L-Ukrajna għandha bżonn l-armi, l-Ewropa għandha tkun f'pożizzjoni għall-pass li jmiss 

 

Waqt li kienet qed tindirizza l-attività 'Lejl ta' Ideat Ewropej' f'Berlin, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sejħet għal aktar għajnuna għall-Ukrajna. "Hemm bżonn it-tankijiet. Irridu nkunu f'pożizzjoni biex nieħdu l-pass li jmiss."

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza l-Lejl tal-Ideat Ewropej, f'Berlin

L-Ewropa għandha żminijiet ġodda quddiemha. Għandna l-kompitu li nsibu tarf it-tempesta perfetta ta' inflazzjoni, inċertezza politika, skarsezza tal-ikel, żieda fl-għoli tal-ħajja u provvisti tal-enerġija dejjem jonqsu, filwaqt li l-prezzijiet tal-elettriku qed jogħlew esponenzjalment. Dan kollu għandu bħala sfond il-kuntest tal-gwerra fil-kontinent tagħna bl-invażjoni brutali tal-Ukrajna u bl-inċertezza politika li timbotta dejjem aktar lin-nies fil-kumdità tal-pożizzjonijiet estremi. 

Il-biċċa tax-xogħol hija enormi. Mhijiex faċli. Mhijiex faċili għalina fil-Parlament Ewropew, ma hija faċli għal ħadd fil-Ġermanja u ma hija faċli għall-ebda Stat Membru jew Gvern. 

Qabel ma nitlob aktar mingħandkom, ippermettuli nirringrazzja lilkom fil-Ġermanja għal dak kollu li għamiltu. Għall-għajnuna militari kollha. Għall-fatt li rġajtu lqajtu lil dawk li qegħdin jaħarbu mill-gwerra. Għall-appelli iebsa li kellhom tagħmlu. Għas-sagrifiċċji kollha li għamiltu u għal dawk li għadkom se tagħmlu.

Iżda l-gwerra għadha ma spiċċatx. Se nintalbu nagħmlu saħansitra aktar. U proprju meta ninsabu f'punt li fih tibda tinħass l-għeja tal-gwerra u r-riżultati tal-istħarriġ u l-editorjali ta' opinjoni jsiru dejjem aktar diffiċli li jinqraw, jeħtieġ li nqawwu qalbna u nsibu r-reżiljenza biex inġibu dan kollu fi tmiemu. 

Tweġibiet sempliċi m'hemmx, u lanqas m'hemm garanziji – jekk xi ħadd jgħidilkom hekk, jiġifieri ma jifhimx il-kobor tal-isfida.  Imma ninsab konvinta li aħna lesti għaliha. Li nistgħu nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li n-nies tagħna jeħtieġu mingħandna. Li l-istil tagħna mhuwiex se jieqaf hawn u li jkun xi jkun dak li jkollna naffrontaw fil-ġejjieni, nistgħu negħlbuh aħjar meta nkunu magħqudin.

Ippermettuli ngħid li l-għaqda ta' bejnietna ma tfissirx li nkunu omoġenji. L-Ewropa ma timmirax li tagħmel lil kulħadd l-istess. Aħna lkoll differenti; għandna tradizzjonijiet, lingwi u kulturi differenti. 

L-Ewropa tfisser li nħaddnu dawn id-differenzi filwaqt li niżguraw opportunitajiet indaqs. Kulħadd jeħtieġlu jkollu l-istess possibbiltà, iżda mhux neċessarjament l-istess fehma. Hawn hi l-forza tagħna, anki jekk il-President Putin jaraha bħala d-dgħufija tagħna. Jifhimna ħażin. 

Huwa minnu wkoll li, f'din id-dinja l-ġdida, hemm bżonn tmexxija; għandna bżonn Ewropa li tagħti importanza lill-affarijiet importanti u ma taħlix wisq ħin għall-affarijiet irrilevanti. Għandna bżonn kompromess. Għandna bżonn il-kuraġġ politiku li ninjoraw il-perspettiva għal żmien qasir u jeħtiġilna nagħmlu r-riformi. 

Jiena konvinta li l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba, imma li tagħti importanza lill-affarijiet importanti tfisser li tkun kapaċi tagħti risposta lit-theddida reali u preżenti għall-Ewropa kkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna.

L-Ewropa rrispondiet malajr. Ninsab kburija bir-risposta tagħna. Kienet neċessarja fid-dawl tal-kobor tat-theddida. Ma ġibniex kollox tajjeb, imma assigurajna li l-istil ta' ħajja tagħna jiġi mħares. Urejna li dak kollu li ppritkajna matul dan l-aħħar nofs seklu huwa importanti, anki fil-mument meta jkollna nħabbtu wiċċna mal-forza ta' dawk li jippruvaw jagħmlulu sabotaġġ – speċjalment proprju f'dak il-mument.

