L-Ewropa għandha dak li hemm bżonn biex tkun aktar kompetittiva - l-President Metsola tindirizza mexxejja Ewropej f’Budapest  

 

L-Ewropa għandha dak li hemm bżonn biex tkun aktar kompetittiva - l-President Metsola tindirizza mexxejja Ewropej f’Budapest  

Budapest  
 
 

Waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew f’Budapest, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola spjegat il-viżjoni tagħha dwar il-kompetittività Ewropea.

       

Għeżież kollegi,

Qed niltaqgħu hawn illum, l-għada tal-għargħar devastanti li seħħ Albacete, Valenzja u fi Spanja tal-Lvant u tan-Nofsinhar kollha u li kkawża tant imwiet u persuni neqsin. Jeħtieġ li nuru lill-komunitajiet li l-Ewropa qiegħda spalla ma’ spalla magħhom u ma’ dawk kollha li ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq. Huwa f’mumenti bħal dawn li l-persuni jeħtieġ li jaraw riżultati malajr, flessibbli u tanġibbli min-naħa tagħna.

Il-Parlament Ewropew jinsab lest li jgħin bi kwalunkwe mod matul il-proċess ta’ rkupru, anki permezz ta’ miżuri ta’ flessibbiltà għall-assistenza finanzjarja. U dan se nagħmluh malajr. Jeħtieġ li jkun dan il-prinċipju li fuqu tissejjes ir-risposta tagħna għall-konsegwenzi tad-diżastri naturali li qegħdin naraw b’mod aktar frekwenti fl-Ewropa kollha. 
 
Dan ifisser li nkunu nistgħu naġixxu aktar malajr u bl-aġilità li hemm bżonn, mhux biss billi nirrispondu għal dak li jiġri, iżda b’viżjoni fil-bogħod ħalli nantiċipaw l-isfidi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom u dak li għandha bżonn l-Ewropa.  

Għalija u għall-Parlament Ewropew ħaġa waħda hija ċerta: ma teżistix sfida komuni li nkunu nistgħu negħlbu aħjar jekk naġixxu waħedna jew b’mentalità kompartimentalizzata, milli jekk naġixxu f’sintonija ma’ xulxin. Id-determinazzjoni biex jintlaħaq l-iskop u l-influwenza globali jikbru għal kulħadd meta naġixxu flimkien. 
 
Dan hu l-mod kif jeħtieġ li neżaminaw il-kwistjonijiet ġeopolitiċi l-kbar li lkoll kemm aħna għandna quddiemna. Kemm jekk għandhom x’jaqsmu mal-kwistjonijiet tant differenti u konsegwenzjali bħall-gwerra Russa fl-Ukrajna, mal-bżonn li jiġu konklużi ftehimiet kummerċjali fid-dinja kollha u mal-mod kif nerġgħu nġibu l-paċi u l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani; mat-tkabbir tal-Ewropa; mal-elezzjonijiet fil-Moldova u fil-Georgia; mal-mod kif naffrontaw iċ-Ċina u mal-mod kif insaħħu r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi. 

Anki jekk qegħdin inħossu l-impatt tal-vot ta’ din il-ġimgħa fl-elezzjonijiet fl-Istati Uniti, jiena konvinta li hemm bżonn li nkomplu nikkonċentraw fuq is-soluzzjonijiet li qed nippruvaw nagħtu hawn fl-Ewropa: jeħtieġ li naġixxu, ikun min ikun fil-White House.

Wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju fl-Ewropa, dan għalina huwa appell ieħor biex nieħdu azzjoni. Azzjoni biex niżguraw id-difiża u s-sigurtà tagħna; azzjoni biex insaħħu l-ekonomiji tagħna u niżguraw il-kompetittività tagħna; azzjoni biex nindirizzaw il-piż tal-burokrazija; azzjoni rigward il-piżijiet amministrattivi u r-regolamentazzjoni żejda.

Il-mentalità tagħna mhijiex “l-Amerka teleġġi u l-Ewropa tirreaġixxi”, imma “l-Ewropa taġixxi”. 

