Niftakru dejjem - il-Parlament jonora lill-vittmi tal-Olokawst  

 

Niftakru dejjem - il-Parlament jonora lill-vittmi tal-Olokawst  

Brussell  
 
 

Illum, il-Parlament Ewropew onora l-memorja tal-vittmi tal-Olokawst waqt Sessjoni Plenarja Straordinarja fi Brussell. Fl-indirizz tagħha, il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jiftakar, dejjem se jitkellem, u dejjem se jaħdem għad-dinjità, it-tama u l-umanità.

       

Sinjuri,

Illum niftakru fis-sitt miljun ruħ: irġiel, nisa u tfal Lhud, li ġew assassinati mill-Ġermanja Nazista. Sitt miljun ħajja li nqerdu f’ġenoċidju tal-Lhud tal-Ewropa deliberat, organizzat u sponsorizzat mill-Istat.  

Iggassjawhom, sparawlhom u qatluhom bil-ġuħ. Ġew assassinati fil-gettijiet, imħaxknin fil-vaguni tal-merħliet, midfunin f’oqbra tal-massa, maqtulin fil-kampijiet tax-xogħol u fil-kampijiet tal-mewt maħsuba esklużivament biex jinqerdu għalkollox. Komunitajiet sħaħ ġew eliminati. Familji sħaħ ġew massakrati. Ġenerazzjonijiet sħaħ ġew misruqa mill-eżistenza tagħhom. Iżda anki dak il-waħx ma qeridx it-tama tal-poplu Lhudi. 

Niftakru wkoll f’dawk il-komunitajiet Rom u Sinti kollha, u tant u tant oħrajn, li ġew massakrati minħabba l-fidi, l-oriġini etnika, l-orjentament sesswali, id-diżabbiltà jew l-opinjonijiet politiċi tagħhom.

Nhar it-Tnejn, irrappreżentajt lil din il-Kamra f’Auschwitz u ngħaqadt mal-mexxejja tad-dinja u ma’ dawk li rnexxielhom jibqgħu ħajjin fl-Olokawst biex infakkru l-anniversarju tal-liberazzjoni tal-akbar, u l-aktar wieħed li mietu nies fih, kamp ta’ sterminju Nazista. Illum, Auschwitz jirrappreżenta tagħlima għall-umanità kollha.

Fi kliem ir-Rabbi Lord Jonathan Sacks, il-mistoqsija mhijiex “Fejn kien Alla?” iżda “Fejn kien il-bniedem? Fejn kienet l-umanità?”

L-Olokawst ma seħħx mil-lum għall-għada. Id-diżumanizzazzjoni tal-Lhud tal-Ewropa bdiet ferm qabel Auschwitz. Bdiet bil-kliem, bil-propaganda li żebilħet lil-Lhud bħala “perikolużi” u “barranin”. Bdiet bl-esklużjoni, bl-umiljazzjoni u bit-tneżżigħ sistematiku tad-dinjità. Meta bdiet is-soluzzjoni finali, l-indifferenza u l-mibegħda kienu diġà wittew it-triq.

Għalhekk ma nistgħu qatt ninsew, u għalhekk jeħtiġilna nieħdu azzjoni. Il-ġenerazzjoni tagħna hija l-aħħar waħda li għandha l-privileġġ li taf lil min irnexxielu jibqa’ ħaj mill-Olokawst, u li semgħet l-esperjenzi diretti tagħhom. L-ilħna, il-kuraġġ u t-tifkiriet tagħhom huma pont lejn il-passat li qatt ma għandu jintesa. Għaliex anki wara l-orruri tal-Olokawst, l-antisemitiżmu ma għebx. Kompla.

Illum l-antisemitiżmu reġa’ qed jiżdied, fl-Ewropa, fid-dinja u online. Ħrejjef, gideb u teoriji ta’ komplott, stereotipi li jmorru lura sekli sħaħ mgħottijin minn retorika ġdida, qed jinfirxu qishom nirien fuq il-media soċjali, fl-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol tagħna, fil-politika u fil-media.

Il-konsegwenzi huma terribbilment reali. Id-delitti ta’ mibegħda kontra l-Lhud fl-Ewropa żdiedu b’400%. Ħafna huma mġiegħla jaħbu r-reliġjon tagħhom fil-pubbliku.

Fi żmienu Elie Wiesel kien wissiena: “Jekk ninsew, aħna ħatja. Jekk ninsewhom, se jinqatlu darb’oħra. U din id-darba, ir-responsabbiltà tkun tagħna”. Il-memorja hija dmir. Responsabbiltà li niżguraw li l-wegħda ta’ “qatt aktar” ma tkunx fiergħa.

Nhar it-Tnejn, Tova Friedman, li baqa’ ħaj minn Auschwitz, fakkarna li “illum ilkoll kemm aħna għandna obbligu, mhux biss li niftakru, iżda wkoll li nwissu u ngħallmu li l-mibegħda tnissel aktar mibegħda u l-qtil aktar qtil.”

Dan il-Parlament Ewropew se jiftakar dejjem. U aħna dejjem se nsemmgħu leħinna, eżatt kif kienet għallmitna l-ewwel President mara tagħna, Simone Veil, hi stess kienet baqgħet ħajja mill-Olokawst. Il-wirt li ħallitilna jfakkarna li n-newtralità tgħin biss lill-oppressur, qatt lill-vittma. Dan il-Parlament dejjem se jiddefendi d-dinjità, it-tama, l-umanità.

Dalwaqt se nisimgħu lid-“Dwett għall-vjolin u l-vjolinċell - Andante” ta’ Pál Hermann, interpretat bil-vjolinċell oriġinali ta’ Pál mill-istraordinarju Sam Lucas, b’Sadie Fields fuq il-vjolin. U se nisimgħu l-istorja ta’ bint Pál Hermann, Corrie Hermann, li żżomm ħajja l-memorja ta’ missierha. Jalla l-mużika u l-istejjer tagħhom ikunulna ta’ ispirazzjoni biex nagħmlu l-istess: li nżommu ħajjin il-memorji tagħhom, li nsemmgħu leħinna kontra l-mibegħda u li niżguraw li l-kliem “qatt aktar” ma jkunx biss fil-fomm, iżda bil-fatti. Grazzi.

You may find here the transcriptions of her speech per language: