Irridu ningħaqdu bħal qatt qabel - Metsola lill-istudenti fil-Kulleġġ tal-Ewropa 

 

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet mistiedna tindirizza ċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Promozzjoni David Sassoli fil-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola ħeġġet lill-istudenti biex iqumu, iservu u jmexxu. "Dan huwa ż-żmien biex l-Ewropa tmexxi. Dan huwa ż-żmien tiegħek li tmexxi," qalet.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza ċ-Ċerimonja tal-Inawgurazzjoni fil-Kulleġġ tal-Ewropa ta' Bruges

Għażiża Rettriċi,
Għażiża Viċi Rettriċi,
Għażiża Alessandra,
Għeżież studenti tal-Promozzjoni ta' David Sassoli, 

Ippermettuli nibda billi nirringrazzja lir-Rettriċi tal-Kulleġġ tal-Ewropa, Federica Mogherini, talli stednitni nindirizzakom illum. U, b'mod partikolari, talli tatni l-opportunità, u l-privileġġ, li nagħti ġieħ lill-wirt li ħallielna l-Patrun tal-promozzjoni tas-sena akkademika 2022-23 tal-Kulleġġ tal-Ewropa, il-predeċessur tiegħi u l-ħabib tiegħi: David Maria Sassoli. 

David Sassoli kien sostenitur ewlieni tad-demokrazija, Ewropeista konvint u raġel li kien jiġġieled għall-Ewropa. Kien jemmen, bla riżervi, fil-qawwa tal-Ewropa biex issawwar triq ġdida f'din id-dinja. Huwa u jagħmel dan, stinka kemm felaħ biex jiġbor lill-persuni madwar l-istess mejda – jien kont waħda minn dawk il-persuni. Il-wirt li ħallielna nġorru miegħi bħala l-President tal-Parlament Ewropew. F'dawn iż-żminijiet diffiċli, spiss insib ruħi nqalleb fid-diskorsi tiegħu, fil-kliem tiegħu, biex insib soluzzjoni. Ikun aħjar li kieku d-dinja tuża aktar iċ-ċarezza tal-prinċipju tiegħu. 

David kellu viżjoni ta' Ewropa aktar magħquda. Waħda li kienet eqreb lejn in-nies u aktar awtentika għall-valuri tagħha: il-valuri tad-dinjità umana, tal-libertà u tas-solidarjetà. Kittieb eminenti darba qal "il-ħajjiet il-kbar huma dawk li fihom in-nies iħossu sejħa, ikollhom sens ta' vokazzjoni". Dik is-sejħa David ħassha. Dak is-sens ta' servizz – li permezz tiegħu kiseb riżultati, dejjem bi tbissima fuq fommu. 

Din hi r-responsabbiltà li nġorr jiena bħala s-suċċessur tiegħu, imma issa anki waħda li tridu ġġorru intom. Terfgħuha intom fuq spallejkom issa. Dan hu l-privileġġ li għandkom. Intom il-klassi ta' David Sassoli. Ispiraw ruħkom mill-eżempju tiegħu. Naf li se tonorawh u tonoraw lilkom infuskom billi toħorġu minn hawn biex din id-dinja tagħmluha post aħjar, aktar ekwu u aktar ġust. Billi tirrispettaw il-valuri tal-umanità. Billi tagħtu attenzjoni lil dawk l-aktar vulnerabbli. Billi taqbżu għall-prinċipji tal-Ewropa – kif għamel David.

Ikolli ngħid li huwa partikolarment emozzjonanti għalija nerġa' lura fil-Kulleġġ fi Bruges. Mhux biss għax hu l-alma mater tiegħi – u qabel ma tibdew tfittxu fuq Google, ngħidilkom jien stess li kont hawn fis-sena tal-promozzjoni ta' John Locke – iżda wkoll għax meta kont hawn kont iddeċidejt li nitfa' n-nomina tiegħi għall-elezzjonijiet Ewropej għall-ewwel darba fl-2004.