Ninsabu fil-bidu tat-trasformazzjoni l-aktar profonda u sinifikanti li d-dinja qatt rat f’għexieren ta’ snin. Bil-kummerċ dinji jbatti, bil-firdiet ġeopolitiċi jikbru, bit-teknoloġija miexja ġmielha ’l quddiem u bil-mod kif il-potenzi ekonomiċi dinjin jipperċepixxu lill-industriji tagħhom jinbidlu meta mqabblin ma’ tagħna, il-pożizzjoni tal-Ewropa fix-xena dinjija għandha quddiemha pressjoni straordinarja. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nintrassu f’din il-morsa. Qegħdin naraw passi lura fil-livell dinji lejn aktar iżolazzjoniżmu proprju fil-mument meta d-dinja għandha bżonn il-maqlub. 

Iċ-ċittadini Ewropej dan għamluh ċar fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda: ma nistgħux noqogħdu b’idejna fuq żaqqna u naċċettaw l-affarijiet kif inhuma. Kemm jekk dan jirrigwarda l-lat tar-regolamentazzjoni, tal-affermazzjoni mill-ġdid tal-forza ekonomika tagħna, tat-twessigħ tal-orizzonti għall-innovazzjoni, kif ukoll tal-mod li bih il-politiki u l-leġiżlazzjoni jaslu għand il-komunitajiet u l-impriżi. Biex insawru futur li ċ-ċittadini tagħna – u wliedna – ikunu jistgħu jħarsu lejh b’tama u b’entużjażmu, jeħtieġ li nagħmlu passi kuraġġużi.

L-aħbar it-tajba hi li m’hemmx bżonn li nibdew mill-bidu nett. Għandna ħafna stejjer ta’ suċċess li nistgħu nibdew minnhom. L-ewwel batteriji elettriċi? Ivvintahom wieħed Taljan. L-ewwel kompjuter programmabbli modern? Bis-saħħa tal-inġinerija u tat-teknoloġija Ġermaniżi. Il-Bluetooth? Ivvintah inġinier min-Netherlands fl-Iżvezja. Is-sistema GSM? Hija standard dinji bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea. Issa għandna l-ewwel Att komprensiv dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tad-dinja, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, li kollha kemm huma huma standards leġiżlattivi ta’ riferiment.

Għalhekk, meta nitkellmu dwar li nibnu Ewropa aktar kompetittiva m’hemmx bżonn li nżidu “bil-mezzi neċessarji kollha” għax diġà għandna dawk il-mezzi. Sempliċement hemm bżonn li nużaw aħjar is-suq u t-talent li diġà għandna, u nsibu r-rieda politika li nagħmlu dak li hu neċessarju. 

Ir-rapporti Draghi u Letta joffru xi indikazzjonijiet importanti f’dan is-sens u bażi soda li fuqha nistgħu nibnu. Illum, nixtieq inkellimkom fuq fuq dwar dak li l-Parlament Ewropew iqis bħala l-ewwel passi fundamentali.

L-ewwel nett: għandna bżonn nisfruttaw l-ispirtu intrinsiku ta’ innovazzjoni tal-Ewropa.

Bħala sehem ta’ PDG, l-Unjoni Ewropea tonfoq terz anqas għar-riċerka u l-iżvilupp meta mqabbla mal-ekonomiji l-kbar tal-OECD. Dan id-distakk jissarraf f’numru anqas ta’ privattivi, f’anqas innovazzjoni u fi gwadann fil-produttività b’ritmu aktar baxx. Ħarsu naqra lejn is-settur awtomobilistiku tagħna: jekk nibqgħu lura fis-settur teknoloġiku nirriskjaw nitilfu eluf ta’ impjiegi.  

