Hi u tindirizza l-Kommemorazzjoni tas-70 anniversarju mill-mewt ta’ Alcide de Gasperi fil-Kamra tad-Deputati Taljana, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dan huwa ż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet li jiżguraw il-prosperità tal-Unjoni tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.
President tar-Repubblika, President tal-Kamra tad-Deputati, Sottosegretarju, President tal-Fondazzjoni De Gasperi, Mistidnin distinti,
Illum nonoraw il-wirt ta’ xi ħadd li bħali emmen fil-proġett Ewropew ferm qabel ma kelli r-responsabbiltà li nservi l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew.
Hu pjaċir tiegħi li ninsab hawn magħkom, fl-ambjent prestiġjuż tal-Kamra tad-Deputati Taljana, biex nikkommemoraw is-70 anniversarju mill-mewt ta’ Alcide De Gasperi.
Alcide De Gasperi kien viżionarju, iżda l-viżjoni tiegħu ma twilditx minn ideali astratti. Issawret mill-esperjenza ta’ xi ħadd li għex fil-linji mxaqqa u li jinbidlu tal-imperi.
Twieled fit-Trentino, art ta’ konfini u ta’ passaġġ, għex it-tranżizzjoni bejn żewġ epoki. Kien kapaċi jara lil hinn mill-konfini u lil hinn mill-orizzont storiku. U għalhekk immaġina Ewropa magħquda, dinja fejn id-diversità setgħet tirrappreżenta l-forza ta’ proġett komuni kbir. Ħajtu tixhed il-potenzjal inkredibbli ta’ kull individwu biex isir aġent tal-bidla. Kull individwu li jsib il-ħila joħlom, li għandu l-awdaċja li jaġixxi u l-kuraġġ li jżomm ir-rotta. Din hi l-essenza tal-istorja tal-Ewropa.
De Gasperi fehem li biex l-Italja jerġa’ jkollha futur kien meħtieġ li jinħoloq futur għall-Ewropa. Futur differenti mill-passat. U hekk għamel. Fehem il-bżonn li jinstabu l-kompromessi neċessarji, iżda baqa’ sod fid-determinazzjoni tiegħu biex ma jagħmel qatt kompromessi fuq il-valuri li kien jemmen fihom u li fihom, illum, ilkoll kemm aħna nemmnu.
Għeżież ħbieb,
Sebgħin sena ilu, Alcide De Gasperi tkellem dwar il-futur tal-kontinent tagħna f’dinja li kienet qed tinbidel malajr. Illum, imiss lilna nitkellmu dwar dan is-suġġett: il-futur tal-Ewropa f’dinja li qed tinbidel saħansitra aktar malajr.
Għaddew kważi 1 000 ġurnata mill-aggressjoni Russa fuq l-għatba tal-Ewropa. Gwerra li l-Ukrajna la riedet u lanqas ipprovokat, iżda li daħlet għaliha b’kuraġġ inkredibbli.
Jiena kburija bil-mod kif l-Unjoni Ewropea ngħaqdet u sostniet bla tlaqliq lill-alleati Ukreni tagħna. Kif għelibna l-biża’ tagħna mill-iskarsezza ta’ fjuwil biex insaħħnu djarna, minn kif nalimentaw l-industriji tagħna u kif nipproteġu lill-familji tagħna.
Nappoġġjaw b’mod sod lill-Ukrajna mhux biss għall-karità Kristjana, iżda għax nifhmu li dan ma jirrigwardax biss l-Ukrajna. Jirrigwarda l-Ewropa. L-istil ta’ ħajja tagħna. Iż-żamma tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.
Huwa minnu li għal żmien twil aljenajna rasna u ħsibna li qed ngħixu fi stat ta’ sigurtà falza u konna mingħalina li kien hemm linji fuq il-mappa li l-armati ma kinux se jibqgħu jaqsmu. Konna żbaljati. Illum inkomplu naħdmu għall-paċi, iżda ma jistax ikun hemm paċi mingħajr ġustizzja, mingħajr dinjità, mingħajr libertà. Din hi r-responsabbiltà tanġibbli li għandna biex inwettqu l-viżjoni ta’ De Gasperi: il-futur, kien jgħid, “mhux se jinbena bil-forza, u lanqas bix-xewqa ta’ konkwista, iżda bis-sabar fl-applikazzjoni tal-metodu demokratiku, bl-ispirtu kostruttiv tal-qbil, bir-rispett tal-libertà.”
L-appoġġ tagħna għall-Ukrajna jrid jibqa’ sod. Kif għandu jibqa’ sod anki l-impenn tagħna biex nibnu Unjoni ta’ Sigurtà u Difiża ta’ vera, li tkun komplementari għan-NATO mingħajr ma tikkompeti magħha. Meta niġbru flimkien ir-riżorsi tagħna, meta nikkoordinaw, inkunu innovattivi u nagħqdu l-forzi għall-akkwisti u għar-riċerka, ma nsirux biss aktar b’saħħitna – insiru aktar effiċjenti, aktar kapaċi u aktar aġili. Dawn mhumiex ideat ġodda. De Gasperi u l-ġenerazzjoni tiegħu lissnu dawn il-prinċipji aktar minn sebgħin sena ilu. Minkejja dan, għadna qegħdin nitkellmu dwarhom.
Biex nimxu ’l quddiem hemm bżonn rieda politika. Għandna bżonn l-għaqda. U fuq kollox, għandna bżonn sens profond ta’ impenn lejn l-ideal Ewropew li dejjem ikkaratterizza l-klassi politika Taljana. L-istess impenn li ħassejna meta indirizzajna l-isfida tal-migrazzjoni, kwistjoni li għadha tiddomina d-dibattiti u d-diskussjonijiet tagħna, mhux biss fl-Italja, iżda fil-kontinent kollu.
Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li kmieni din is-sena adottajna wara deċennju ta’ impass politiku, joffri perkors għall-ġejjieni. Se jipproteġi l-fruntieri tagħna, iżda se jkunu wkoll ġust ma’ dawk li għandhom dritt għall-protezzjoni. Se jkun sod ma’ dawk li ma għandhomx dritt u jkollhom jittieħdu lura malajr u fis-sigurtà. U, speċjalment, se jkun intransiġenti fil-konfront tax-xbieki tat-traffikanti li jisfruttaw lil dawk l-aktar vulnerabbli u jbiddlu l-migrazzjoni f’arma.
Fl-1951, meta De Gasperi kien jitkellem dwar l-importanza li “niddefendu lilna nfusna minn ġewwa”, ried jgħid li, jekk irridu nimxu ’l quddiem, jeħtiġilna nagħmlu aktar biex nikkultivaw kultura ta’ fiduċja reċiproka, solidarjetà u komprensjoni. Dawn huma l-prinċipji li jirfdu ż-żona Schengen. Il-fiduċja fi sħabna għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni ppermettitilna neliminaw il-kontrolli fi ħdan l-Unjoni. Dan hu suċċess Ewropew li ma jistax jerġa’ jqum dubju dwaru.
Dan ifisser li niżguraw li l-ebda Stat Membru, sew jekk l-Italja sew jekk kwalunkwe Stat Membru ieħor, ma jħoss li tħalla waħdu jsib tarf kwistjoni li teħtieġ approċċ Ewropew awtentiku. Għalhekk jeħtiġilna nneħħu t-tossiċità minn dan id-dibattitu, li huwa strettament marbut mas-sustanza ta’ dak li jfisser li nkunu Ewropej. Dan nistgħu nagħmluh pemezz tal-approċċ kburi Ewropew iċċentrat fuq il-bniedem, mingħajr ma ninsew qatt li qegħdin nitkellmu dwar bnedmin, u mhux dwar statistika mingħajr wiċċ. Dan nistgħu nagħmluh billi nimplimentaw il-Patt, billi noqogħdu spalla ma’ spalla, billi nispjegaw u naġixxu.
U hawn għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Jeħtieġ li niddedikaw riżorsi lil dawk li tassew għandhom bżonnhom għax approċċ Ewropew koordinat biss jista’ jiggarantixxi l-integrità taż-żona Schengen tagħna biex inkomplu x-xogħol ta’ min ġie qabilna.