Meta kont studenta, involvejt ruħi fil-politika għax emmint li post il-ġenerazzjoni tiegħi kienet l-Ewropa. U għadni nemmen l-istess. Aħna l-ġenerazzjoni li la naraw l-Ewropa l-qadima u lanqas l-Ewropa l-ġdida. Ma nagħmlux distinzjoni bejn Stati kbar u Stati żgħar. Konxji li l-Ewropa tista' taħdem b'mod li jirrispetta d-diversità tal-opinjonijiet, tal-ideoloġiji, tar-reliġjonijiet, tal-lingwi u tan-nazzjonijiet, filwaqt li tibqa' ankrata fil-valuri komuni fundamentali tagħna. 

Mhuwiex dejjem faċli li ssib il-bilanċ imma fl-Ewropa tagħna tgħodd is-saħħa tal-argumenti tiegħek u mhux kemm tgħolli leħnek. Kemm għandek integrità, mhux kemm tiggwadanja bħala populista fit-terminu qasir. Dan tgħallimtu mill-Kulleġġ. Dan rajtu minn David Sassoli. 

U nemmen li dan hu messaġġ li hemm bżonn jidwi iktar. Speċjalment f'dan il-mument perikoluż ħafna li qegħdin ngħixu fih, fejn l-ordni demokratiku dinji jinsab mhedded. Il-gwerra illegali u mhux provokata tar-Russja dawret għajnejn kulħadd fuq l-Ewropa. L-istorja se tiġġudikana mir-risposta li nagħtu. U emmnuni meta ngħidilkom li l-proporzjonalità, il-ħeffa u l-għaqda tar-reazzjoni tagħna jgħinu biex ir-risposta tagħna tkun effikaċi. 

Jiena kburija li l-Unjoni Ewropea tat għajnuna finanzjarja, militari u umanitarja lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. U se nkomplu nagħtuhielha. Ilqajna fostna 7 miljun mara, tifel, tifla u raġel fi djarna u fi qlubna. Adottajna 8 pakketti ta' sanzjonijiet biex nimpedixxu l-finanzjament tal-magna tal-gwerra tar-Russja. Hemm bżonn nerġgħu nsibu dak l-ispirtu meta jkollna naffrontaw l-isfidi tal-migrazzjoni. Meta nħarsu lejn il-persuni bħala bnedmin, u mhux bħala statistika. Ħajjiet, mhux numri. 

Bħal-lum tmien xhur ilu, il-karrijiet armati tar-Russja daħlu l-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran. F'dawn ix-xhur, rajna rġiel u nisa Ukreni kuraġġużi jiġġieldu għal pajjiżhom u għal-libertà tagħhom. Nanniet Ukreni jopponu reżistenza u jitgħallmu kif jiddefendu darhom u familthom. Iżda jeħtieġ inkunu ċari: il-poplu Ukren qiegħed ukoll jissogra ħajtu għall-Ewropa. Biex iħares il-valuri li nemmnu fihom ilkoll kemm aħna: il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt. 

Valuri li David Sassoli ħadem kemm felaħ biex iħarishom u jsaħħaħhom. U għalhekk jibqa' dmirna nkomplu ngħinu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha u niżguraw li fl-aħħar mill-aħħar il-gwerra jirbħuha. Dan hu sewwa.  Dan hu meħtieġ. Hekk għandu jseħħ. 

Għeżież studenti tal-Promozzjoni ta' David Sassoli, l-Ewropa għamlet ħafna. Imma m'hemmx ħin għall-kompjaċenza. Se nintalbu nagħmlu saħansitra aktar. 

Naf li bi gwerra li għadha għaddejja mal-fruntieri tagħna, instabbiltà politika, tibdil fil-klima, iż-żieda fl-aħbarijiet foloz, prezzijiet tal-elettriku għoljin u inflazzjoni li qed tiżdied, iż-żgħażagħ huma esposti għal inċertezza akbar minn dik li ħafna ġenerazzjonijiet qatt kellhom iħabbtu wiċċhom magħha qabel. 

U għalhekk dak li l-Ewropa għandha bżonn l-aktar issa – u dak li d-dinja għandha bżonn l-aktar issa – aktar minn qatt qabel, huma mexxejja. U ppermettuli ngħid li l-fatt li tkun elett ma jagħmlekx awtomatikament mexxej. 