L-IA toffri l-possibbiltà li nreġġgħu lura din it-tendenza, iżda biss jekk inżidu l-investimenti u nħaffu t-tranżizzjoni diġitali. Innovazzjoni aktar rapida tista’ tgħinna nirkupraw il-ħin li tlifna, filwaqt li nagħtu spinta lill-produttività bħala mutur fundamentali tat-tkabbir ekonomiku. L-istess jgħodd għad-dekarbonizzazzjoni. Nifhem li din tirrappreżenta sfida, imma hija wkoll opportunità unika. 

Dan għandu x’jaqsam ma’ li nsawru l-futur tagħna. Ma’ li nibnu Ewropa kapaċi tafferma l-awtonomija tagħha. U b’indipendenza ma rridx infisser iżolazzjoniżmu. Anzi, kummerċ miftuħ u ġust ibbażat fuq ir-regoli internazzjonali huwa kruċjali. Aħsbu, pereżempju, fil-materja prima. Għandna bżonn inqawwu l-isforzi tagħna billi nespandu n-network tagħna ta’ ftehimiet kummerċjali, speċjalment billi nlestu dawk li bħalissa qegħdin fil-fażi ta’ preparazzjoni. 

It-tieni: għandna bżonn nieħdu b’aktar serjetà t-tnaqqis tal-burokrazija żejda. 

Meta żort l-Istati Membri qabel l-elezzjonijiet Ewropej, l-impriżi – mill-kumpaniji multinazzjonali sal-impriżi mikro u l-SMEs – semmewli b’mod konsistenti l-bżonn ta’ regolamentazzjoni aktar sempliċi, aktar effiċjenti u koerenti. Kif f’ċerti każijiet, kull sena, il-kumpaniji jaf ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ mijiet ta’ obbligi ta’ rapportar jew ta’ konformità tal-informazzjoni. U kif, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, aktar ma l-kumpanija tkun żgħira, itqal ikun il-piż burokratiku li jkollha ġġorr. Għall-mandat li jmiss jeħtieġ li titqiegħed enfasi fuq regolamentazzjoni aħjar u aktar intelliġenti u ċċentrata fuq l-implimentazzjoni.

Dan ma jfissirx li neliminaw il-prinċipji li tant aħna kburin bihom, iżda f’ħafna każijiet qed naraw duplikazzjoni (xi kultant saħansitra triplikazzjoni) tal-obbligi li jkollhom iġorru l-kumpaniji li joperaw f’livell internazzjonali u jagħmluha diffiċli għall-SMEs biex jespandu. Dan ma jistax iwassal u mhuwiex se jwassal għal ekonomija kompetittiva fit-terminu t-twil. 

Jeħtieġ li nisimgħu dak li l-impriżi, il-bdiewa u l-industriji tagħna qegħdin jgħidulna. Li nagħtu lill-kumpaniji tagħna l-ispazju biex jiffokaw anqas fuq li jilħqu r-rekwiżiti amministrattivi u aktar fuq li jimplimentaw l-idea tagħhom. Spazju li fih, iva, ir-riskju ta’ falliment huwa reali. Iżda huwa spazju li mbagħad jagħmilhielek aktar faċli terġa’ tqum fuq saqajk. 

U b’dak il-mod, nilqa’ l-impenn tal-President tal-Kummissjoni Ewropea biex tirrazzjonalizza l-leġiżlazzjoni u tnaqqas kemm jista’ jkun ir-rekwiżiti ta’ rapportar eċċessivi. Dan, bħala l-ewwel pass, huwa wieħed pożittiv u l-Parlament Ewropew huwa ħerqan li jimxi f’din id-direzzjoni. Kif tafu, bħalissa qed isiru s-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati u l-Membri tagħna se jkunu qed jeżaminaw il-kandidati fuq dik il-bażi. 
It-tielet: għandna bżonn nagħmlu aktar biex intemmu l-frammentazzjoni u nippromwovu l-investimenti.

Anki jekk ma jixraqx li nagħmlu paraguni mal-Istati Uniti, ippermettuli nagħmel eċċezzjoni waħda. Mill-bidu tas-seklu, kieku l-Ewropa kibret daqs sħabna fin-naħa l-oħra tal-Atlantiku, xi ekonomisti jistmaw li kien ikollna 11-il miljun impjieg iżjed u EUR 300 miljun aktar f’taxxi disponibbli biex jerġgħu jiġu investiti jew biex inbaxxu 60% tad-defiċit tal-Ewropa. 

