Wasal iż-żmien li nġeddu l-alleanza transatlantika tagħna 

 

Hi u tindirizza lill-istudenti fl-Università ta’ Harvard f’Cambridge, il-President Metsola qalet li minbarra li għandhom ħolma u wegħda komuni, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jiffurmaw rabtiet aktar b’saħħithom, ta’ benefiċċju reċiproku, ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà.

Għażiża Sviatlana,
Mistednin distinti,
Studenti,

Ippermettuli ngħid kemm jien onorata li ninsab hawn, li ġejt mistiedna f’din l-Università straordinarja u li nista’ nkellimkom illum. Inħossni nafha sew il-Harvard Kennedy School. Hija l-università li attenda r-raġel tiegħi, u wara għoxrin sena, bħal ma jiġri lil kull min studja hawn, tissemma tal-inqas darba ma’ kull żewġ konversazzjonijiet li jkollna. 
 
Dan jixhed il-prestiġju tal-Università u l-effetti dejjiema tagħha. Dan ngħidu biex nagħtikom il-kuntest. Għoxrin sena ilu, kont imdaħħla fil-kampanja biex pajjiżi jidħol fl-Unjoni Ewropea, kont għadni studenta, nitgħallem il-partikolaritajiet tal-politika. Kienet kampanja ferm qalila. Kont nemmen b’konvinzjoni kbira li post il-ġenerazzjoni tiegħi kien fl-Ewropa. U għadni nemmen l-istess. 

L-impatt trasformazzjonali tal-Ewropa fis-soċjetajiet, fil-komunitajiet, fl-istandards, fl-ekonomiji u fl-ambjent tagħna kien ifisser kollox għalina. Kienet tirrigwarda s-sigurtà tagħna, il-forza fl-għaqda u l-kumdità tal-appartenenza. 

Il-kampanja rbaħnieha. Poġġejna fuq is-siġġu tagħna mal-mejda. Spiss naħseb f’dawk il-jiem, u meta nara lill-Ukrajna, lill-Moldova u lill-Balkani tal-Punent, naf kemm il-kwistjoni hija ta’ natura eżistenzjali għan-nies ta’ dawk il-pajjiżi. 

Allura meta nitkellmu dwar il-“ġlieda għar-rilevanza u għall-valur”, irridu nifhmu li għal miljuni ta’ nies, il-kunċett ta’ Ewropa huwa kollox. Mhuwiex biss destinazzjoni. Huwa stil ta’ ħajja u mod ta’ kif ngħixu. 

Huwa raġġ dawl, xi kultant solitarju, li jiddefendi d-demokraziji liberali, is-swieq ħielsa, ix-xbieki tas-sikurezza soċjali u l-libertajiet personali. Altru li mhijiex perfetta l-Ewropa. Nikkondividi ħafna mill-frustrazzjonijiet rigward il-proċessi tagħna iżda anki bl-imperfezzjonijiet tagħna, l-Ewropa vallapena. 

Hija bis-saħħa ta’ din il-konvinzjoni li r-relazzjoni trans-Atlantika damet ħafna żmien, u baqgħet anki wara ċerti amministrazzjonijiet. 

Qabel iltqajt ma’ ġurnalist Amerikan u l-idea tal-Istati Uniti bħala belt imdawla fuq muntanja ntużat kważi b’ċajta. Iżda għal tant nies fid-dinja kollha li għadhom jgħixu fid-dell tal-awtokrazija jew taħt it-theddida ta’ aggressjoni, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea ma tilfuhx dak id-dawl. Għandna t-tendenza ninsew li llum għad hemm nies jgħixu taħt awtokrazija u mhux f’demokrazija. Ħarsu naqra lejn il-battalja li Sviatlana tħabbat wiċċha kuljum. 

