Waqt diskussjoni mal-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li f’dinja volatili, l-Ewropa trid tagħmel aktar għas-sigurtà tagħha.
Grazzi António. Għeżież kollegi, Għadni kemm ġejt lura mil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni hemmhekk għadha volatili u inkwetanti immens. Dak li ġara bejn Iżrael u l-Iran, u l-effetti konsegwenzjali potenzjali tiegħu, huwa test kruċjali għalina lkoll. Il-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar biex ikun hemm waqfien mill-ġlied huwa pass ’il quddiem li jimliena bit-tama. Iżda l-abbozz ta’ liġi tal-Parlament Iranjan biex jissospendi l-kooperazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika jissottolinja kemm għadha fraġli t-triq lejn l-istabbiltà. Id-dinja tifhem li l-Iran ma jistax ikollu bomba nukleari. Dik hija theddida mhux biss għar-reġjun, iżda għad-dinja. Huwa essenzjali li l-impenn tagħna ma jiqafx. · Jeħtieġ li nkomplu nużaw il-mezzi kollha biex ninsistu ħalli t-tensjonijiet fuq livell ġenerali ma jiħraxux u niżguraw li l-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Iran iżomm u li l-ħidma għal ġejjieni aħjar tkompli. · Jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex ikun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaża, biex jinħelsu immedjatament l-ostaġġi kollha u biex jintemm it-terrur kif ukoll biex l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk li tant għandhom bżonnha. · U jeħtieġ li nkomplu nagħmlu dan kollu filwaqt li nappoġġjaw is-soluzzjoni ta’ żewġ Stati, li tiżgura s-sigurtà lil Iżrael u toffri prospettiva kredibbili lill-mexxejja Palestinjani leġittimi u paċifiċi, li hija l-unika triq lejn paċi sostenibbli u dejjiema. Il-paċi jaf tkun diffiċli, iżda mhijiex impossibbli. Naf li kollha kemm aħna hawn naqsmu din il-konvinzjoni. U minħabba dan, jeħtieġ li jkollna front koerenti u magħqud fl-approċċ tagħna fil-konfront tal-Lvant Nofsani. L-istess jgħodd għall-approċċ tagħna f’dik li hi s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fil-kontinent tagħna. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Ukrajna, l-appoġġ tagħna jrid jibqa’ sod. Is-17-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja huwa notevoli, u l-adozzjoni tat-18-il pakkett hija kruċjali biex jingħalqu aktar lakuni. Jeħtiġilna nibqgħu nappoġġjaw lill-Ukrajna. L-Ukrajna u l-Moldova diġà ssodisfaw il-kundizzjonijiet biex tinfetaħ is-sensiela inizjali ta’ negozjati, l-hekk imsejħa “ġabra tal-elementi fundamentali”. Issa sta għalina nagħmlu l-mossa li jmiss. Jeħtieġ li nżommu r-ritmu. Għaliex ma nistgħux ninsew il-fatt li tkabbir ibbażat fuq il-mertu, b’għanijiet u bi kriterji ċari, huwa l-aktar investiment għaqli li nistgħu nagħmlu fl-istabbiltà, fil-prosperità u fil-paċi tal-kontinent tagħna. Din mhijiex proċedura aċċelerata, hija proċedura mistħoqqa. Hekk ifisser meta ngħidu li l-Ewropa jeħtiġilha tieħu b’aktar serjetà s-sigurtà tagħha. U qegħdin nieħdu l-miżuri t-tajba. Ilbieraħ stess, l-alleati tan-NATO waslu għal ftehim biex jgħollu l-objettivi tal-infiq fuq id-difiża għal 5%. Il-pass li jmiss huwa li ninqatgħu mill-importazzjonijiet tal-enerġija Russi. Il-Parlament Ewropew jilqa’ l-proposta li tressqitlu – l-istituzzjoni tagħna kienet proprju l-ewwel waħda li talbitha. Jien diġà rreferejtha lill-kumitati kompetenti tagħna u l-għan tagħna huwa li nadottaw it-test finali qabel ma tintemm is-sena. Iżda, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li nagħtu kas ta’ dak li tgħallimna, il-qtugħ gradwali huwa parti waħda biss mill-ekwazzjoni. Li jiġi wara huwa daqstant importanti. Dan ifisser li jeħtieġ li niżguraw li jiġu stabbiliti sorsi alternattivi ta’ enerġija biex nissodisfaw il-bżonnijiet tagħna. Jekk l-elezzjonijiet tas-sena l-oħra għallmuna xi ħaġa, din kienet li ma nistgħux nagħmlu passi ’l quddiem mingħajr ma ninkludu liċ-ċittadini tagħna. Jeħtieġ nispjegawlhom ir-raġuni wara l-miżuri li nieħdu. Għaliex dawn huma importanti f’era li fiha l-mod kif nagħmlu l-affarijiet aħna mhuwiex evidenti minnu nnifsu kif kien mingħalina. Bħala koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel il-parti tiegħu, malajr, b’mod ċar u bi skop. Ippermettuli nagħmlilkom rendikont tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Dwar id-difiża: jiddispjaċini li l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP) sab ma’ wiċċu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-konferma tal-Kummissarji Ewropej. Meta din il-leġiżlatura saret operattiva, ħadna azzjoni malajr biex adottajna l-pożizzjoni tagħna fil-bidu tas-sena. Nilqa’ l-approċċ ġenerali li ħa dan l-aħħar il-Kunsill u l-programmazzjoni tal-ewwel laqgħa interistituzzjonali li se tippermettilna navvanzaw fin-negozjati. Is-sena l-oħra, adottajna l-Att dwar l-Akkwist Komuni (EDIRPA) u l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP) f’temp ta’ ftit ġimgħat. U dak l-istess sens ta’ urġenza se jkompli jiggwidana meta nibdew niffinalizzaw il-pakkett omnibus dwar id-difiża qabel ma tintemm is-sena. Il-proċeduri tagħna għaddew minn riformi u huma veloċi. Rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali: adottajna l-pożizzjoni tagħna biex nesponu l-aspettattivi tal-Parlament. Issa qegħdin nistennew b’interess kbir il-proposta tal-Kummissjoni, li mistennija tasal ix-xahar id-dieħel. Wara dan, ir-rapport tal-Parlament dwar il-proposta se jkun disponibbli diġà fil-ħarifa tal-2025. U t-tim tan-negozjati tagħna jinsab lest jaħdem b’mod kostruttiv biex jipproduċi baġit li jkun mgħammar aħjar biex jilqa’ għall-isfidi tal-lum, jiġifieri li jkun b’saħħtu, strateġiku, responsabbli u kapaċi jadatta ruħu. L-aħħar, iżda żgur mhux l-anqas, f’dak li jikkonċerna l-aġenda tas-semplifikazzjoni tagħna: mill-aħħar darba li ltqajna, adottajna l-mekkaniżmu ta’ posponiment (Stop-the-Clock) u ssospendejna l-penali fis-settur awtomobilistiku. Ilħaqna wkoll ftehim proviżorju dwar il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) u x-xogħol fuq l-aħħar pakketti omnibus rigward il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u d-difiża se jibda f’qasir żmien. Issa nifhem li għad hemm xi tħassib. Iżda dan il-Parlament huwa wieħed differenti minn dak li forsi wħud minnkom imdorrijin bih. Xi proċeduri li kienu jieħdu x-xhur, issa jitlestew fi ftit sigħat biss. Iva, għandna l-proċeduri tagħna, u bir-raġun. Jekk l-Ewropa għandha taġixxi b’aktar ħeffa, tkun aktar intelliġenti u toffri kuntest aktar favorevoli għan-negozju, jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-bidliet superfiċjali, u taħdem biss jekk noffru prevedibbiltà lill-industrija u lill-SMEs u jekk ninkludu anki liċ-ċittadini f’dan il-proċess. Iżda dan ma jfissirx li m’aħniex totalment impenjati li niksbu riżultati malajr. Anzi, urejna li nistgħu nagħmluhom it-tnejn. Għaldaqstant inserrħilkom raskom li, fil-Parlament Ewropew, il-kalendarju għal dan għadu validu, bħalma għadha valida d-determinazzjoni tagħna. Nagħlaq billi nuża dan il-mument biex ninfurmakom li l-Parlament Ewropew dalwaqt se jressaq emenda mmirata, ċirkoskritta u kirurġika għall-Att Elettorali tal-UE – waħda li hija limitata għal punt wieħed biss għad li sinifikattiv. L-għan tagħna huwa li l-Membri nisa tal-Parlament Ewropew li jkunu tqal jew li jkunu għadhom kemm welldu jitħallew jiddelegaw il-vot tagħhom. Inħeġġiġkom tappoġġjaw din l-emenda. Għaliex ċertament nistgħu lkoll naqblu li l-ebda pajjiż, l-ebda istituzzjoni u l-ebda demokrazija ma għandha qatt tippenalizza lir-rappreżentanti eletti talli għażlu li jibdew familja. Ħadd ma għandu jkollu jagħżel li jkun rappreżentant askapitu li jkun ġenitur u, b’din il-miżura, nagħżlu li nissalvagwardjaw it-tnejn li huma. Grazzi.
You may find here the transcriptions of her speech per language: