L-Ukrajna hi l-Ewropa 

 

Sena mill-invażjoni brutali tar-Russja fl-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola saħqet li l-impenn tal-Parlament Ewropew għall-appoġġ lill-Ukrajna jibqa' b'saħħtu. F'artiklu ppubblikat madwar l-Ewropa, l-President Metsola qalet, "L-Ewropa u l-Ukrajna huma ħaġa waħda. L-Ukrajna hi l-Ewropa. L-Ewropa hi l-Ukrajna."

Id-dinja li konna nafu nbidlet radikalment fl-24 ta' Frar 2022. Dakinhar u kuljum minn dakinhar, il-ħajja ta' miljuni ta' familji Ukreni tfarrket. Minn mument għall-ieħor, ħafna kellhom jitilqu kollox. Tmien miljun Ukren, kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u jfittxu kenn fl-Unjoni Ewropea. Sitt miljun ruħ oħra kellhom jiġu spostati fi ħdan il-pajjiż stess. 

Id-dinja nbidlet anki għalina lkoll, li qegħdin naraw b'għajnejna l-brutalità, l-inġustizzja, il-ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali, it-terrur, id-diżrispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti tal-gwerra li, sena wara, għadhom qed jiġu kommessi fuq it-territorju sovran tal-Ukrajna. 

Ilkoll kemm aħna rridu l-paċi. Speċjalment l-Ukreni. L-ideal Ewropew stess jissejjes fuq il-paċi. Imma l-paċi mingħajr libertà u mingħajr ġustizzja mhi paċi xejn. 

Hu u jitkellem fil-Parlament Ewropew ġimagħtejn biss ilu, il-President Zelenskyy ddikjara li l-Ewropa jqisha kontinent ibbażat fuq regoli, valuri, ugwaljanza u ekwità u post fejn l-Ukrajna tħossha komda immens fih. Qal ukoll li l-Kremlin, mill-banda l-oħra, qed jagħmel kulma jista' biex jeqred il-valuri Ewropej. 

Għalhekk se nkomplu nieqfu mal-Ukrajna. Iċ-ċittadini tagħha jiddependu minn dan. L-Ewropa tiddependi minn dan. Il-paċi tiddependi minn dan. Nieqfu mal-għadd kbir ta' familji li sabu ruħhom imċaħħdin minn kollox. Nieqfu mal-forzi tad-difiża tal-Ukrajna li jiġġieldu għal-libertà, għad-demokrazija u għall-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. Nieqfu ma' dawk li qed jiġġieldu għalina.

Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jitlob li jitwaqqaf tribunal speċjali biex itella' quddiem il-ġustizzja lil kull min hu responsabbli mid-delitti tal-gwerra, li huma delitti li mhumiex suġġetti għal preskrizzjoni. Delitti li ma nistgħux ninjoraw.

Għalhekk l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha żżomm is-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja, tal-persuni u tal-entitajiet li jappoġġaw il-gwerra illegali ta' Putin, u għalhekk jeħtiġilna neżerċitaw pressjoni fuq pajjiżi u kumpaniji privati oħra li għad għandhom relazzjonijiet mal-Kremlin. Ma nistgħux inkomplu għaddejjin qisu xejn mhu xejn mar-Russja. 

B'ħarstu lejn il-ġejjieni, il-Parlament Ewropew irid jibda jippjana l-ġurnata tal-liberazzjoni. L-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE. Għan li għalih kull pajjiż kandidat għandu t-triq tiegħu stess, imma li għalih għandna nibdew in-negozjati mill-aktar fis possibbli. Il-prospettiva tal-adeżjoni se tgħin, mhux biss moralment u simbolikament, iżda anki fil-mument tar-rikostruzzjoni ta' Ukrajna libera. 

Dan għandu x'jaqsam mhux biss mar-rikostruzzjoni fiżika enormi tal-Ukrajna, iżda anki mas-sistemi amministrattivi, tal-governanza u ġudizzjarji tagħha. Se jirrikjedi xogħol iebes u riformi diffiċli. Se jirrikjedi bidla u deċiżjonijiet kuraġġużi. 

Il-Parlament Ewropew u għadd kbir ta' programmi tal-UE jistgħu jkunu ta' għajnuna. Imma jekk is-sena li għaddiet urietna xi ħaġa, hija proprju l-fatt li l-poplu Ukren huwa fost l-eżempji l-aktar kuraġġużi, reżiljenti u impressjonanti ta' poplu li jiġġieled u jegħleb id-diffikultajiet. L-Ukreni jistħoqqilhom l-appoġġ bla riżervi tagħna. Aħna marbutin b'mod inseparabbli flimkien. L-Ukrajna hija l-Ewropa. L-Ewropa hija l-Ukrajna. 

You may find here the transcriptions of her speech per language: