Se nibqgħu naħdmu kuljum biex niksbu t-tragwardi li wirtet il-ġenerazzjoni tagħna 

 

Il-Parlament Ewropew iċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Mara mal-Kmandant Samantha Cristoforetti u mar-rebbieħa Iranjana tal-Premju Nobel Shirin Ebadi. Fid-diskors tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Jum Internazzjonali tal-Mara jrid jitqies bħala stedina għas-soċjetajiet biex jagħmlu aħjar.

Għeżież kollegi,

Il-Jum Internazzjonali tal-Mara huwa mmarkat fil-kalendarju annwali tagħna mhux biss biex nirrikonoxxu dak li n-nisa u l-bniet kisbu mad-dinja iżda wkoll bħala sejħa għall-azzjoni.  Element ta’ koeżjoni biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isferi kollha tas-soċjetà tagħna.

Kburija ħafna li ninsab hawn bħala t-tielet President mara ta’ din l-Istituzzjoni, u grata ħafna għal dawk li ġew qabli, li wittew it-triq għall-ġenerazzjoni tiegħi, għalina lkoll. Ninsab hawn – ninsabu hawn – minħabba l-battalji li huma ġġieldu għalina. Nistrieħu fuq ħidmiethom sabiex intennu l-wegħda tagħna li nagħmluha aktar faċli għal dawk li jiġu warajna.

In-nisa lid-dinja biddluha. U dan ma ngħiduhx biżżejjed.

Illum għandna magħna lill-Kmandant Samantha Cristoforetti, l-ewwel mara Ewropea li mexxiet l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali.  Samantha, grazzi talli wrejt lil kull tfajla fl-Ewropa li tista’ tilħaq l-istilel. Għelibt l-ostakli kollha u rnexxielek tasal. Il-ħidma sfiqa u d-determinazzjoni tiegħek huma eżempju għalina lkoll.

Fil-Jum Internazzjonali tal-Mara, huwa importanti li nirrikonoxxu dak li n-nisa u l-bniet kisbu mad-dinja, u lil hinn minnha. Bħala fonti ta’ emanċipazzjoni u ispirazzjoni għal kull tfajla. Madankollu, ir-realtà hija li l-progress lejn ugwaljanza reali għadu miexi terribbilment bil-mod. Dan ma jistax jibqa’ parametru ta’ referenza aċċettabbli.

Illum irrid nonora lil dawk in-nisa kollha li qed jiġġieldu għal-libertà u l-inklużjoni tagħhom: nisa li jinqatlu, li jiġu msawta u li jiġu abbużati madwar id-dinja kollha sempliċiment għax huma nisa. Dawk in-nisa kollha li għadhom qed jiġġieldu għal drittijiethom. Dawk in-nisa kollha li jridu jilħqu standards ogħla u li kuljum iridu jagħtu prova li xogħolhom kapaċi jagħmluh.

Dawk l-ommijiet, l-ulied u l-aħwa bniet kollha li kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli li ma nitkellmux dwarhom. Dawk in-nisa kollha li jħabbtu wiċċhom ma’ dan kollu u jibqgħu determinati u ma jiġġarrfux.

Nisa Ukreni li qed jiġġieldu kontra invażjoni illegali Russa – li, biex nikkwota lill-ewwel President mara tal-Kummissjoni Ewropea – “farrku saqaf tal-ħġieġ fuq ras l-invażuri Russi.”

Il-Bniet ta’ Chibok li nħatfu disa’ snin ilu minn Boko Haram fin-Niġerja u li ħafna minnhom għadhom maħtufa. Dawn ma ntesewx u l-impenn tagħna li nġibu lura lill-bniet tagħna għadu b’saħħtu llum.

Nisa Afgani li huma msikkta, repressi, maltrattati, misruqa mill-edukazzjoni tagħhom u li għadhom ibatu taħt idejn it-Talibani.

Nisa Iranjani li qed jiddefendu l-ħajja u l-libertà u jħallsu l-ogħla prezz. Dr Shirin Ebadi llum tinsab magħna – rebbieħa tal-premju Nobel u wieħed mill-ewwel imħallfin nisa fl-Iran. Dr Ebadi, napprezzaw l-isforz enormi li għamilt biex tkun magħna llum. Inti tirrappreżenta l-ġlieda tan-nisa Iranjani. Il-ġlieda għal dak li huwa ġust, u għas-sewwa. Il-preżenza tiegħek tfakkarna li l-ġlieda mhux se tieqaf u li l-libertà titlob kuraġġ u sagrifiċċju. Twissi wkoll lil dawk li jittamaw li tista’ tieqaf. In-nisa mhux se jisktu u jgħibu fis-satra tal-lejl. Mhux se jaqtgħu qalbhom. U l-Parlament Ewropew se jkompli jsostni lin-nisa tal-Iran.

Għeżież kollegi,

It-tama tiegħi hija li l-Jum Internazzjonali tal-Mara jitqies bħala stedina biex is-soċjetajiet ikunu aħjar.

Anki fl-Unjoni tagħna, il-ħidma għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri se tibqa’ sejra sakemm nilħqu paga ugwali għal xogħol ugwali. Anki sal-ġurnata tal-lum, mara minn kull tnejn madwarna ġarrbet fastidju sesswali. Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tagħti l-eżempju – irridu noħolqu standards li jikkriminalizzaw il-vjolenza kontra n-nisa, irridu nsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja u nirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura.

Meta n-nisa jkunu ħielsa, meta d-drittijiet jiġu rispettati, meta l-edukazzjoni tiġi rikonoxxuta, meta l-paga tkun ugwali, meta n-nisa jkunu protetti, meta l-opportunitajiet ikunu ġusti u meta jkun hemm kundizzjonijiet ekwi, meta nirrealizzaw li meta lkoll kemm aħna nkunu ugwali, nibbenefikaw ilkoll, proprju f’dak il-mument inkunu nistgħu ngħidu li tassew ksibna t-tragwardi li wirtet il-ġenerazzjoni tagħna. Huwa proprju f’dak il-mument li nistgħu ngħidu li ħallejna dan il-post, din l-Unjoni, aħjar milli sibnieha u se nkomplu naħdmu kuljum biex naraw li dan iseħħ.