L-Ewropa għandha s-setgħa li taġixxi u s-saħħa li twettaq - il-President Metsola f'Ħelsinki  

 

L-Ewropa għandha s-setgħa li taġixxi u s-saħħa li twettaq - il-President Metsola f'Ħelsinki  

Helsinki  
 
 

L-Ewropa għandha l-abbiltà li tmexxi b'kunfidenza, tibqa' soda, u ssawwar il-futur tagħha stess. Dan kien il-messaġġ tal-President Metsola f'Ħelsinki hekk kif indirizzat avveniment organizzat mis-Soċjetà Paasikivi.

       

Għażiż Antti, għeżież membri tas-Soċjetà Paasikivi, għeżież ħbieb,

Huwa tassew pjaċir tiegħi li erġajt magħkom. Meta niġi lura f’Helsinki nħossni qisni niġi lura d-dar. Bħalma jafu ħafna minnkom, il-Finlandja hija parti minn ħajti f’modi li jmorru ferm lil hinn mill-politika.

Naf li dawn mhumiex żminijiet faċli. U ntlabt naqsam magħkom il-perspettiva tal-Parlament Ewropew. Fil-qosor, in-nies huma inkwetati – hi din l-impressjoni li tinħass kullimkien – u għandhom kull dritt li jkunu inkwetati. Fil-kontinent tagħna għaddejja gwerra. Il-kostijiet tal-enerġija qed irossu f’morsa lill-familji. Id-dinja tinħass anqas sigura u anqas prevedibbli meta mqabbla ma’ ftit snin ilu biss. Jaf qed tistennew forsi messaġġ ta’ biża’, imma ma ġejtx biex nagħti dak it-tip ta’ messaġġ. Ġejt biex nagħti messaġġ bil-maqlub. Qiegħda hawn b’messaġġ ta’ konvinzjoni, għaliex naf li l-Ewropa, minkejja d-diffikultajiet kollha, għandha dak li hemm bżonn. L-Ewropa diġà kienet tinsab f’sitwazzjoni bħal din. Mhux eżatt f’din il-forma, mhux eżatt b’dawn il-pressjonijiet, iżda f’xifer mument li jitlob aktar mill-kawtela, aktar minn “miżuri tan-nofs kedda”. Għadni ġejja minn laqgħa mal-President Stubb, li ddeskriva dan il-mument bħala ripetizzjoni tal-1989 u nemmen li għandu raġun. Għaliex, bħal kif il-waqgħa tal-Ħajt talbet li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi, l-istess qed jitlob dan il-mument. Il-passi ta’ nemla mhumiex se jkunu biżżejjed, jekk xejn għandna bżonn passi ta’ ġgant.

Għalhekk ninsab hawn. Nimpenja ruħi li nżur fil-post kemm jista’ jkun Stati Membri, biex niddjaloga mal-varji setturi tas-soċjetà. Illum, wara din il-laqgħa, se niltaqa’ mal-Prim Ministru tagħkom, u għada se nagħmel żjara fil-Parlament u se niltaqa’ mar-rappreżentanti kollha tal-gruppi politiċi. U jien tassew kuntenta li qiegħda nara hawn preżenti għadd ta’ kollegi Membri tal-Parlament. Nirringrazzjakom talli tinsabu hawn.

Naħseb li din il-ġimgħa, hemm raġunijiet partikolari biex nittamaw. Il-poplu tal-Ungerija għażel lill-Ewropa. Kien emozzjonanti tara dawk ix-xeni f’Budapest: żgħażagħ ixejru spontanjament u b’ferħ il-bandiera Ewropea, ikantaw għal futur ibbażat fuq il-libertà, id-demokrazija u l-konvinzjoni li, f’ċertu sens, ħajjithom hija tagħhom. Dawn iż-żgħażagħ qiegħdu l-fiduċja tagħkom fl-Ewropa tagħna. Issa sta għalina nuru li għamlu sew li qiegħdu l-fiduċja tagħhom fina.

Proprju dik hi l-essenza tal-Ewropa. Idea ħajja, ankrata fil-libertà, fil-konvinzjoni fundamentali li l-persuni liberi jistgħu jibnu flimkien xi ħaġa li vallapena niddefendu u li jistħoqqilha li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Din l-idea għexet aktar mill-imperi. Bniet mill-ġdid lin-nazzjonijiet mit-tifrik. Ittrasformat lir-rivali antiki fi sħab dejjiema. U llum hija fundamentali bħal qatt qabel.

Dan il-pajjiż inqisu bħala post li dejjem ra lil din id-dinja b’mod partikolarment ċar. U hemm raġuni għal dak. L-1,300 kilometru ta’ fruntiera komuni mar-Russja, is-sagrifiċċju enormi li sar biex jiġu difiżi s-sovranità u l-indipendenza ta’ dan il-pajjiż: dan kollu huwa magħġun fil-mod kif il-Finlandja taħseb u tippjana. Wissejtuna. Il-Polonja wissietna. L-Istati Baltiċi wissewna, sena wara l-oħra, dwar min kienu l-ġirien tagħna u x’kienu kapaċi jagħmlu. Kien missna smajna minnkom qabel. B’mod ċar u miftuħ ħafna. Iżda issa qegħdin nisimgħu u, aktar importanti minn hekk, qegħdin naġixxu.

Meta r-Russja bdiet l-invażjoni tagħha fuq skala kbira fl-Ukrajna, ħafna bassru li l-Ewropa ma kinitx se żżomm. Il-kritika li kienet issir l-aktar spiss dak iż-żmien kienet li l-azzjoni tagħna kellha ritmu baxx wisq, li konna maqsumin wisq u li konna komdi wisq. Kienu jgħidulna l-Ukrajna kienet se taqa’ f’temp ta’ ftit jiem. Issa ninsabu fil-ħames sena tal-gwerra, gwerra li Putin kien mingħalih se jtemm fi tlett ijiem. U altru li ma tfarkitx, l-Ewropa jekk xejn ingħaqdet b’tali modi li qabel Frar 2022 kienu jkunu inimmaġinabbli. Mill-ewwel jiem, b’mod partikolari fi ħdan il-Parlament Ewropew, iddefendejna lill-Ukrajna, insistejna biex jiġu adottati sanzjonijiet kontra r-Russja – issa wasalna għall-għoxrin pakkett – u ħeġġejna lill-Ewropa terfa’ responsabbiltà reali għas-sigurtà proprja tagħha. Ma kinitx ħaġa ovvja. Dan is-suġġett ma kienx ġie affrontat qabel l-2022.

Aħsbu naqra fejn konna erba’ snin ilu u fejn aħna llum. Il-Finlandja u l-Iżvezja saru membri tan-NATO: deċiżjoni ta’ kuraġġ storiku u ta’ luċidità. L-infiq Ewropew fid-difiża qed jiżdied b’aktar minn 60%. Il-pajjiżi tan-NATO qed joqorbu lejn l-objettiv tal-5% tal-PDG għad-difiża. Ġew mobilizzati EUR 800 biljun għall-prontezza tad-difiża Ewropea. Dan hu kontinent li ddeċieda li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Rajna dik l-istess determinazzjoni rigward Greenland. Meta ħaddieħor ta x’tifhem li s-sovranità tan-nazzjonijiet tista’ titqies negozjabbli, qisha kwistjoni miftuħa li fuqha min kellu l-poter seta’ jerġa’ jeżaminaha, l-Ewropa ma damitx taħsibha. Mobilizzajna ruħna. Esprimejna l-pożizzjoni tagħna b’mod ċar daqs il-kristall. Urejna li, meta l-Ewropa tagħżel li teżerċita l-poter tagħha, kapaċi tagħmlu. Mhux bil-kliem vojt, mhux bit-theddid, iżda bis-saħħa tal-għaqda, tas-solidarjetà, tal-ġest sempliċi u b’saħħtu li nibqgħu magħqduin – li dejjem kien, u dejjem se jibqa’, il-forza tal-Ewropa.

Fl-Artiku se jinkiteb il-kapitolu li jmiss tas-sigurtà Ewropea. Ir-rotot tal-enerġija, l-infrastruttura kritika, il-preżenza militari, il-ġeopolitika tat-tidwib tas-silġ: se jkunu dawn il-kuntesti li se jiddefinixxu d-deċennji li jmiss u l-Ewropa trid tkun lesta għalihom. Din il-prontezza diġà tidher fir-rwol ta’ gwida tal-Finlandja fl-operazzjoni “Arctic Sentry” tan-NATO u fil-ħatra reċenti ta’ Jyrki Katainen bħala Konsulent Speċjali tal-UE għar-relazzjonijiet Artiċi. Naħseb li dan jibgħat eżattament is-sinjal it-tajjeb fil-mument it-tajjeb. U l-kontribut tal-Finlandja għad-difiża Ewropea ma jiqafx fit-Tramuntana Estrema. Kumpaniji Finlandiżi bħal Summa Defence, li jipproduċu hawn sistemi ta’ droni u jfornuhom direttament lill-forzi armati Ukreni, jirrappreżentaw eżattament it-tip ta’ innovazzjoni fis-settur tad-difiża li minnu l-Ewropa għandha bżonn aktar. Meta nitkellmu dwar l-awtonomija strateġika, dan hu kif tkun tissarraf fil-prattika, f’termini tanġibbli u konkreti.