Għażiża Sviatlana, ma nistax nenfasizza biżżejjed is-saħħa li nislet mill-kuraġġ u mir-reżiljenza tiegħek. B’umiltà nara sa liema punt il-poplu tiegħek huwa lest li jasal għal dak li aħna, hawn, inqisuh in-normalità ta’ kuljum. Huwa bis-saħħa tiegħek u tal-poplu li qiegħed jiġġieled miegħek li l-Belarussja se tkun libera. 

Sviatlana, u l-poplu li tiġġieled għalih, kuljum jgħixu ġlieda għal-libertà. Kelma li tissemma ‘l hawn u ‘l hinn tant drabi li tilfet it-tifsira tagħha għal ħafna. Ħafna affarijiet naħsbuhom in-normalità: li nkunu nistgħu nivvutaw għal min jogħġobna jew li naqraw ġurnaliżmu indipendenti; li nkunu nistgħu nidħlu f’għaqda, ngħidu li rridu, niddiskutu u ma naqblux, nistinkaw għall-kuntentizza, ngħixu u nħobbu kif nagħżlu mingħajr konsegwenzi. Ħafna baqgħu mistagħġba meta saru jafu li għad hawn min jikkontesta dawn l-affarijiet. 

L-Ewropa u l-Istati Uniti għandhom dmir u responsabbiltà. Jeħtieġ li nkunu lesti għalihom flimkien. Biex nagħmlu dan, ma nistgħux nibżgħu nagħtu l-eżempju. 

Forsi ħsibna li konna rbaħna fl-1989, bil-waqgħa tal-Ħajt u tal-komuniżmu fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. Jekk kien hemm tagħlima waħda li ħadna b’mod brutali fl-24 ta’ Frar tas-sena l-oħra kienet li l-battalja tkompli. L-Ukrajna tinsab lesta għall-wegħda tal-Ewropa. Għall-valuri li naqsmu ma’ xulxin. 

It-Tieni Gwerra Dinjija spiċċat fl-1945 iżda għal miljuni ta’ persuni oħra kellhom jgħaddu 50 sena oħra qabel ma jkunu liberi. L-Istati Membri tagħna fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jafu x’qiegħda tissogra l-Ukrajna. Għexuh għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Nistgħu nkissru ċ-ċirku tal-istorja u nqiegħdu l-aggressjoni u l-imperjaliżmu fil-kotba tal-istorja fejn hu posthom. Dan jirrikjedi kuraġġ. Dan jirrikjedi sens ta’ tmexxija u meta jsir appell lill-Ewropa u lill-Istati Uniti, ma nistgħux nagħtuh il-ġenb. 

U ma tajniehx il-ġenb. Jien inkredibbilment kburija bir-risposta tagħna – bir-reżiljenza li rajna f’din l-aħħar sena. 

Fl-Ukrajna, wara kliemna segwew il-fatti u l-appoġġ. 

F’din il-kwistjoni kollha, naf sewwa li hemm dawk li jikkontestaw l-involviment tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti, dawk li jippreferu jagħmlu tabirruħhom li dak li qiegħed jiġri fl-Ukrajna mhuwiex reali jew min jipprova jsib skużi għad-delitti tal-gwerra u għall-ksur tad-dritt internazzjonali. Dawk li jippreferu s-sempliċità tal-propaganda mir-realtà ħarxa tal-gwerra. Dawk li jaħsbu li jinsabu wisq ‘il bogħod biex jagħtu kas. 

Lil dawk kollha ngħid li l-prezz tal-libertà mhuwiex għoli wisq. L-Unjoni Ewropea evitat il-kunflitt fi ħdan il-konfini tagħha billi ppromoviet – mhux għakkset – l-interessi taċ-ċittadini tagħha, billi pproteġiet id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem fl-Istati Membri kollha tagħha. Il-paċi trid tibqa’ l-għan aħħari, imma biex ikun hemm il-paċi, irid ikun hemm Ukrajna. U mhix se jkun hemm Ukrajna mingħajr l-appoġġ tagħna. 

Is-sena l-oħra, fil-Ġermanja, l-Isqof Dieser ta’ Aachen qal: “L-Unjoni Ewropea ma għandha bżonn la taħkem u lanqas teqred lil xi ħadd biex tkun u tibqa’ dak li hi. Iżda issa qed ikollha titgħallem – f’periklu kbir u brutali – kemm jinsabu kompromessi b’mod gravi l-valuri u l-kisbiet tagħha, u kemm nies, li wkoll jissieltu għal dawk il-valuri, qed imutu jew qed tiġihom misruqa l-hena tagħhom.”

Għeżież ħbieb, 

Id-demokrazija teħtieġ sforz. 
Id-demokrazija jistħoqqilha kuraġġ. 
Id-demokrazija teħtieġ sens ta’ tmexxija. 

U s-sens ta’ tmexxija se jkun neċessarju biex tingħeleb il-burraxka ta’ polikriżijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Qed naffrontaw gwerra bi rkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija li għadu fraġli wisq, il-kontijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni għadhom għoljin; dan ifisser li l-pagi tan-nies mhumiex qed jibqgħu jservuhom sal-aħħar tax-xahar. Għandna sfidi relatati mal-migrazzjoni li għad iridu jiġu indirizzati b’mod xieraq. Materja prima li qed issir aktar skarsa u li qed tagħmel ħsara lill-ktajjen tal-provvista globali. Katastrofi klimatika li ma tistax tiġi injorata. Korruzzjoni li qiegħda tnawwar il-fiduċja taċ-ċittadini. Sfidi relatati mal-istat tad-dritt li qegħdin jheddu d-drittijiet tal-persuni. 

L-UE u l-Istati Uniti huma, iva, alleati antiki u stretti iżda hekk kif l-ekonomija globali ssibha diffiċli tqum fuq saqajha, hemm bżonn li nsiru ħbieb dejjem ikbar u li jsawru rabtiet ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà aktar b’saħħithom u reċiprokament vantaġġużi. Hemm bżonn nevitaw ġirja lejn l-iktar livell baxx. Għalhekk huwa kruċjali li tiġġedded l-alleanza trans-Atlantika tagħna jekk irridu naffrontaw ir-realtajiet il-ġodda u ferm perikolużi li qegħdin isawru s-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna. Huwa minnu li hemm dawk li jixtiequ jdawru l-arloġġ lura 100 sena – jeħtiġilna nkunu lesti nilqgħu din l-isfida reali ħafna. 

L-isfidi huma ħafna u ma jiġux kollha minn barra. 

Bħala eżempju ħudu l-moviment tal-persuni. Kwalunkwe sid ta’ impriża jew espert finanzjarju jgħidilkom li hemm bżonn in-nies biex l-ekonomiji tagħna jkomplu jikbru, biex jimtlew il-postijiet ta’ impjieg u jiġi żgurat li jitkomplew il-mudelli kummerċjali. Fl-istess ħin, in-nies iridu wkoll iżommu l-irħula jew il-bliet tagħhom eżatt kif jemmnu li kienu 50 sena ilu. Nisimgħu inqas bil-vantaġġi u bil-ġmiel tad-diversità u iktar dwar speċi ta’ nostalġija illużorja għal stil ta’ ħajja li nieħdu pjaċir nemmnu li xi darba eżista. Irridu l-vantaġġi kollha ta’ ekonomija globali b’saħħitha mingħajr ma nħallsu l-ebda prezz għaliha. 

Dan hu biss eżempju wieħed ta’ dak li lkoll kemm aħna għandna quddiemna. Ta’ kemm hu faċli tbigħ soluzzjonijiet sempliċi jew frażijiet li żgur iħallu effett, li fir-realtà ma jeżistux.