Sebgħin sena wara mewtu, Alcide De Gasperi jagħrfu kieku l-proġett Ewropew li huwa kkontribwixxa biex jinbena? Jara l-istess spirtu kuraġġjuż fina meta naffrontaw id-deċiżjonijiet diffiċli li għandna quddiemna? B’ħarsitna lejn il-futur, jeħtiġilna nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nagħtu aktar sigurtà lill-persuni, biex nagħmlu s-soċjetajiet tagħna aktar ekwi u biex nagħtu prospettivi aħjar liċ-ċittadini tagħna. Dik il-wegħda ta’ Ewropa timponilna li nikkonċentraw fuq il-kompetittività Ewropea u fuq it-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku. Dan l-aspett huwa kruċjali.
Fil-kontinent kollu tagħna, għad hemm wisq nies f’diffikultà. Isibuha diffiċli li jsibu xogħol dinjituż u saħansitra jkollhom biex jixtru dar. Wisq nies iħossuhom li tħallew lura. Wisq nies għadhom iħossuhom esklużi.
Meta n-nies iħarsu lejna, għandhom jaraw soluzzjonijiet u tmexxija.
Il-pjan tagħna għall-Ewropa jrid jgħin lill-industriji tagħna f’din l-era ta’ trasformazzjoni biex jippermetti li jkun hemm tkabbir ekonomiku aktar malajr. Pjan li jagħti lin-nies sens ta’ tama u ta’ skop, li joħroġhom mill-qgħad u joħolqilhom impjiegi ta’ kwalità. U, ħaġa fundamentali, pjan li joħloq bażi industrijali soda kapaċi li tikkompeti fuq livell globali.
Kif se jaħdem? Billi joħloq il-kundizzjonijiet u l-kuntesti t-tajba biex in-negozji l-ġodda u l-SMEs tagħna jikbru u jibqgħu fl-Ewropa. Dan ifisser inżidu l-produttività, inrawmu l-innovazzjoni u nħaffu l-investimenti fil-kapaċitajiet industrijali tagħna. Ifisser nikkonkludu ftehimiet kummerċjali ġodda.
Ifisser ukoll tnaqqis tal-burokrazija żejda, li tirriskja li toħnoq kull progress. Fl-Italja – u fl-Ewropa kollha – l-imprendituri ż-żgħar, l-impriżi tal-familja u l-kumpaniji multinazzjonali jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ għajnuna skarsa u wisq bibien magħluqa. Hija l-burokrazija li tikkumplika wisq l-affarijiet, li ġġiegħel lill-Ewropa tidher ’il bogħod u li tikkontribwixxi biex timbotta lin-nies lejn il-pożizzjonijiet estremi tal-politika. Jeħtiġilna nindirizzaw dan kollu u niggarantixxu s-semplifikazzjoni tal-proċessi tagħna jekk irridu li ċ-ċittadini jżommu l-fiduċja tagħhom fina.
President, sinjuri,
Il-politika hija magħmula minn għażliet ibsin. Dan hu l-mument li nieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jiżguraw il-prosperità tal-Unjoni tagħna għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
F’din l-okkażjoni solenni, waħda mill-ħafna tagħlimiet li nistgħu nisiltu minn ħajjet De Gasperi u mill-wirt li ħallielna hija li aktar hemm x’niggwadanjaw milli x’nitilfu għan-nazzjonijiet tagħna, għall-popli tagħna, meta nibqgħu flimkien.
L-Ewropa tingħaqad fid-diversità u ma tipprovax tagħmel lil kulħadd l-istess, iżda tħaddan id-differenzi tagħna u tiżgura li kulħadd ikun jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Li tkun Taljan u li tkun Ewropew mhumiex kunċetti antitetiċi. Eżatt kif mhijiex kontradizzjoni li tkun Ruman u li tkun Taljan.
Din hi l-Ewropa li immaġina Alcide De Gasperi: Ewropa li fiha l-konfini ma jillimitawx l-ambizzjonijiet, li fiha l-kooperazzjoni twassal għal prosperità kondiviża. Ewropa li jeħtiġilna nkomplu nibnu għal dawk li se jiġu warajna. Ewropa bbażata fuq valuri li joffru soluzzjonijiet.
Illum u kuljum, aħna niftakru fih. Nagħtu ġieħ lill-wirt li ħallielna u se nwettqu l-viżjoni tiegħu.
Grazzi.