Se nkomplu naġixxu kontra l-inġustizzja, billi nrawmu d-djalogu u nippromwovu l-paċi  

 

Se nkomplu naġixxu kontra l-inġustizzja, billi nrawmu d-djalogu u nippromwovu l-paċi  

Brussell  
 
 

Fil-ftuħ tal-Konferenza li tfakkar il-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li filwaqt li d-drittijiet tal-bniedem huma għal kulħadd, se nkomplu naġixxu kontra l-inġustizzja, billi nrawmu d-djalogu u nippromwovu l-paċi.

       

Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, 
Mistidnin distinti, 
Kollegi u ħbieb, 

Huwa privileġġ tiegħi nilqagħkom fil-Parlament Ewropew. Illum niċċelebraw il-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din hija simbolu qawwi tal-impenn kontinwu tagħna favur il-valuri u l-prinċipji li jgħaqqduna bħala komunità internazzjonali.

Aħna u nħarsu lura lejn dawn il-75 sena, ejjew ma ninsewx it-triq twila li għamilna. L-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali fl-1948 immarkat punt ta’ żvolta fl-istorja tal-umanità. Għall-ewwel darba, il-pajjiżi minn kull reġjun tad-dinja ħaddnu l-istess twemmin li kull bniedem għandu drittijiet sempliċement billi jeżisti, u qablu li d-drittijiet ta’ kull individwu għandhom jitħarsu, kullimkien u dejjem. 

Maż-żmien, id-Dikjarazzjoni Universali kienet ta’ ispirazzjoni għal corpus kbir ta’ trattati internazzjonali, konvenzjonijiet reġjonali u leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Il-fundaturi tal-Komunità Ewropea kienu huma stess immexxija mill-konvinzjoni li d-diżrispett tad-dinjità tal-bniedem wassal għall-aktar delitti orribbli fil-kontinent tagħna. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-valuri li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, ispirati mid-drittijiet minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali, sabu posthom fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. 

Iżda lil hinn mill-Unjoni Ewropea, mijiet ta’ miljuni ta’ nies fid-dinja kollha jgawdu wkoll mid-drittijiet, mil-libertajiet, mill-prosperità u mill-ġustizzja tagħhom. Id-Dikjarazzjoni Universali tirrappreżenta pilastru fundamentali tas-sistema internazzjonali. Hija punt ta’ riferiment kruċjali fid-djalogi bejn iċ-ċittadini, in-nazzjonijiet u l-Istati biex jorganizzaw dinja dejjem aktar interdipendenti, għad li dejjem aktar inċerta wkoll. Kunflitti armati, oppressjoni, terroriżmu, faqar, inugwaljanza, esklużjoni u diskriminazzjoni għadhom realtà għal wisq nies, anki fil-kontinent Ewropew.  

L-Ukreni ilhom 645 ġurnata jiġġieldu kontra invażjoni inġusta, mhux provokata u illegali. Miljuni ta’ nies innoċenti kienu mġiegħla jaħarbu. Mijiet ta’ eluf oħra kellhom jissagrifikaw ħajjithom f’ġieħ il-libertà u l-ħelsien. Bini, bliet u komunitajiet sħaħ sfaw meqruda. Ġimgħa ilu fakkarna l-Jum Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal f’mument meta eluf kbar ta’ tfal Ukreni għadhom neqsin, wara li nħatfu minn djarhom bil-forza mir-Russja.

Fil-Lvant Nofsani, is-sitwazzjoni għadha tqajjem tħassib enormi. Ir-realtà fuq il-post hija orribbli, traġika u ta’ disprament. Rajtha b’għajnejja. Iltqajt mal-familji ta’ dawk li nħatfu minn Ħamas. Iltqajt mal-persuni li tilfu lil qrabathom f’Gaża. Għalhekk huwa importanti li nesprimu s-solidarjetà tagħna, li ntennu r-rifjut tagħna tat-terroriżmu, li ngħinu biex niżguraw li l-ostaġġi jmorru lura fi djarhom u li nkomplu nfittxu soluzzjonijiet biex aktar għajnuna tasal għand dawk li tant għandhom bżonnha b’mod iddisprat. Għalhekk l-Unjoni Ewropea diġà kkwadruplikat l-għajnuna tagħha lil Gaża għal €100 miljun. Għalhekk nitkellmu dwar il-ġejjieni, u dwar paċi sostenibbli u dejjiema, ibbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ Stati, li tagħti tama lill-familji Iżraeljani u Palestinjani.

Sinjuri, 

Illum quddiemna nsibu mezzi ġodda u aktar sofistikati ta’ kif jinkisru d-drittijiet tal-bniedem. It-teknoloġiji diġitali jservu ta’ strumenti straordinarji għal-libertà ta’ espressjoni. Iżda qed jiġu mmanipulati biex isiru strumenti ta’ repressjoni, ċensura, diżinformazzjoni, intrużjoni fil-ħajja privata u ndħil fl-istituzzjonijiet demokratiċi.  

Bħala rappreżentanti eletti demokratikament, għandna responsabbiltà li nieħdu azzjoni kontra l-inġustizzja u nħarsu lil dawk li, b’mod konkret, jikkontribwixxu biex, ġurnata wara l-oħra, id-Dikjarazzjoni Universali tingħata l-ħajja, għal kulħadd u kullimkien.  Ippermettuli nieħu din l-opportunità biex nagħti ġieħ lil xogħolkom, lix-xogħol ta’ ħafna minnkom hawn preżenti llum.  

Għal dawn l-aħħar 35 sena, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet kuraġġużi li jipproteġu u jiddefendu bla heda d-drittijiet tal-bniedem. Diversi rebbieħa tal-Premju Sakharov rebħu wkoll il-Premju Nobel għall-Paċi u huwa unur li bosta minnhom se jingħaqdu magħna llum waranofsinhar. Ippermettuli nfakkar, u nesprimi s-solidarjetà tagħna magħhom, lil dawk ir-rebbieħa li huma mċaħħda mil-libertà minħabba l-impenn tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem: Alexei Navalny, ir-rebbieħa tagħna mill-Oppożizzjoni Demokratika fil-Belarussja: Syarhey Tsikhanouski, Marya Kalesnikava, Mikola Statkevich u Ales Bialiatski, iżda wkoll Ilham Tohti, Nasrin Sotoudeh u Razan Zaitouneh.

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat ikompli xogħlu biex isawwar il-politiki u l-istrumenti tal-UE b’tali mod li jżomm lid-drittijiet tal-bniedem u fundamentali fil-qalba tagħhom. Spiss wisq nitkellmu dwar drittijiet u valuri bħallikieku kienu kunċetti nobbli li posthom huwa fil-kotba tat-teorija f’librerija miksijin trab. Jeħtieġ li nuru – kuljum – għala huma meħtieġa u kif jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. 

Fl-aħħar mill-aħħar, dak ifisser li daqs kemm hija r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni li tippreserva, tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, m’hemmx dubju, hija wkoll r-responsabbiltà ta’ kull individwu... billi nopponu kull inġustizzja, billi nsemmgħu leħinna, billi nieħdu azzjoni. 

Grazzi.