Għandna bżonn bidla reali fil-mentalità li twassal għal aktar inklużjoni u ugwaljanza 

 

Illum, il-Parlament Ewropew ospita s-Summit tal-Mexxejja Politiċi tan-Nisa fi Brussell. Waqt li ndirizzat lil dawk preżenti, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-mexxejja politiċi nisa llum, iridu jixpunraw aktar nisa li jidħlu fid-ninja politika ta' għada. Hija rringrazzjat ukoll lil Sviatlana Tshikhanouskaya li saret il-personifikazzjoni globali ta' Belarus ħielsa u demokratika.

Għeżież ħbieb,
Sinjuri mexxejja,

Għaddew għaxar snin mill-inawgurazzjoni tas-Summit tal-Mexxejja Politiċi Nisa fil-Parlament Ewropew, u rġajna hawn, fil-qalba tal-Ewropa.

Għad hemm ħafna xi jsir biex inħeġġu n-nisa u l-bniet mid-dinja kollha jkunu mexxejja - biex isiru forzi tal-bidla. Biex ngħinu lin-nisa l-oħra jqumu fuq saqajhom.

Ftit għandna eżempji ta’ mexxejja nisa eċċezzjonali u kuraġġjużi, li jaħdmu taħt pressjoni inimmaġinabbli, aħjar minn dak ta’ Sviatlana Tshikhanouskaya. Sviatlana kienet ta’ ispirazzjoni, kienet mexxejja u żammet sod. Saret il-personifikazzjoni globali ta’ Belarussja ħielsa u demokratika. U ppermettuli nsostni: żmien id-dittaturi għad jintemm. Il-Belarussja għad tinħeles, u ladarba jisbaħ dak il-jum, ikun bis-saħħa ta’ nisa bħal Sviatlana u bħal Maria Kolesnikova, li ilha maqfula illegalment il-ħabs għal iktar minn 1000 jum.

Se nibqgħu ħaġa waħda magħhom.

Iżda l-verità hi li, anki b’dawn il-mudelli eżemplari, anki bi rwol ta’ tmexxija, għad għandna wisq ostakli. Wisq xkiel li għad irridu negħlbuh.  Dan mhux fil-politika biss, imma kull fejn tħares. Għad hemm wisq karrieri li huma mbarrati.

Kburija bil-ħidma ta’ dan il-Parlament biex iġib il-bidla. Biex jibqa’ jxellef naqra naqra dak is-saqaf li qabel kien jidher impenetrabbli. Biex ibiddel ir-rotta għal tant nisa.

Minkejja l-isfidi, in-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija biddluha lid-dinja. In-nisa fin-negozju, in-nisa fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Iniġinerija u l-Matemika, in-nisa fl-edukazzjoni, in-nisa fl-arti u fil-ġurnaliżmu. Dawn għelbu ostakli u ħallew it-tabujiet jintesew fil-passat. Dan jeħtieġ intennuh aktar spiss. Jeħtieġ inkomplu naħdmu qatigħ biex il-kontribut tan-nisa fis-soċjetà jsir iktar viżibbli.

Il-messaġġ tan-nisa fit-tmexxija li għaddew lilna lkoll, jeħtiġilna ngħadduh lil ta’ warajna, għaxar darbiet iktar bil-qawwa. Illum, il-mexxejja politiċi nisa jeħtieġ ikattru u jmexxu ’l quddiem ir-rwol ta’ tmexxija li n-nisa se jkunu qed jaqdu fil-ġejjieni. Dan ma nisħqux fuqu biżżejjed, u ma nagħmluhx biżżejjed.

Ma kontx inkun hawn illum li ma kienx għan-nisa f’pajjiżi li tħabtu biex wittewli t-triq. U nixtieq nirringrazzjahom għal dan billi jien ukoll nieħu passi fil-mixja tiegħi. Kull darba li naqgħu fil-perkors tagħna, ħaġa li tiġrilna lkoll, kemm fil-politika kif ukoll fil-ħajja, insibu nisa oħra, li diġà għaddew minn dank kollu li qegħdin ngħaddu minnu aħna, u li jgħinuna nqumu fuq saqajna.  