Tistgħu tkunu kburin bil-mexxejja tagħkom f’Helsinki, fi Brussell u fi Strażburgu: bil-President tagħkom, bil-Prim Ministru tagħkom, bil-Kummissarju Ewropew u Viċi President Eżekuttiv tagħkom, kif ukoll bil-Membri tal-Parlament Ewropew tagħkom, li kuljum jitħabtu għal Ewropa aktar b’saħħitha, aktar kapaċi u aktar magħquda.

Il-Finlandja minn dejjem fehmet xi ħaġa li l-biċċa l-kbira tal-bqija tal-Ewropa – u dan narah fil-parti l-oħra tal-kontinent – għadha qed titgħallem: li s-sigurtà u l-prosperità huma żewġ uċuħ tal-stess midalja. U fl-ebda post ieħor dan mhu aktar evidenti bħalissa milli hu fil-Lvant Nofsani. Ħsibijietna jmorru l-ewwel u qabel kollox lejn il-popolazzjoni tar-reġjun, li batiet immens u għadha qed tbati. Iżda l-konsegwenzi ta’ dik l-instabbiltà qed jinfirxu ferm lil hinn mir-reġjun, qegħdin jgħollu l-kostijiet tal-enerġija – u s-sitwazzjoni se tmur għall-agħar qabel ma titjieb – u qegħdin irossu f’morsa lill-familji u lill-impriżi fil-kontinent kollu tagħna. Nieħdu r-ruħ bil-fatt li ntlaħaq waqfien mill-ġlied u aħna ċari meta ngħidu li l-partijiet kollha jeħtiġilhom jaġixxu bona fide. U naf li għada l-President Stubb se jingħaqad mal-kapijiet ta’ Stat u ta’ gvern l-oħra biex tinstab it-triq ’il quddiem, jittaffew it-tensjonijiet u jerġa’ jinfetaħ l-Istrett ta’ Hormuz. L-Ewropa għandha tkun preżenti madwar il-mejda.

Ir-relazzjoni trans-Atlanika ilha tmenin sena tikkostitwixxi l-pedament tad-dinja libera, u l-ewwel objettiv tagħna huwa proprju dak li nippreservawha. Se naħdmu biex nippreservawha, iżda mhux akkost ta’ kollox. Jeħtieġ li tkun hemm il-fiduċja, li jkun hemm ir-rispett reċiproku. Konna ċari rigward dawn l-affarijiet, u se nkomplu nkunu ċari. Bill Clinton dwar pajjiżu darba qal li “il-persuni fid-dinja kollha dejjem kienu aktar impressjonati mill-forza tal-eżempju tagħna milli mill-eżempju tal-forza tagħna”.

Minkejja li dak il-kliem kien indirizzat lejn pubbliku Amerikan, naħseb li jiddeskrivi wkoll xi ħaġa li aħna l-Ewropej minn dejjem konna nafu dwarna nfusna. Il-forza tal-eżempju tagħna hija dak li fuqu jissejjes il-proġett tagħna. Bis-saħħa tagħha erġajna bnejna dan il-kontinent mit-tifrik tal-agħar gwerra fl-istorja tal-umanità. Bis-saħħa tagħha wessajna ċ-ċirku tal-libertà, ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni. Bis-saħħa tagħha nuru min aħna u x’inhuma l-valuri tagħna, mhux bil-forza, iżda bis-sodezza ta’ dak li bnejna flimkien.

L-Ewropa tagħna ttrasformat lill-pajjiżi, biddlet il-ħajja tan-nies u fetħet orizzonti li ġenerazzjoni biss ilu kienu jidhru impossibbli. Dan diġà għamilnieh fil-passat – f’ċirkostanzi aktar ibsin, b’anqas riżorsi u minkejja diffikultajiet akbar – u qegħdin nerġgħu nagħmluh issa. Jeħtiġilna biss inkunu lesti għalih. Jeħtiġilna nkunu magħqudin meta nagħmluh.

Dawk iż-żgħażagħ ixejru l-bandiera Ewropea fit-toroq għamlu sew li għażlu lill-Ewropa. Issa jmiss lilna nbiddlu f’realtà l-għażla tagħhom.

Grazzi.