Ma nistgħu ninsew qatt - il-Parlament ifakkar lil dawk kollha maqtula fl-Olokawst 

 

Fil-preżena tal-President tal-Iżrael Isaac Herzog, il-Parlament Ewropew fakkar il-Jum Internazzjonali tal-Kommemorazzjoni għall-memorja tal-vittmi tal-Olokawst. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-obbligu tagħna hu li nibqgħu nitkellmu. "Għadna nsibu lil min jiġġustifika l-mibgħeda. Wisq familji fl-Ewropa u fid-dinja jgħixu bil-bagalji ppakjati mal-bibien. Ma nistgħux nippermettu li jkun hemm min isib refuġju fl-injoranza."

© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President ta' Iżrael Isaac Herzog
jinawguraw it-Tifkira tal-Olokawst "The Refugee" ta' Felix Nussbaum quddiem il-Kamra fejn issir il-plenarja tal-Parlament

President Herzog, 
Mistednin distinti, 
Għeżież kollegi,

Kull sena, għall-ħabta tas-27 ta' Jannar, id-dinja tfakkar il-miljuni ta' rġiel, nisa u tfal innoċenti li sfaw assassinati fl-akbar delitt li qatt rat l-istorja. 
Delitt li kellu l-intenzjoni li jeqred poplu minn wiċċ id-dinja. Delitt imfassal biex iwaħħax lil ġenerazzjonijiet sħaħ. Delitt li sawwar il-proġett modern Ewropew tagħna, irrappreżentat f'wegħda għal dejjem: Qatt iżjed.

Delitt li kkawża l-mewt ta' sitt miljun Lhudi u Lhudija – talli kienu Lhud. Li kkawża lir-Rom u lis-Sinti jisfaw bersall. Il-komunitajiet LGBTI sfaw meqruda u bosta oħrajn umiljati u maqtula minħabba l-oriġini etnika, id-diżabilità, l-identità, ir-razza jew it-twemmin tagħhom.

Huwa diffiċli nimmaġinaw l-orrur tal-Olokawst u l-azzjonijiet li wasslu għalih. Il-biża' tal-ommijiet u tal-missirijiet, it-tbatija siekta ta' tant oħrajn. It-tfal żgħar kellhom jinħbew f'toqob fil-kantini u fil-kmamar ta' fuq il-bejt. Ir-Rabbin li żammew id-dinjità tagħhom minkejja li kienu mġiegħla jogħrku l-bankini waqt li l-folol jiddieħku bihom u jwaqqgħuhom għaċ-ċajt. L-għażliet impossibbli li ħafna ħabbtu wiċċhom magħhom ta' kuljum f'bosta Stati Membri. 

L-Olokawst ma seħħx mil-lum għall-għada. Bħalma qal tliet snin ilu s-superstitu Marian Turski, "Auschwitz ma waqax mis-sema". Is-sireni tal-allarm messhom daqqu qabel. 

Ir-Rabbi Jonathan Sacks, fil-konferenza li ta fl-2012, qal li waħda mill-affarijiet li tturmentatu dwar l-Olokawst kienet l-orrur tas-silenzju. Huwa staqsa, "Fejn kienu l-ilħna? Fejn kienu l-protesti?" Dan ġara f'passat mhux daqshekk imbiegħed. Fiż-żmien tal-illuminiżmu, ir-razzjonaliżmu, ix-xjenza, l-arti u l-kultura. Dan ma ġarax fil-ferneżija tal-mibegħda. Ħa ż-żmien. Kien ippjanat. Il-proċess tad-diżumanizzazzjoni beda qabel il-kampijiet. U qal li dak li tassew iwaħħxek huwa li dak iż-żmien ma kien hemm kważi ebda waħx. 