Bħalissa fl-Ewropa, u fuq din in-naħa tal-Atlantiku, qegħdin naraw min jisfrutta lil dawn il-kwistjonijiet biex jerġa’ jġib il-politika identitarja ħalli b’mod espliċitu jipprova jirbaħ l-elezzjonijiet billi jiġbed lejh l-agħar aspett tan-natura tagħna. Huwa l-użu tal-miżinformazzjoni biex jinħoloq il-“ħaddieħor”, b’hekk nagħtuh it-tort għall-ħażin kollu tagħna. Jew il-kunċett tal-“elit” misterjuża li tirrenja f’Washington DC jew fi Brussell. Din hija tattika antika daqs il-politika. 

L-għan tagħha mhuwiex li ssolvi l-problemi jew tagħmel ħajjet in-nies ftit iktar faċli jew ftit aktar sikura. Hija l-aħħar riżorsa ta’ dawk li ma għandhomx tweġibiet. Għal dawk li l-poter fih innifsu huwa għan. Din in-narrattiva hemm bżonn niġġilduha u nirreżistuha, inkella naraw lis-soċjetajiet tagħna jduru għal xulxin imkesksa mill-miżinformazzjoni u mill-isfiduċja. 

Biex nagħmlu dan, hemm bżonn nerġgħu nibnu ċ-ċentru tal-panorama politiku tagħna biex immorru lura għall-forza tal-bidla pożittiva globali kif nafuha. Il-kompromess u l-moderazzjoni meqjusa mhumiex kunċetti obsoleti, pjuttost huma l-unika triq ‘il quddiem. 

F’dawn l-aħħar għaxar snin ħriġna minn kull problema importanti li kellha quddiemha l-Ewropa billi sirna eqreb ta’ xulxin. Il-kriżi finanzjarja, il-pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna, l-isfidi relatati mal-istat tad-dritt, il-migrazzjoni, is-sigurtà u d-difiża – l-approċċ tagħna kien li nersqu lejn xulxin, niġbru r-riżorsi tagħna flimkien u nikkooperaw aktar. Jeħtieġ li nkomplu mexjin f’din ir-rotta. Dan ma jfissirx li l-Ewropa hija jew tipprova tkun omoġenja – altru minn hekk – aħna lkoll differenti, għad li nemmnu li jmissna jkollna l-istess possibbiltà, li fundamentalment ingawdu kollha meta naġixxu flimkien.

L-UE u l-Istati Uniti huma żewġ blokok ekonomiċi fost dawk l-aktar b’saħħithom fid-dinja, iżda s-saħħa tagħna tinsab fil-fatt li t-tnejn li aħna m’aħniex biss ekonomija, iżda aħna xi ħaġa ferm akbar minn hekk. Għandna ħolma komuni, wegħda komuni. 

Ilkoll kemm aħna fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jeħtiġilna nsemmgħu leħinna biex niddefendu politika bbażata fuq il-valuri, inkella nirriskjaw nibqgħu mirduma mill-populiżmu jew inkebbsu lil dawk li għalihom l-istil ta’ ħajja tagħna, sempliċement għax jeżisti, huwa theddida.

Hemm bżonn nerġgħu nħaddnu dak is-sens ta’ tama, ta’ ottimiżmu, ta’ komprensjoni. Hemm bżonn inkomplu nisimgħu, inkomplu nispjegaw u nkomplu niksbu riżultati. B’hekk inkunu nistgħu noħolqu mill-ġdid dak iċ-“ċentru politiku” u nevitaw li nirtiraw fil-kumdità tal-pożizzjonijiet estremi u fit-tweġibiet faċli għal mistoqsijiet diffiċli li jxerrdu l-populisti. B’hekk niżguraw li d-demokraziji liberali tagħna jkunu jistgħu jwieġbu lil dak li jinkwieta lin-nies, billi juru b’mod konkret il-valur tad-demokrazija u tal-libertà kuljum. Jeħtieġ li dan nagħmluh aħjar.

Wasal il-mument li naġixxu. Il-mument għall-ġenerazzjoni tagħna biex tieħu f’idejha r-riedni, tafferma mill-ġdid il-bżonn u l-valur tad-demokrazija, tal-multilateraliżmu.

Konvinta li lesti għal dan il-mument.

Grazzi.