Ma nistgħux nibilgħu l-ingann li qegħdin ngħixu fi stat ta' sigurtà falza. Nafu li r-riskju huwa wieħed eżistenzjali u jeħtiġilna nirrispondu billi ngħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha. Għalhekk għaġġilna biex ninħallu mill-provvisti tal-enerġija Russi, akkost ta' tbatija konsiderevoli. Għalhekk għenna lill-Ukrajna b'appoġġ finanzjarju u militari. Għalhekk is-sanzjonijiet tagħna ġiegħlu lir-Russja tħallas prezz għoli u għalhekk jeħtiġilna nkomplu nintensifikaw l-azzjoni u l-appoġġ tagħna. Għalhekk hemm bżonn nagħmlu aktar f'dawk li huma ffriżar u qbid tal-assi biex inħallsu għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Għalhekk hemm bżonn ngħoddu bħala eżempju l-Fond Marshall Ġermaniż u l-aħjar mod kif nużaw l-għażliet kollha biex ngħinu l-Ukrajna taċċedi għall-fondi li għandha bżonn. 

Mill-bidu tal-aggressjoni tar-Russja, l-Unjoni Ewropea approvat €7.2 biljun f'għajnuna finanzjarja lill-Ukrajna. Tajna €2.5 biljun f'appoġġ lill-forzi armati tal-Ukrajna u se nkomplu. Lill-Ukrajna tajnieha l-istatus ta' pajjiż kandidat tal-UE, li jagħti lill-pajjiżi objettiv ċar ta' żvilupp; anki jekk nafu li dan se jieħu ż-żmien.

Issa hu l-mument meta t-tmexxija tal-Ewropa hija importanti. U se nħarsu lejn il-Ġermanja biex tgħin fit-tmexxija. Jeħtiġilna nagħmlu aktar flimkien. Jeħtiġilna nifhmu wkoll li pajjiż wieħed ma jistax jintalab jiffaċċja t-tbatija u s-sagrifiċċji waħdu. 

Ninsabu f'punt deċiżiv. L-Ukrajna għandha bżonn l-armi biex tkampa. Il-biċċa l-kbira tal-industrija tad-difiża tagħha nqerdet, iżda ħafna mill-Istati Membri tagħna intervenew u għalhekk Kiev issalvat f'Marzu. Iżda fil-fażi li jmiss tal-gwerra, se jkun hemm bżonn armamenti peżanti. Hemm bżonn tal-karri armati u jeħtiġilna jkollna l-ħila nagħmluh dan il-pass. 

Fuq il-mejda hemm xi pjanijiet. Wieħed minnhom huwa l-inizjattiva Leopard Tank maħsuba biex l-Ukrajna tkun fornuta bi brigata ta' madwar 90 mill-kważi 2000 karru armat Leopard 2 fi Stati Membri differenti. Nafu li anki dawk li mhumiex lesti għall-ġlied jistgħu jerġgħu jsiru lesti fi żmien relattivament qasir. Dan ikun ifisser karru armat, skont l-istandards moderni, li jsir disponibbli malajr. Il-pajjiżi li jfornu l-karri armati jistgħu jiġu rimborżati mill-fondi Ewropej bħall-Faċilità għall-Paċi u dak ifisser li kull pajjiż ikun jista' jagħti sehmu f'dan l-isforz. 

Għażla oħra tista' tkun il-programm "lend-lease" (kiri u self) li jagħti lill-Ukrajna aċċess dirett għall-industrija tal-armi tagħna, u b'hekk tkun tista' ssemma' leħinha dwar dak li teħtieġ, filwaqt li l-UE tgħin biex tagħtiha l-finanzjamenti li għandna bżonn. U meta l-Istati Membri tagħna jgħaqqdu l-forzi tagħhom, ifisser li l-ebda Stat Membru waħdu mhu se jbati daqqa kbira żżejjed fil-kapaċità tad-difiża tiegħu.

Iż-żewġ għażliet għandhom min ifaħħarhom u min jikkritikahom. L-ebda waħda mhi perfetta, iżda l-inazzjoni mhijiex għażla prattikabbli. M'hemmx ħin għall-kompjaċenza. Kulma għandna bżonn hija r-rieda politika biex nieħdu azzjoni. 

Dak li hemm bżonn hu Ewropea kuraġġuża ġdida. Dak ifisser li jeħtiġilna ngħaddu minn soluzzjonijiet ad hoc għal Unjoni tas-sigurtà u d-difiża reali, li tikkomplementa n-NATO u mhux tikkompeti magħha.

Din il-bidla fil-paradigma teħtieġ ukoll li l-għaqda fostna tieħu passi deċiżivi u bla preċedent biex innaqqsu d-dipendenza tagħna u nsaħħu l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tagħna. 

Ħbieb tiegħi, Ewropa ġdida kuraġġuża tfisser li l-affarijiet isiru ftit iktar faċli, ftit iktar ġusti, ftit iktar dinjitużi għal dawk li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza bħalma ftit ġara drabi oħra fl-istorja. 

Bħalissa, in-nies huma mħassba dwar il-kontijiet tagħhom, dwar kif se jaslu sal-aħħar tax-xahar, dwar id-dinja li se jħallu lil uliedhom. Qed jinkwetaw dwar il-futur u l-Ewropa trid tkun kapaċi tirreaġixxi. Meta n-nies iħossu li d-demokrazija ma tgħinx biex tindirizza s-solitudni, l-iżolament u l-frustrazzjoni tagħhom, se jagħtuha daharhom.

L-ekonomija hija importanti. L-impjiegi huma importanti. Sens ta' appartenenza fis-soċjetà huwa importanti. Id-dinjità u l-edukazzjoni huma importanti, għaliex nafu li jekk id-distakk ekonomiku fis-soċjetà jfisser li wisq nies iħossuhom waħedhom u aljenati, dak hu l-mument meta jħossu li ddeludejniehom. 

Qed issir aktar diffiċli li nsaħħnu djarna, li nfornu l-fjuwil lill-industriji tagħna, li nżommu l-SMEs tagħna miftuħin u li nsuqu l-karozzi tagħna. L-inflazzjoni qed iżżomm il-prezzijiet għoljin. Dana nafuh. Hemm deċiżjonijiet li nistgħu nieħdu issa. 

Nistgħu naġixxu flimkien biex nillimitaw l-impatt: kemm jekk nimponu limitu massimu għall-prezzijiet, jekk niffissaw is-sistemi tal-kontijiet u tal-prezzijiet tagħna jew jekk nifirdu l-prezz tal-elettriku minn dak tal-gass. Nistgħu nirrikorru għall-baġit fit-tul tagħna, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, u naraw fejn hemm bżonn nirreveduh u kif nistgħu nagħmluh jaħdem aħjar f'din id-dinja l-ġdida. Hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu, anki temporanjament, biex nikkumpensaw għall-impatt immedjat, filwaqt li nimplimentaw strateġiji fit-tul. Jekk qatt kien hemm mument għal "aktar Ewropa", issa l-mument. 

L-Ewropa jeħtiġilha toffri t-tama lil niesha. Meta nħarsu lejn il-Lvant tagħna u naraw il-karri armati ta' Putin, jew iċ-Ċina li kibret b'ġabra ta' valuri differenti ħafna minn tagħna; meta nħarsu lejn it-Tramuntana tagħna u naraw għal xiex wassal il-Brexit; jew lejn il-Punent tagħna u naraw il-firdiet soċjetali profondi sfruttati mit-Trumpiżmu – huwa ċar li d-dinja għandha bżonn l-Ewropa fl-aqwa tagħha. Jekk intennu l-valuri li tirrappreżenta l-Ewropa, in-nies se jerġgħu jiksbu dak is-sens ta' urġenza u ta' ottimiżmu fil-potenzjal tal-proġett tagħna. 

Ħbieb tiegħi, l-Ewropa se tibqa' ħajja biss jekk niġġieldu għaliha. Jekk nibdew napprezzawha. Jekk nifhmu u nispjegaw il-vantaġġi tagħha. Jekk niġġieldu kontra dawk determinati li jdgħajfuha. Jekk nisimgħu. 

Jekk inkunu kapaċi ntennu li l-politika pro-Ewropea kostruttiva taċ-ċentru, tal-moderazzjoni, tal-bilanċ studjat, għadha tagħmel parti miċ-ċirku politiku tagħna – u li dan il-post fl-ispettru politiku jeħtieġ li jiġi konsolidat u msaħħaħ.

Jekk ikollna l-ħila nirriformaw. Jekk inkunu kapaċi nerġgħu ninvestu fil-potenzjal tal-proġett Ewropew.

Jekk il-lejl tal-ideat Ewropej tagħna jissarraf fi proposti konkreti. 

Grazzi.