L-appell tiegħu għalina kien li "naċċertaw ruħna li jekk jasal il-mument, inqumu u nsemmgħu leħinna, ħalli ħadd ma jkun jista' jgħid: meta bkejna, ma smajtuniex; meta sofrejna, bqajtu siekta". Din hi r-raġuni għaliex, minkejja li hu diffiċli li niddeskrivu dawn id-delitti, għandna l-obbligu li nkomplu nitkellmu dwarhom. Għaliex jeħtiġilna li ma ninsew qatt. 

Irridu nsemmgħu leħinna għax il-ġenerazzjoni tagħna hija l-aħħar waħda li semgħet ir-rakkonti direttament mingħand is-superstiti tal-Olokawst. Dmirna jsir saħansitra aktar importanti meta leħen dawk is-superstiti ma jkunx jista' jinstema' iżjed. Hija r-responsabilità tagħna li niftakru u li ngħaddu t-testimonjanzi lill-ġenerazzjonijiet ta' għada. Biex nedukaw. 

Irridu nsemmgħu leħinna għaliex minkejja għexieren ta' snin ta' sforzi, l-antisemitiżmu għadu jeżisti. Il-mibegħda għadha tiġi ġġustifikata f'wisq diskorsi. Wisq familji fl-Ewropa u fid-dinja kollha jgħixu bil-bagalji lesti fuq l-għatba tal-bieb. Ma nistgħu nħallu lil ħadd isib konsolazzjoni fl-injoranza.

Ippermettuli ntenni dak li għedt fil-Knesset: li tkun antisemitiku jfisser li tkun anti-Ewropew.

L-ewwel President mara tagħna, Simone Veil, kienet hi stess superstita li kibret u ġabet bidla fl-Ewropa u l-wirt li ħallitilna jinsab f'dawn is-swali u l-binjiet. 
Kienet tifhem li "n-newtralità tgħin biss lill-oppressur". U l-Parlament Ewropew dejjem se jżomm ma' naħa: man-naħa tar-rispett, man-naħa tad-dinjità umana, man-naħa tal-ugwaljanza, man-naħa tat-tama.

Dan il-Parlament huwa kburi li ma bqajniex siekta. Meta niġu biex niġġieldu l-mibegħda u d-diskriminazzjoni. Meta niġu għall-antisemitiżmu u l-libertà tar-reliġjon. U se nkomplu nieħdu azzjoni biex niżguraw li l-komunitajiet tagħna ma jiġux emarġinati minħabba l-esklużjoni, il-mibegħda jew l-indifferenza. 

Ma bqajniex siekta biex niddefendu l-valuri tagħna. Anke fir-rigward tal-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna u r-retorika li ntużat biex tiġġustifikaha. Ma bqajniex siekta wkoll meta r-reġim fl-Iran beda joqtol liż-żgħażagħ li jaqbżu għan-nisa, għall-ħajja u għal-libertà.  

Sinjuri, 

Għada niċċelebraw 78 sena mil-liberazzjoni ta' Auschwitz-Birkenau. Liberazzjoni mill-ħażen li wera li, minkejja kollox, it-tama tippersisti. Anke meta madwarna hemm disprament. 

L-istess tama li wasslet għad-Dikjarazzjoni tat-twaqqif tal-Istat ta' Iżrael 75 sena ilu. Pajjiż li ġarrab, fjorixxa u sostna demokrazija minkejja d-diffikultajiet kollha.

President Herzog, kif sħaqt f'Iżrael, ir-rabta bejn il-poplu Ewropew u l-poplu Iżraeljan inħolqot fl-orrur tal-istorja komuni tagħna. Rabta li s-saħħa tagħha tinsab fil-ftuħ, l-onestà u s-sinċerità tagħha – anke fil-kritika – iżda rabta li kienet u se tibqa' valida matul iż-żmien. 

Madankollu, l-istorja u wegħda mhumiex l-uniċi affarijiet komuni tal-popli tagħna. Flimkien għandna wkoll destin u futur komuni li se jibqa'. 

Grazzi.