Aħna l-aktar b’saħħitna meta naġixxu flimkien 

 

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat lill-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew. Fid-diskors tagħha, filwaqt li enfasizzat fuq il-ħtieġa li nsaħħu s-solidarjetà tagħna mal-Ukrajna, tkellmet dwar miżuri u investimenti biex tingħata spinta lill-kompetittività ekonomika.

Grazzi, Charles.

Nilqa’ wkoll fostna lill-President il-ġdid tar-Repubblika ta’ Ċipru, Nikos Christodoulides, li qiegħed magħna hawn għall-ewwel darba. Flimkien għandna impenn komuni favur ir-riunifikazzjoni ta’ pajjiżek taħt l-awspiċji tal-pjan tan-Nazzjonijiet Uniti. Tista’ sserraħ rasek mill-Unjoni Ewropea u mis-solidarjetà tagħna.

U hija proprju fuq is-solidarjetà li jeħtiġilna nkomplu ninsistu f’dak li għandu x’jaqsam mal-Ukrajna, f’termini politiċi, ekonomiċi, umanitarji u militari. Is-sitwazzjoni qed issir aktar diffiċli. Qed naraw li l-għeja minħabba l-gwerra, flimkien mal-propaganda Russa, qed tibda tagħmel tagħha. Se jkun dejjem aktar diffiċli nkomplu nispjegaw ir-raġuni għala għall-Ewropa huwa essenzjali tibqa’ spalla ma’ spalla mal-Ukrajna, għala l-prezz tal-libertà mhuwiex għoli wisq. Iżda jeħtiġilna nispjegawhom u jiena grata għall-għaqda li hawn madwar din il-mejda.

Hemm bżonn li nkomplu naħsbu fil-passi li jmiss. Il-paċi trid tibqa’ l-għan aħħari u l-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex tgħin ħalli jintlaħaq dan il-għan, imma biex ikun hemm il-paċi, irid ikun hemm Ukrajna. U mhix se tkun hemm mingħajr l-appoġġ tagħna.

Il-ftehim dwar il-konsenja u l-akkwist konġunt ta' munizzjon jirrappreżenta mument deċiżiv – mument ta’ determinazzjoni u reżiljenza. L-Ukrajna għandha bżonnu. L-Ewropa għandha bżonnu. Dan jirrigwarda kemm il-preservazzjoni tal-Ukrajna kif ukoll il-preservazzjoni tal-Ewropa.

Il-progress fl-akkwist konġunt jeħodna pass ‘il quddiem lejn politika Ewropea ta’ difiża u sigurtà aktar iffukata. Erġajna għandna bżonn ta’ “aktar Ewropa”.

L-għaxar pakketti ta’ sanzjonijiet laqtu lir-Russja b’mod iebes. Madankollu, jeħtiġilna nagħlqu kull lakuna li għad fadal, jiġifieri s-setturi tas-sistemi tagħna li għadhom iħallu lill-alleati ta’ Putin jibbenefikaw mill-aċċess għall-UE. Is-sanzjonijiet jaħdmu, huma neċessarji u proporzjonati, iżda jridu jiġu implimentati b’mod korrett u jeħtiġilna nkomplu niddjalogaw mal-pajjiżi terzi biex ninvolvuhom ukoll.

Jeħtiġilna wkoll nagħmlu aktar biex nevitaw li s-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna ssir bla kontroll, b’mod partikolari għat-tfal.

Hemm tfal vittmi ta’ deportazzjoni u trasferiment illegali miż-żoni okkupati tal-Ukrajna lejn ir-Russja. It-tfal involuti huma madwar 16,000.
Putin u l-kompliċi tiegħu fil-livelli kollha jeħtiġilhom jiġu ssanzjonati u mġiegħla jagħtu kont ta’ għemilhom. Għalhekk nilqgħu pożittivament il-mandati ta’ arrest tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. Irridu nkomplu nisfruttaw din l-ispinta, u naħdmu f’sintonija mal-bżonn li jitwaqqaf tribunal internazzjonali speċjali għad-delitt ta’ aggressjoni kommess kontra l-Ukrajna.

Bħala Unjoni Ewropea, aħna aktar b’saħħitna meta nieħdu responsabbiltà komuni u naġixxu flimkien kif qegħdin nagħmlu bħalissa.

Irrid ukoll nenfasizza s-sitwazzjoni fil-Moldova. Maia Sandu qiegħda tagħmel il-mirakli biex tiżgura li l-pilastri tad-demokrazija jibqgħu sodi, biex tibqa’ tirreżisti t-tentattivi Russi mmirati li jdgħajfuhom. L-appell tiegħi huwa li nibqgħu noffru appoġġ prattiku, ekonomiku u politiku, kif għamilna.  

L-istess jgħodd għall-appoġġ tagħna lill-forzi demokratiċi fil-Georgia u fil-Belarussja. U jgħodd għall-messaġġ li nagħtu lil dawk li qegħdin jiġġieldu għan-nisa, għall-ħajja u għal-libertà fl-Iran.

L-aġenda tar-Russja hija ċara. Biħsiebha tmur lura għall-kumdità illużorja ta’ dinja mifruda f’fazzjonijiet opposti. Jeħtieġ li din l-istrateġija nirreżistuha.
Il-prosperità tal-Ewropa u t-titjib tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej huma l-pedament tal-bini tal-Unjoni Ewropea tagħna.  Dan il-prinċipju qatt ma rridu ninsewh. Fl-imgħoddi, l-Ewropa rnexxielha f’diversi drabi toħroġ aktar b’saħħitha meta quddiemha kellha avversitajiet.
 
