Id-demokrazija taħdem l-aħjar meta naħdmu flimkien  

 

Id-demokrazija taħdem l-aħjar meta naħdmu flimkien  

Brussell  
 
 

Waqt l-għeluq tat-tieni edizzjoni tal-Forum Ewropew dwar id-Demokrazija Parlamentari fil-Parlament Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlamenti u s-soċjetà ċivili flimkien se jkomplu jħabirku għal Ewropa aktar b'saħħitha, aktar ġusta u aktar demokratika.

       

Għeżież kollegi,
Kummissarju,
Onorevoli parlamentari,
ħbieb,
 
Nifirħilkom talli wasaltu sat-tmiem ta’ dawn il-jumejn intensivi u mimlijin attivitajiet.
 
Meta s-sena li għaddiet ħloqna dan il-Forum, l-idea kienet li noffru spazju li fih il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew setgħu jiltaqgħu u li fih seta’ jkollna diskussjonijiet kostruttivi dwar kif nistgħu nsaħħu u nħarsu d-demokrazija tagħna. Fil-passat kien ikollna bosta laqgħat individwali, minn kumitat għal kumitat, mill-parlamenti nazzjonali għall-Parlament Ewropew, iżda identifikajna l-bżonn li kulħadd jiltaqa’ u jaqsam fehmietu magħkom ir-rappreżentanti f’din il-Kamra, iżda wkoll li aħna nisimgħu dak li kellkom x’tgħidulna. Ta’ dan, nixtieq nirringrazzja lid-Direttur Ġenerali tagħna, Sanna Lepola, u lit-tim tagħha fid-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet għad-Demokrazija Parlamentari, li nħoloq dan l-aħħar; ix-xogħol tagħhom uriena tassew kif tista’ tiżgura li dan it-tip ta’ avveniment ikun suċċess.
 
F’dan il-mument, għeżież ħbieb u kollegi, dawn id-diskussjonijiet ma setgħux ikunu aktar rilevanti. Fi ħdan l-Unjoni tagħna qed naraw dejjem aktar fenomeni ta’ polarizzazzjoni u saħansitra ta’ estremiżmu, filwaqt li l-gwerra ibrida tar-Russja qed tipprova tiżra’ l-biża’ u ddgħajjef is-sistemi tagħna minn barra. Ilbieraħ iltqajt ma’ Sviatlana, li aktar minn kulħadd tifhem eżattament xi tfisser li tqum kontra t-tirannija u tiġġieled għal-libertà, u tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet li ġew diskussi hawn. Aħna onorati li tinsab magħna, u din il-Kamra tkompli tieqaf magħha u mal-kollegi kollha tagħha fil-ġlieda tagħhom għal Belarussja libera u demokratika.
 
Bis-saħħa ta’ dan kollu, ir-riflessjonijiet li qsamna bejnietna u l-konklużjonijiet li lħaqna matul dawn il-jumejn huma saħansitra aktar prezzjużi. Għaliex ir-reżiljenza demokratika ma tistax tinkiseb minn Brussell biss. Hemm bżonn istituzzjonijiet b’saħħithom u rabtiet mill-qrib f’kull livell, fis-soċjetà kollha tagħna. U lkoll kemm intom għandkom rwol fundamentali x’tiżvolġu.
 
Jien u nħares madwari hawn illum u nara l-parteċipazzjoni rekord fil-Forum ta’ din is-sena, naf li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. F’din is-sala, bħalissa, hawn preżenti Membri ta’ din il-Kamra flimkien ma’ parlamentari nazzjonali, iżda wkoll esperti, dawk li jfasslu l-politiki, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, sħab istituzzjonali u żgħażagħ. Kull waħda mill-vuċijiet tagħkom hija importanti. Kull esperjenza li qsamtu, kull idea li nissiltu, kull rabta li bnejtu tikkontribwixxi biex tissaħħaħ l-Unjoni tagħna.
 
Bil-preżenza tagħkom hawn illum, qed tgħinu wkoll biex jissaħħaħ il-pont fundamentali bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew tagħna. Dan hu aspett li fuqu hemm bżonn li naħdmu flimkien u nistinkaw ferm aktar – u f’dan ir-rigward nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil Katarina, Viċi President ta’ din il-Kamra, flimkien ma’ Esteban González Pons, responsabbli mill-parlamenti nazzjonali; kemm huwa importanti li nqarrbu liċ-ċittadini lejn l-Ewropa u niltaqgħu magħhom fejn ikunu huma. Fil-Parlament tagħna, dan narawh kemm waqt iż-żjarat tagħna kif ukoll f’xogħolna ta’ kuljum: meta naħdmu flimkien, nistgħu niksbu riżultati ferm akbar.
 
Fil-Forum ta’ din is-sena kellna x-xorti nisimgħu wħud mill-ħbieb straordinarji ta’ din il-Kamra. Fuq il-palk hemm żewġ kollegi Irlandiżi. Din hi kumbinazzjoni, iżda waħda ferm pjaċevoli, għax barra mill-Kummissarju McGrath, li jaħdem verament tajjeb magħna lkoll f’din il-Kamra, għandna lill-Ceann Comhairle Verona Murphy, li kellha l-pjaċir tilqagħna, flimkien mal-gruppi politiċi kollha, ftit ta’ xhur ilu f’Dublin meta bdejna naħdmu għall-Presidenza Irlandiża. Iżda llum ukoll, int u jien, Verona, komplejna l-konverżazzjoni tagħna hekk kif l-Irlanda tmexxi l-Presidenza u tiggwidana f’dawk li se jkunu xhur daqstant impenjattivi.
 
Issa li qegħdin nikkonkludu dan l-avveniment, il-pass li jmiss irid ikun dak li d-diskussjonijiet ta’ dawn l-aħħar jumejn insarrfuhom f’azzjonijiet konkreti. Dak li nitlob minna lkoll huwa li nqiegħdu fil-prattika dan id-djalogu: fil-parlamenti tagħna, fid-distretti elettorali tagħna, meta nżuru l-postijiet tax-xogħol u meta niltaqgħu ma’ komunitajiet differenti. L-unika ħaġa li nisimgħu kull fejn immorru hi: “Brussell imbiegħda wisq, il-politiċi tagħna huma ’l bogħod wisq mid-deċiżjonijiet li jolqtuna, x’inhu r-rwol tagħna fihom?” Hija responsabbiltà tagħna li nagħtu kont ta’ xogħolna u nwieġbu dik il-mistoqsija b’ċarezza u b’onestà, u nindikaw f’liema oqsma nistgħu nagħmlu aħjar. U nemmen li dejjem nistgħu nagħmlu aħjar. B’hekk, kull darba li mmorru quddiem l-eletturi tagħna u noħorġu, jew noħorġu mill-ġdid, għall-elezzjoni, nuruhom b’mod konkret u tanġibbli liema riżultati ksibna.
 
Għalhekk dan il-Parlament se jżomm id-djalogu miftuħ. Se nkomplu nistinkaw għal Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar demokratika. U kunu afu lkoll li l-bibien ta’ din il-Kamra se jkunu dejjem miftuħin għal kwalunkwe laqgħa, seduta ta’ smigħ jew inizjattiva oħra li tixtiequ tieħdu sehem fiha, għaliex id-demokrazija tagħna taħdem aħjar meta aħna naħdmu flimkien.
 
Għandna ħafna x’nagħmlu, nittamaw li nerġgħu narawkom ilkoll fil-laqgħat li ġejjin u grazzi talli kontu hawn.