxar snin, skont l-istimi, fuq xtutkom waslu aktar minn 650,000 rifuġjat. F’isem il-Parlament Ewropew, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-ġenerożità u għar-reżiljenza li wrejtu intom u terfgħu fuq spallejkom dan il-piż sproporzjonat. 

Għaddew 10 snin min-nawfraġju ta’ Lampedusa u minn dak iż-żmien iċ-ċimiterju tal-Mediterran ikkawża l-mewt ta’ eluf ta’ nisa, tfal u rġiel oħra. Il-migrazzjoni hija l-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna u għandna nindirizzawha b’mod ekwu u uman ma’ min qiegħed ifittex protezzjoni, sod ma’ min ma għandux dritt u iebes max-xbieki kriminali li jkomplu jisfruttaw lil dawk vulnerabbli. 

Nassigurakom li l-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel dak kollu li hu possibbli biex jilħaq ftehim rigward il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil sa tmiem din il-leġiżlatura. 

Ħbieb,

spiss wisq nitkellmu dwar drittijiet u valuri bħallikieku kienu kunċetti elevati li nsibu f’xi ktieb qadim. Jekk din l-instabbiltà ġeopolitika dejjem akbar għallmitna xi ħaġa, din tkun l-importanza li kuljum nuru għaliex huma neċessarji u kif jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Jiġuni f’moħħi żewġ ex studenti ta’ din l-Università grandjuża: Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. Ħajjithom iddedikawha biex jiddefendu l-verità u l-ġustizzja. Huma l-eroj tiegħi. Huma l-eroj tal-Italja. Huma l-eroj tal-Ewropa.

Il-korruzzjoni tnawwar is-sisien ta’ dak kollu li bnejna. U toqtol. 

Mhux biss lill-prosekuturi pubbliċi, iżda wkoll lill-attivisti, lill-politiċi, lill-ġurnalisti. F’Malta, il-korruzzjoni qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Fis-Slovakkja, lil Ján Kuciak u ħafna oħrajn fl-Ewropa u fid-dinja. Għalhekk, meta nitkellem dwar il-korruzzjoni bħala l-akbar għadu tal-valuri komuni tagħna, m’hemmx riferimenti għal konfini ġeografiċi. Jekk irridu nipprevjenu u niġġieldu l-korruzzjoni, jeħtiġilna nħarsu lejn l-Ewropa biex insibu tweġiba. 

Is-sena l-oħra, il-“Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali” ssekwestrat aktar minn €180 miljun u arrestat kważi 1,000 ruħ. Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tagħna kontra l-ħasil tal-flus, qegħdin inrażżnu l-finanzjamenti illeċiti li jaqsmu l-fruntieri. Biex l-ispazju kondiviż tagħna jsir ftit aktar sikur, ftit aħjar, ftit aktar ġust.

Għeżież żgħażagħ,

L-Ewropa li nixtieq trid tikkonċentra fuq ftit kwistjonijiet kbar: toħloq l-impjiegi b’aktar investimenti, tikkontribwixxi għall-istabbiltà u għall-paċi, b’politika barranija, tad-difiża u tas-sigurtà ta’ vera, tiddefendi l-interessi Ewropej fid-dinja globali.

Forsi rrid wisq, imma dan hu dak li rridu nfissru meta nitkellmu dwar Ewropa tal-valuri komuni. Żona li fiha kulħadd jista’ jikkoopera, jistagħna, ikun liberu li jgħix kif jixtieq. Spazju sikur fid-dinja, fejn drittijietna jkunu mħarsa, fejn kulħadd, ikun min ikun, jiġi minn fejn jiġi, ikollu aċċess għall-opportunitajiet, fejn kulħadd jista’ jwettaq il-potenzjal tiegħu. Unjoni ta’ tama u possibbiltà. 

Dan il-kunċett ejjew ma nneħħuhx minn quddiem għajnejna. Il-Parlament Ewropew, l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini, għandu jkollu rwol ċentrali fil-promozzjoni ta’ din il-bidla. Għandna bżonn lil min isemma’ leħnu – leħinkom – biex dan id-dawl ikompli jiddi. Għalhekk is-sena d-dieħla, fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet Ewropej, huwa importanti li tivvutaw u li tikkonvinċu anki lil sħabkom u lil qrabatkom jivvutaw.

Wasal il-mument tagħkom. 

Grazzi.