Il-mexxej huwa dak li hu lest ikun għas-servizz ta' dak li jemmen fih u lest jiddefendih. Min ma jibżax jidħol f'diskussjonijiet diffiċli jew jieħu deċiżjonijiet ibsin. Min jammetti l-fallimenti u l-frustrazzjonijiet tal-proċeduri tagħna. Iżda min jagħraf ukoll ir-riżultati li kisbet l-Unjoni – u jkolli ngħid li mhumiex ftit. 

Is-sens ta' tmexxija, kif ukoll is-servizz, huma virtù. Il-politika għalija dejjem kienet forza għall-ġid. Hija l-aqwa triq għall-bidla. Fil-qalba tagħha hemm it-tisħiħ tal-komunità tagħna. Hemm li ħadd ma jitħalla lura. Hemm li tifhem li l-ġid komuni huwa akbar mill-ġid tal-individwu. Hemm li tinduna li ma ħlisniex mill-periklu sakemm xi ħadd ikun għadu fil-periklu, u li l-iktar dgħajjef, l-iktar emarġinat fis-soċjetajiet tagħna jagħmel parti mill-komunità tagħna daqs ħaddieħor. 

Għalhekk, jekk tridu żżommu f'moħħkom messaġġ mingħandi llum, żommu dan: iddefendu dak li temmnu fih, kunu għas-servizz tal-oħrajn u uru sens ta' tmexxija. 

Iddefendu dak li temmnu fih billi ssemmgħu leħinkom.

Kunu għas-servizz tal-oħrajn billi tkunu attivi.

Uru sens ta' tmexxija fil-kwistjonijiet l-aktar għal qalbkom – sew jekk fil-politika, fil-komunitajiet lokali, fl-NGOs, fin-negozju, fid-dinja akkademika jew fl-arti. 

U jekk quddiemkom issibu reżistenza – u se ssibuha – żommu l-pożizzjoni tagħkom. Żommu l-pożizzjoni tal-Ewropa. Għaliex il-proġett tagħna huwa wieħed li vallapena tiġġieldu għalih. Qabel semmejtilkom l-ewwel elezzjonijiet Ewropej tiegħi. Ma għedtilkomx iżda li f'dawk l-ewwel elezzjonijiet tiegħi ma kontx ġejt eletta. Kelli nħabbat iktar bibien, nieħu sehem f'diskussjonijiet ma tgħoddhomx, mijiet ta' dibattiti u tentattiv ieħor wara ħames snin biex nirbaħ il-fiduċja taċ-ċittadini. 

Jiena konvinta li intom ukoll lesti għaliha din l-isfida. F'din is-sena li se tibda, se tgħixu esperjenza ta' tagħlim rikk u multikulturali bis-saħħa tal-professuri u tal-akkademiċi tagħkom. M'intomx biss se tistudjawha l-Ewropa, se tgħixuha wkoll. Approfittaw minn din l-esperjenza kemm tistgħu. Tgħaddi ħafna aktar malajr milli taħsbu.

Għeżież ħbieb, ninsab konvinta li lkoll flimkien, nistgħu nsibu t-triq it-tajba 'l quddiem għall-ġenerazzjoni li jmiss. Il-mexxejja Ewropej jeħtiġilhom jibqgħu magħqudin kontra ċ-ċiniżmu u jopponu reżistenza għall-aggressjoni. Hija kwistjoni ta' rieda politika. U naċċertakom li l-Parlament Ewropew għandu din ir-rieda.  

David Sassoli darba qal "l-Unjoni Ewropea mhijiex inċident tal-istorja". Ovvjament kellu raġun. L-Unjoni tagħna mhijiex inċident, iżda riżultat tanġibbli ta' grupp ta' viżjonarji. L-ideat, l-isforzi u s-saħħa tal-ommijiet u tal-missirijiet fundaturi tal-akbar proġett ta' paċi tad-dinja. 

Ma nistgħux ma nżommux quddiem għajnejna dan il-kuntest ġenerali. Dan il-makkinarju bdewh huma u r-responsabbiltà biex inżommuh jaħdem hija għalkollox tagħna.

Hemm bżonn li ningħaqdu flimkien bħal qatt qabel. 

Issa wasal iż-żmien li l-Ewropa tmexxi.

Issa wasal iż-żmien li intom tmexxu. 

Grazzi.