Hekk kif nhar is-Sibt jitfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, il-President tal-Parlament Ewropew fetħet is-Sessjoni Plenarja u qalet li rridu nerġgħu nimpenjaw ruħna biex nagħmlu dak kollu possibbli biex tiġi evitata l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-Ewropa u lil hinn.
Għeżież kollegi,
Disat ijiem ilu, l-istudenta ta’ 22 sena tal-inġinerija bijomedika, Giulia Cecchettin, ġiet irrappurtata nieqsa. Is-Sibt li għadda, il-katavru tagħha nstab imbiċċer ħdejn il-Lag ta’ Barcis fil-Grigal tal-Italja.
Giulia Cecchettin, Ashling Murphy, Bernice Cassar, Paulina Dembska, u ħafna, ħafna aktar;
dawn huma ftit mill-eżempji ta’ abbuż u qtil ta’ nisa fl-Ewropa, għas-sempliċi fatt li kienu nisa. Din xi ħaġa tal-waħx. Din xi ħaġa terribbli. U hija kompletament inaċċettabbli.
Ippermettuli ntenni: neħtieġu oqfsa ta’ protezzjoni xierqa. Neħtieġu aktar kundanni għal dawk li jattakkaw lin-nisa. U jeħtieġ inneħħu l-għamad istituzzjonali li fadal għal din l-epidemija fuq in-nisa. Ma għadx hemm skużi: diġà tard wisq.
Ebda kliem ta’ faraġ ma jista’ jġib lura omm, bint, jew oħt. Iżda li ssir ġustizzja u li xi ħadd iġorr ir-responsabbiltà huma pass żgħir għal dawk li jħallu warajhom. Jeħtiġilna nagħmlu aktar għan-nisa.
Fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, ejjew nerġgħu nimpenjaw ruħna biex nagħmlu dak kollu possibbli biex nipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-Ewropa u lil hinn minnha. Nhar il-Ħamis, il-Parlament Ewropew se jkun qed jiddiskuti f’din il-Kamra x’jista’ jagħmel biex jindirizza din il-kwistjoni.