L-Ukrajna għandha bżonn aktar appoġġ: Metsola taġġorna lill-PE dwar iż-żjara tagħha f'Kyiv 

 

Waqt li fetħet is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola aġġornat lill-Membri dwar iż-żjara tagħha f'Kyiv, l-Ukrajna. Hi qalet li filwaqt li d-deċiżjoni biex tmur Kyiv kienet diffiċli, kienet tfisser ħafna għal dawk li qed jiġġieldu fl-Ukrajna.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropea President Roberta Metsola waqt minuta ta' silenzju f'ġieħ il-vittmi tal-gwerra

Għeżież kollegi, nirringrazzjakom ħafna.

Nixtieq naġġornakom malajr dwar iż-żjara li kelli fl-Ukrajna, fil-Verkhovna Rada, u dwar il-laqgħa tagħna mal-President Zelenskyy.

Iż-żjara tiegħi kienet deċiżjoni diffiċli, iżda kienet tfisser ħafna għal dawk li qegħdin jiġġieldu fl-Ukrajna li l-Parlament Ewropew kien preżenti magħhom. Kont kburija li ħadt miegħi l-messaġġ tagħna Kiev u li wrejt li l-Parlament tagħna jinsab maġenbhom f'dawn iż-żminijiet mudlama.

L-atroċitajiet li wettqet l-armata Russa fl-Ukrajna huma terribbli, ta' għajb u tal-mistħija. Ir-realtà hija li l-immaġnijiet minn Bucha u minn Irpin huma l-istess bħal rapporti minn bliet oħra fl-Ukrajna. Huma jenfasizzaw il-livell tat-theddida li qed jiffaċċjaw l-Ukrajna u l-ordni dinji globali bbażat fuq ir-regoli.

F'Kiev, kont ċara. Dawn huma delitti tal-gwerra li twettqu minn kriminali tal-gwerra. Dawn huma atti ta' diżumanità koordinati li ma jistgħux jitħallew għaddejjin qisu xejn mhu xejn. U se nitolbu lil dawk responsabbli jagħtuna kont ta' għemilhom.

Għeżież kollegi, l-Ukrajna qiegħda tiġġieled għall-valuri tagħna, fl-aktar kundizzjonijiet imwiegħra. U jeħtiġilna nagħtuhom appoġġ. B'mod aktar konkret, dan ifisser li għandna bżonn nadottaw minnufih pakkett ġdid ta' sanzjonijiet qawwijin. Jeħtieġ li nimmiraw lil dawk li jiffinanzjaw u jappoġġaw lil Putin, u nagħlqu kwalunkwe lakuna li għadha teżisti. U l-oligarki ta' Putin, u sinċerament il-membri kollha tal-partit politiku tiegħu, ma għandhom isibu lil ħadd u xejn jgħinhom.

It-tieni, jeħtieġ li nintensifikaw l-istrateġija tagħna biex din l-invażjoni illegali ssir l-aktar żball li qatt ġie jiswa lill-Kremlin. Id-daqqa lill-ekonomija Russa trid tkun proporzjonata għall-atroċitajiet mingħajr preċendent li qegħdin naraw. U l-kumpaniji tagħna, biex jikbru, jeħtiġilhom iħarsu band'oħra u aħna se ngħinuhom.

Huwa kruċjali li l-Ewropa tħaffef il-politika ta' dipendenza żero mill-Kremlin, tħoll lilha nnifisha mill-provvisti tal-enerġija Russi, timplimenta embargi vinkolanti u twaqqaf indirettament il-finanzjament ta' dawk il-bombi.

Fl-aħħar nett, u dan hu l-appell tiegħi lilkom, fit-taħditiet kollha tagħkom, fid-dikjarazzjonijiet kollha tagħkom u fl-appelli kollha tagħkom, tħeġġu lill-gvernijiet u lis-sħab internazzjonali tagħna jaġixxu.

Jeħtiġilna noffru aktar appoġġ lill-Ukrajna, jiġifieri assistenza loġistika, aktar għajnuna umanitarja u aktar tagħmir militari li l-Ukreni tant u tant għandhom bżonn. Qegħdin jiġġieldu għalina u qegħdin iduru fuqna għall-għajnuna. U aħna ma għandniex ninjorawhom.

F'dan ir-rigward, nixtieqkom tingħaqdu miegħi f'minuta ta' silenzju f'ġieħ il-vittmi ta' Bucha, il-vittmi ta' Irpin u l-vittmi tal-gwerra, tat-terrur u tal-vjolenza.

Tista' tara d-diskors hawnhekk.