U dan huwa l-appell tiegħi meta nitkellem mat-tfajliet fl-Unjoni tagħna: irridu nwieżnu lil xulxin.

Inżur bosta pajjiżi u nitkellem ma’ ħafna żgħażagħ. Ninsabu sena ’l bogħod mill-elezzjonijiet Ewropej. Immur fejn immur, jistaqsuni dejjem l-istess ħaġa. X’parir tagħtina? Kif nagħmluh dan?  Nibża’ nidħol fil-politika. Huwa diffiċli speċjalment għan-nisa, għat-tfajliet u għall-bniet, li jridu jitħabtu biex isibu posthom madwar mejda. It-tweġiba tiegħi hija li qatt mhu faċli tkun fil-politika. U li tkun mara fil-politika ma tagħmilhiex aktar faċli.

Kont xortija tajba li kbirt bil-mantra li jekk taħdem b’saħħtek kollha; jekk trid dik il-ħaġa b’ruħek kollha; jekk lest titla’ t-telgħa, mela m’hemm xejn li jżommok - la l-ġeneru tiegħek, u lanqas il-kuntest mnejn tkun ġej. Iżda t-triq hija iktar iebsa milli għandha tkun. Għad hemm wisq nisa li jitħallew l-art.

Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem in-nisa li jitwarrbu f’ġenb, inkella nirriskjaw li jaħarbulna kandidati eċċellenti li jistgħu jixprunaw bidliet kbar fis-soċjetà. Dan jiddependi mill-partiti politiċi tagħna, mil-leġiżlazzjoni, iżda l-iktar minn bidla fis-soċjetà li jeħtiġilna ninsistu fuqha. Jiddependi mill-mudelli ta’ nisa li jkunulna eżempju.

Għandna għaliex nifirħu li hawn tant minna f’din is-sala llum, li ma’ kull elezzjoni, dejjem iktar ta’ nisa jieħdu pożizzjonijiet ta’ tmexxija, iżda jeħtieġ li jsir iktar. Neħtieġu tabilħaqq bidla fil-mentalità tal-pajjiżi kollha li twassal għal aktar inklużjoni. Biex aktar nisa joħorġu għall-elezzjonijiet u jiġu eletti.

Kburija li Novembru li għadda, fl-aħħar, ġiet adottata d-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet. Dan huwa pass ’il quddiem għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà Ewropea. Kellu jgħaddi kważi deċennju biex niksbu dak li suppost huwa ovvju.

Għandna biex inkunu kburin li l-Parlament Ewropew qed jirsisti għal dispożizzjonijiet li jipprevedu pagi ugwali għal xogħol ugwali. Min iħaddem se jkollu jkun iktar trasparenti dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema rġiel u nisa, sabiex din il-prattika jtemmuha. Din hija wkoll tweġiba standard mhux mistoqsija standard.

Kemm huwa diffiċli għan-nisa jsegwu l-karriera wara li jkollhom it-tfal? Kemm saru kkomplikati l-affarijiet minn mindu faqqgħet il-pandemija, meta n-nisa fid-dinja kollha bdew iduru kemm bl-anzjani kif ukoll biż-żgħażagħ? Se nħossu l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni mhux biss minn perspettiva ta’ saħħa mentali, iżda wkoll minn perspettiva ekonomika u soċjetali għas-snin li ġejjin. Jeħtieġ li dan nitkellmu fuqu aħna. Inkella ħadd mhu se jitkellem dwaru.

Kienu l-parlamentari nisa f’dan il-Parlament li żguraw li dawn in-negozjati iebsa favur l-ugwaljanza jaslu għal riżultat sabiex, bil-mod il-mod, din id-dinja ssir ħarira iktar ugwali u ħarira iktar ġusta.

Aħna nistgħu noħolqu ambjent ekwu - u avvenimenti bħal dan huma kruċjali sabiex dan tabilħaqq iseħħ. Grazzi talli organizzajtu dan l-avveniment. Grazzi tal-ispirazzjoni. Ejjew inkomplu naħdmu flimkien.