Is-suq uniku tagħna għen mhux ftit lill-impriżi Ewropej jidħlu fis-swieq globali. L-ekonomiji tal-UE tagħna huma kompetittivi u hemm bżonn li jibqgħu hekk. Bħala suq ta’ 450 miljun ruħ, aħna b’saħħitna meta nibgħqu magħqudin.

It-tranżizzjoni doppja tal-Unjoni Ewropea tista’ ssir, bl-impenn taċ-ċittadini tagħna, biss jekk noħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli għaliha. Hemm bżonn nispjegaw li jekk in-nies, l-impriżi u l-familji tagħhom jadottaw stil ta’ ħajja ekoloġiku, dan se jkun vantaġġ għalihom.

Stil ta’ ħajja ekoloġiku ma jistax ikun riżervat biss għal dawk li jifilħu jixtru karozzi ekoloġiċi għoljin u sistemi ta’ iżolazzjoni effiċjenti f’termini ta’ enerġija li jqumu ħafna flus. Ma nistgħux noħolqu firda fis-soċjetà bejn min jista’ u min ma jistax jadotta stil ta’ ħajja ekoloġiku għax sar aktar urġenti tasal sal-aħħar tax-xahar. Jeħtiġilna li ma nħallu lil ħadd jibqa’ lura.

Mingħajr l-appoġġ tal-opinjoni pubblika, dan mhuwiex se jsir.

Għal dan il-għan għandna bżonn investimenti mmirati, b’objettivi ċari u indikaturi tal-prestazzjoni. L-impriżi se jinvestu biss fit-tranżizzjoni ekoloġika jekk ikollhom ġustifikazzjoni ekonomika ċara u inċentivi. B’objettivi ċari, nistgħu niggwidaw il-proċess u nżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħna.

B’investimenti fir-rwol ta’ tmexxija tal-Ewropa, b’investimenti fit-teknoloġiji strateġiċi bħall-enerġija solari u eolika, il-pompi tas-sħana u l-batterji jgawdi kulħadd. Għandna nagħmlu aktar billi noffru aċċess aktar faċli għall-finanzjamenti eżistenti u nnaqqsu l-burokrazija. U kif għedt f’okkażjonijiet preċedenti, għandna bżonn kundizzjonijiet ekwivalenti iżda ejjew nevitaw tellieqa tal-protezzjoniżmu.

Għandna bżonn ukoll investimenti privati, biex l-SMEs u l-istart-ups tagħna jibqgħu fl-Ewropa. Huwa kruċjali nlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li għadha frammentata wisq.

Il-Parlament Ewropew jimpenja ruħu li jaħdem b’mod effiċjenti fuq proposti rigward is-suq tal-elettriku, il-Pjan Industrijali Ekoloġiku, l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika.

Il-prevedibbiltà leġiżlattiva hija importanti għalina lkoll. Jekk il-proposti leġiżlattivi jqajmu tħassib, jeħtieġ li niddiskutuhom bejnietna, f’ħin utli, biex insibu soluzzjonijiet pragmatiċi.   

Ir-riperkussjonijiet tal-falliment ta’ Silicon Valley Bank u ta’ Credit Suisse spiċċaw imlew l-ewwel paġni tal-ġurnali. Is-settur bankarju taż-żona tal-euro huwa reżiljenti. Flimkien ħloqna garanziji sodi biex nipproteġu lis-settur bankarju tal-UE. Il-Bank Ċentrali Ewropew jinsab lest jintervjeni jekk ikun hemm bżonn, anki jekk, s’issa, l-impatt fuq l-UE jidher li hu limitat.

Minkejja dan, it-tlestija tal-Unjoni Bankarja tibqa’ prijorità biex tiġi żgurata aktar stabbiltà finanzjarja, qabel ma sseħħ il-kriżi li jmiss.

Rigward il-migrazzjoni, il-Parlament Ewropew se jagħmel il-parti tiegħu. Lesti nivvutaw il-ġimgħa d-dieħla iżda nitolbukom tilħqu riżultati fil-fajls li fadal relatati mas-solidarjetà. Qed nirreferi għar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni u r-Regolament dwar Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi u ta’ Force Majeure.

B’hekk inkunu nistgħu niksbu l-bilanċ kruċjali li għandna bżonn f’dawn il-kwistjonijiet li se jħallina: nipproteġu l-fruntieri, noffru protezzjoni u dinjità lil dawk li għandhom bżonnha, nibagħtu lura b’mod effiċjenti lil dawk li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti u nfarrku l-mudell kummerċjali tat-traffikanti tal-bnedmin li japprofittaw minn dawk l-aktar vulnerabbli.  

Jeħtiġilna nkomplu nieħdu azzjoni flimkien u nilħqu riżultati kkaratterizzati minn “aktar Ewropa” fl-oqsma l-aktar importanti.

“Aktar Ewropa” ma tfissirx li nagħmlu lil kulħadd omoġenju. Aħna differenti u kburin b’din id-differenza. Din in-narrattiva skont liema l-Ewropa tipprova tagħmel lil kulħadd l-istess hija sempliċement żbaljata. L-għaqda fid-diversità tagħna ngħożżuha. Nifhmu li jeħtiġilna nagħtu importanza lill-affarijiet importanti u ma naħlux wisq ħin għall-affarijiet irrilevanti, u xejn mhu aktar importanti għalina milli nittrattaw il-kwistjonijiet fuq il-mejda llum.

Grazzi.

You may find here the transcriptions of her speech per language: