Hi u tilqa' lill-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li flimkien irridu naħdmu lejn Ewropa eqreb tan-nies, li toffri s-soluzzjonijiet lin-nies.
Sinjuri, Huwa pjaċir tiegħi li nkellimkom hekk kif illum deħlin fir-raba’ deċennju tal-Kumitat tar-Reġjuni. Illum, wara tletin sena, ikkonsolidajtu l-pożizzjoni tagħkom bħala parti kruċjali tal-ħajja Ewropea.
Flimkien magħkom għandna missjoni biex noħolqu rabta aktar diretta bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tagħhom. Biex l-Unjoni tagħna ssir aktar demokratika. Biex nibnu Ewropa aktar ambizzjuża, koeża, lokali. Għax tkun fejn tkun, l-Ewropa dejjem tibda mil-livell lokali.
Tgħallimt minn kmieni li l-politika kollha hija lokali. Bdejt il-vjaġġ Ewropew tiegħi fil-politika studenteska u qattajt is-snin formattivi tiegħi nagħmel kampanja favur l-adeżjoni ta’ pajjiżi mal-Unjoni Ewropea. Illum, dik ir-rabta personali mibnija bejn l-Ewropa u l-Ewropej hija aktar importanti minn qatt qabel. Meta nħarsu madwar id-dinja, qed naraw li m’għadx hemm rabta bejn in-nies u l-politiċi tagħhom. U meta n-nies iħossu li l-vuċijiet tagħhom qed jiġu injorati, inevitabbilment iduru għall-estremiżmu u għall-populiżmu għal tweġibiet oħra.
Rappreżentanza reġjonali aktar b’saħħitha trid tkun parti mit-tweġiba kollettiva tagħna. U dan hu li jagħmel il-Kumitat daqshekk importanti. Flimkien, mhux biss ngħaqqdu lin-nies mal-Ewropa; immorru lil hinn, biex intejbu ħajjithom b’modi li altrimenti kien ikun impossibbli. Nadattaw il-fondi reġjonali biex jirriflettu aħjar ir-realtà tagħhom. U nfasslu strateġiji sostenibbli u mmexxija lokalment li jgħinu jtejbu l-komunitajiet b’mod reali u tanġibbli.
Ħadd aħjar minnkom ma jaf dan kollu. Ħafna minnkom jinsabu fuq quddiem nett ta’ tant kwistjonijiet urġenti li huma importanti għaċ-ċittadini tagħna. Qed naraw ir-riżultati ta’ dan f’ħin reali, bil-fiduċja taċ-ċittadini fl-awtoritajiet reġjonali u lokali tilħaq is-60% – l-ogħla li qatt kienet f’10 snin.
Mill-interventi tagħkom f’dak li jikkonċerna l-Ukrajna, fejn qed tappoġġjaw ir-rikostruzzjoni mill-awtoritajiet reġjonali, urejtu li intom attur importanti fix-xena internazzjonali. Il-President Zelenskyy indirizza proprju din il-Kamra lbieraħ. Kontu taraw il-Kamra kollha bilwieqfa u b’vuċi waħda tiddikjara li din il-Kamra tappoġġja lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn. Grazzi talli għentuna nkomplu dik il-missjoni. U għal kulma tagħmlu biex tippromwovu d-demokrazija madwar id-dinja.
U ppermettuli nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjakom tal-kooperazzjoni msaħħa tagħkom f’dak li hu l-Memorandum ta’ Qbil. Wassalna l-appell tagħna anke lil dawk lil hinn mill-bliet kapitali, f’kull reġjun, belt, villaġġ tal-Unjoni tagħna biex joħorġu jivvutaw.
Meta wieħed iħares ’il quddiem, il-futur jidher li huwa ħafna aktar inċert. In-nies qed ifittxu soluzzjonijiet għall-isfidi reali u ta’ kuljum li ġejjin. Jeħtiġilna nilqgħu l-isfida flimkien, noffru viżjoni ta’ Ewropa aħjar. Waħda li hija eqreb taċ-ċittadini tagħha. Waħda li għandha nisġa soċjali aktar b’saħħitha. Waħda li tnibbet is-soluzzjonijiet minn isfel għal fuq, u mhux biss minn fuq għal isfel.
Wittejna dan il-pjan direzzjonali matul il-Ġimgħa għar-Reġjuni u l-Bliet bil-prijoritajiet annwali tal-Kumitat. Issa wasal iż-żmien li dik l-ambizzjoni tissarraf fil-prattika.
Fi kliem ir-rebbieħ tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz”, l-Aġenzija Lokali għad-Demokrazija Zavidovići: “Il-bidla hija r-riżultat ta’ impenn kostanti u fit-tul.” Fit-30 sena ta’ impenn konġunt tagħna, rajna ħafna bidla għall-aħjar. Nistenna bil-ħerqa t-tliet deċennji li ġejjin ta’ kooperazzjoni u suċċess.
Grazzi.