Iż-Żambja hi sieħba stabbli u fit-tul tal-Unjoni Ewropea u għandha rwol reġjonali ewlieni 

 

Is-sħubija bejn l-UE u ż-Żambja hi bbażata fuq valuri kondiviżi tad-demokrazija, ir-rispett għas-saltna tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli. Dan kien il-messaġġ tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif laqgħet lill-President taż-Żambja Hakainde Hichilema fil-Parlament Ewropew.

© L-Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-President taż-Żambja Hakainde Hichilema

Għeżież kollegi,
Sur President,

F'Mejju 2017, din il-Kamra adottat riżoluzzjoni li fiha esprimejna tħassib serju dwar l-arrest tiegħek, u l-inkarċerazzjoni tiegħek fuq akkużi foloz u politikament motivati. Insistejna fuq il-bżonn li jiġu żgurati l-ekwità, id-diliġenza u t-trasparenza matul il-proċess tiegħek. Wara l-abbuż u t-tbatija li sofrejt, illum tindirizzana bħala l-President demokratikament elett ta' pajjiżek.

Huwa unur kbir nilqgħek magħna llum.

Iż-Żambja hija mudell demokratiku fl-Afrika tan-Nofsinhar u eżempju ta' demokrazija matura għall-kontinent Afrikan kollu kemm hu. Fil-kuntest ġeopolitiku instabbli ta' bħalissa, huwa importanti li l-forzi demokratiċi jikkonsolidaw u jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni ma' xulxin. Dan jgħodd speċjalment għall-Afrika, fejn naraw l-influwenza dejjem akbar tar-Russja u ta' atturi oħra b'intenzjonijiet ħżiena.

Iż-Żambja hija sieħeb stabbli u fit-tul tal-Unjoni Ewropea u tiżvolġi rwol reġjonali fundamentali. 
Ir-relazzjoni tagħna hija radikata fi spirtu ta' rispett reċiproku u kooperazzjoni. Tissejjes fuq il-valuri komuni tad-demokrazija, tar-rispett tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli.

Nafu sewwa l-isfidi ekonomiċi serji li ħalliet il-pandemija fuq pajjiżek, aggravati miż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil u tal-fertilizzanti minħabba l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

L-Unjoni Ewropea tinsab lesta ttaffi dawn il-konsegwenzi permezz tal-inizjattiva "Global Gateway Africa" u bis-saħħa ta' djalogu politiku msaħħaħ. Dan il-Parlament jappoġġa bis-sħiħ il-gvern tiegħek fl-isforzi tiegħu biex jindirizza l-prijoritajiet u l-isfidi u ewlenin tiegħu, partikolarment il-ġlieda kontra l-faqar, il-promozzjoni tal-irkupru ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi u l-promozzjoni tal-governanza tajba.

Għażiż President Hichilema, nagħtik il-kelma.