Id-daqs tal-iskala huwa importanti. It-tkabbir joħloq l-impjiegi, jinċentiva opportunitajiet ta’ tfaddil aħjar għaċ-ċittadini tagħna, jiġġenera l-ġid u jżid il-kompetittività tal-UE. U allura għaliex il-kumpaniji fl-Ewropa mhumiex qed jikbru? Għax is-swieq tagħna għadhom frammentati wisq. Dan narawh, pereżempju, fis-setturi tal-enerġija, tad-difiża u tat-telekomunikazzjoni. Narawh ukoll fis-settur bankarju u fis-swieq kapitali. 

Fl-Ewropa l-kumpaniji jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli enormi, u difatti dan jibda proprju mill-bidu nett biex iġibu l-ewwel miljun ewro ħalli jespandu. Dan mhuwiex minħabba nuqqas ta’ tfaddil privat fl-Unjoni Ewropea, iżda minħabba l-ostakli regolatorji li jimpedixxu l-investimenti. 

Dan ifisser li anki n-negozji l-ġodda b’ideat brillanti u aċċess għal suq komuni jsibu ħajt ma’ wiċċhom. M’hemmx xi ngħidu, għad għandna stejjer ta’ suċċess enormi li nistgħu nkunu kburin bihom iżda, fl-aħħar mill-aħħar, is-suq uniku jaħdem bl-aħjar mod meta jkun integrat.

It-tlestija tal-Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti, pereżempju, tkun tgħin biex nibnu, fil-livell tal-UE, kapital akbar ta’ riskju għall-industrija, Dan huwa l-enerġija li n-negozji l-ġodda u l-SMEs għandhom bżonn biex jibqgħu, jikbru u jistagħnew proprju hawn fl-Ewropa. Huwa l-mod kif inkunu kapaċi niżblokkaw l-investimenti li neħtieġu biex immexxu l-komunitajiet tagħna ’l quddiem, filwaqt li nagħmluha ħafna aktar faċli għas-settur pubbliku biex jiffinanzja s-sehem li jmiss lilu. 

Li nieħdu passi kuraġġużi issa mhuwiex biss kwistjoni politika, huwa l-mod kif aħna, bħala rappreżentanti eletti, nindirizzaw ir-realtajiet ta’ faqar, ta’ qgħad u ta’ inugwaljanza ta’ kuljum. Huwa l-mod kif inkunu kapaċi nħallsu lura d-dejn li għamilna. Huwa l-mod kif nonoraw ir-responsabbiltà komuni tagħna, mhux biss fir-rigward tal-ekonomija tal-Ewropa, iżda wkoll fir-rigward ta’ kull min jiddependi minnha. 

Fl-aħħar mill-aħħar, il-prosperità hija l-pedament għal ordni globali stabbli. Hija l-antidotu l-aktar b’saħħtu għat-tensjonijiet ġeopolitiċi, inklużi, speċjalment, dawk li huma l-eqreb tagħna. Dalwaqt se jkunu għaddew 1,000 ġurnata mill-aggressjoni traġika Russa fit-territorju Ukren. U dan kollu f’kuntest ta’ instabbiltà fil-Lvant Nofsani, u tat-tentattivi persistenti tar-Russja biex tiddestabbilizza l-Georgia, il-Moldova u l-Balkani tal-Punent. 

L-Ewropa dejjem kienet art ta’ innovaturi, imprendituri, bennejja, riformaturi u ħassieba. Jeħtiġilna nerġgħu nkebbsu dan l-ispirtu – nibqgħu magħqudin biex nibnu l-Ewropa u mhux inħalluha titfarrak. Ippermettuli nserrħilkom raskom li għandkom l-impenn tal-Parlament Ewropew – u tiegħi personali – meta jasal il-waqt biex isiru l-passi li jmiss. 

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: