Wara dan kollu, se noħorġu aktar b'saħħitna – il-President Metsola fi Kiev 

 

Hi u tindirizza t-tieni Summit Internazzjonali tal-Bliet u Reġjuni fi Kiev, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jibqa’ jappoġġja lill-Ukrajna kemm hemm bżonn.

President Zelenskyy, għażiż Volodymyr,
Prim Ministru Shmyhal, għażiż Denys,
President Stefanchuk, għażiż Ruslan,
Sur Andriy Yermak,
Sur Oleksiy Kuleba, 
Ministri, Gvernaturi, Sindki u mistednin distinti,

Għeżież ħbieb,

L-Ewropa tibda fir-reġjuni tagħha, fil-bliet tagħha u fl-irħula tagħha. U m’hemmx post aqwa minn hawn biex dan jiġi enfasizzat, f’dan il-jum, f’dan is-Summit Internazzjonali, organizzat mill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali taħt il-President Zelenskyy, f’dan il-pajjiż kbir li huwa l-Ukrajna. Grazzi talli stedintuni u talli tajtuni l-privileġġ li nindirizzakom. 

Ix-xeni li rajna fl-Ukrajna f’dawn l-aħħar 806 ijiem kienu ta’ qerda, ta’ mewt, ta’ ħajja ta’ nies innoċenti li tfarrket. Ta’ nisa, tfal u anzjani mġiegħla jitilqu minn djarhom u jħallu ħajjithom warajhom. 

Iżda l-Ewropa u d-dinja raw ukoll il-kuraġġ tal-poplu Ukren u r-reżistenza tiegħu għall-aggressjoni Russa. Rajna kif it-terrur ma jistax jintimida, kif ebda kwantità ta’ bombi ma jista’ qatt jeqred is-sens ta’ kburija tagħkom u d-dinjità tagħkom. Huwa għalhekk li r-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħkom – is-suldati qalbiena u l-eroj Ukreni tagħkom – huma magħrufa fid-dinja kollha, u huwa għalhekk li se jkomplu jkunu ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet għal għexieren ta’ snin. 

Mill-bidu nett ta’ din il-gwerra brutali, l-Unjoni Ewropea fehmet ir-rwol li jeħtiġilha tiżvolġi. Ir-responsabbiltà li għandha fil-konfront ta’ pajjiżkom u tal-poplu tagħkom. M’intomx qed tiġġieldu biss biex tipproteġu djarkom u t-territorju tagħkom. Qed tiġġieldu għal dak li nemmnu fih, għal dak li temmen fih l-Ewropa. 

Illum huwa Jum l-Ewropa. Nafu li l-ispirtu tal-Ewropa huwa preżenti f’kull reġjun u f’kull belt tal-Ukrajna. 

Huwa għalhekk li appoġġjajniekom mill-bidu nett. Huwa għalhekk li se nkomplu nappoġġjawkom billi nikkundannaw l-aggressur, billi nadottaw sanzjonijiet kontra l-Kremlin u billi niżguraw li l-atturi kollha ta’ delitti tal-gwerra jinżammu responsabbli għal għemilhom. Huwa għalhekk li se nibqgħu nipprovdu appoġġ diplomatiku, politiku, umanitarju, finanzjarju u militari. Huwa għalhekk li se nibqgħu nagħmlu dan kollu sakemm ikun hemm bżonn. 

F’dan ir-rigward, ebda raħal mhu żgħir wisq u kull sforz huwa sinifikanti. Fil-fatt, meta d-dinja rat b’għajnejha l-aggressjoni mingħajr limitu min-naħa ta’ Putin, meta l-missili Russi laqtu apposta infrastruttura ċivili, u l-Parlament Ewropew vara l-kampanja tiegħu “Ġeneraturi ta’ Tama”, bliet u muniċipalitajiet fil-kontinent kollu ngħaqdu bħal qatt qabel biex jagħtu b’donazzjoni mijiet ta’ ġeneraturi li kkontribwew biex faċilitajiet essenzjali fl-Ukrajna jibqgħu jaħdmu. Naf li wħud mir-rappreżentanti ta’ dawk il-ħafna postijiet qegħdin hawn illum. Nixtieq nieħu din l-opportunità, hekk kif iltqajna lkoll fl-istess sala, biex nirringrazzjakom minn qiegħ qalbi u minn qiegħ qalb il-Parlament Ewropew. Grazzi! 

Kien ukoll f’dan l-istess spirtu ta’ solidarjetà li, fil-bidu tal-gwerra, bliet Ewropej fetħu djarhom u qalbhom biex jilqgħu lil miljuni ta’ Ukreni li kienu qed jaħarbu mill-bombi u mill-missili tal-Kremlin. Kien fil-bidu tal-gwerra wkoll li l-Unjoni Ewropa sostniet malajr lil dawn il-bliet permezz ta’ azzjoni konkreta. Bl-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, l-Ukreni setgħu jibnu ħajjithom u jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz ta’ aċċess għal impjiegi, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, appoġġ soċjali u edukazzjoni għal uliedhom. Kienet l-Ewropa fl-aqwa tagħha.

Minkejja dan kollu, hekk kif il-gwerra brutali tar-Russja kontra pajjiżkom kompliet bla heda, u hekk kif il-ġimgħat saru xhur, u x-xhur saru snin, sar dejjem aktar ċar li l-Ukreni riedu jmorru lura f’pajjiżhom u riedu lura l-libertà tagħhom. 

Fi skejjel f’Tallinn, fl-Estonja u f’Otwock, fil-Polonja, kif ukoll f’Liżbona, fil-Portugall u fi Brussell, fil-Belġju, iltqajt ma’ studenti Ukreni li tkellmu dwar ix-xewqa tagħhom li jmorru lura l-Ukrajna. Ħriġt minn dawk l-iskejjel bid-dmugħ f’għajnejja u b’qalbi sewda, ħafna drabi bi tpinġijiet f’idejja li juru d-djar li kellhom jitilqu minnhom iżda li qatt ma nsewhom. Tpinġijiet ta’ djar protetti mill-missili, djar ta’ familji magħquda mill-ġdid, djar fi bliet Ukreni liberi u Ewropej.

Għeżież ħbieb,

Nixtieq ngħid kelmtejn dwar il-futur tal-Ukrajna bħala membru tal-Unjoni Ewropea, wegħda li għamilnielkom f’Diċembru li għadda. Wegħda lilkom li l-Parlament Ewropew appoġġja sa mill-ewwel ġurnata. Wegħda li jeħtiġilna nżommuha, u li sejrin inżommuha. 

Naturalment, it-triq lejn l-adeżjoni se tkun mimlija sfidi. Il-perkors tal-Ukrajna huwa uniku fis-sens li se jkollha titqies ukoll l-urġenza tar-rikostruzzjoni tal-infrastruttura, l-ekonomija, il-forza tax-xogħol u l-komunitajiet tal-Ukrajna. Iżda f’dan ukoll, l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew lesti jagħtu l-għajnuna tagħhom. 

Se noħorġu minn din is-sitwazzjoni flimkien.

Għax l-Ukrajna hija l-Ewropa u l-Ewropa hija l-Ukrajna.
U din hija s-sħubija ta’ bejnietna li se twassalna għar-rebħa. 

Slava Ukraini!