Il-futur tal-Ukrajna hu fl-Unjoni Ewropea 

 

Il-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel dak kollu possibli biex jassisti fil-proċess tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea. Dan kien il-messaġġ tal-President Metsola lill-membri tal-Verkhovna Rada waqt li kienet qed tindirizza, għal darb'oħra, il-Parlament Ukren dwar il-progress tal-Ukrajna bħala pajjiż kandidat tal-UE.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

President Stefanchuk, Għażiż Ruslan,
Għeżież Membri tar-Rada, 

Huwa pjaċir tiegħi ningħaqad magħkom illum f'din is-sessjoni tassew speċjali tal-Parlament tagħkom li fiha se tkunu qed tadottaw tliet liġijiet kruċjali fil-qafas tal-istatus ta' pajjiż kandidat tagħkom għall-adeżjoni mal-UE.

Ippermettuli nibda billi ngħid kemm huwa impressjonat il-Parlament Ewropew bil-progress kbir li qed tagħmel l-Ukrajna fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-applikazzjoni ta' pajjiżkom għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea.

F'dan ir-rigward, l-impenn tal-President tal-Ukrajna, tal-Verkhovna Rada u tal-Gvern tal-Ukrajna huwa ċar għalina lkoll – naħdmu bla heda fl-aktar kundizzjonijiet diffiċli bil-gwerra Russa li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna.

Jiena konvinta li dawn l-isforzi se jħallu l-frott. 

Infaħħar il-ħidma kollha li saret, speċjalment fil-formazzjoni u ż-żamma tar-reġistri tal-oligarki, fit-tlestija tal-proċess biex tinħoloq il-Kummissjoni għall-Kwalifiki Għolja tal-Imħallfin tal-Ukrajna, fir-riforma tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, fil-ħatra tal-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni, u fl-adozzjoni tal-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni għall-2021-2025.

Illum, għal darb'oħra, se tieħdu l-passi li jmiss biex tipproteġu d-demokrazija tagħkom:

billi ġġibu l-liġi dwar il-media tagħkom konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

billi tkomplu tiżguraw id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi nazzjonali tal-Ukrajna kif ukoll

billi ttejbu l-proċedura ta' selezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta' mħallef tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna fuq bażi kompetittiva.

Naf li dan kollu kien xogħol diffiċli ferm. Iżda l-konsultazzjonijiet u d-djalogu jibqgħu vitali. Il-vot tal-lum se juri għal darb'oħra li meta naħdmu flimkien nistgħu niksbu riżultati pożittivi għall-ġid taċ-ċittadini Ukreni. Iġibkom ukoll pass ieħor eqreb biex issiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

Għeżież kollegi,

Ippermettuli nenfasizza wkoll ir-rwol kruċjali li l-Verkhovna Rada għandu fit-triq tal-Ukrajna lejn l-integrazzjoni Ewropea f'termini ta' approssimazzjoni leġiżlattiva. Infaħħar l-isforzi tagħkom biex il-liġijiet Ukreni jinġiebu f'konformità mal-acquis Ewropew.

Naf li qed taħdmu lejl u nhar u ta' dan nixtieq nirringrazzjakom.

Il-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel l-almu tiegħu biex jgħinkom fil-proċess ta' integrazzjoni tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea. 

Għax il-ġejjieni tal-Ukrajna huwa fl-Unjoni Ewropea.

Slava Ukraini.