L-Ewropa mhix 'il bogħod: l-Ewropa hija Ċipru u Ċipru hija l-Ewropa - Il-President Metsola f'Nikosja  

 

L-Ewropa mhix 'il bogħod: l-Ewropa hija Ċipru u Ċipru hija l-Ewropa - Il-President Metsola f'Nikosja  

Nikosija  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet Ċipru mal-President Nikos Christodoulides biex tiċċelebra Jum l-Ewropa. Waqt djalogu mal-ġenerazzjoni li jmiss, il-President Metsola ħeġġet liż-żgħażagħ biex jiktbu l-kapitlu li jmiss tal-istorja tal-Ewropa.

       

Onorevoli President,
Onorevoli Ministri, 
Kummissarju,
Għeżież kollegi,
Membri tal-Parlament Ewropew,

Huwa pjaċir tiegħi li erġajt lura f’Ċipru, post il-ġmiel tiegħu. Din hija r-raba’ żjara tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew. Jien ukoll ġejja mill-Mediterran u kull darba li niġi hawn, ikolli ngħid li nħossni qisni ġejt lura d-dar.

Ma għaddiex ħafna żmien minn meta kont bilqiegħda jien fejn tinsabu intom illum. Niftakarni bilqiegħda waqt ħafna dibattiti bħal dan, fejn kienu jgħidulna: “Intom il-futur tal-Ewropa”. Niftakarni ngħid bejni u bejn ruħi li aħna l-preżent u għandna ideat, issa.

Meta naħseb f’dak iż-żmien, naħseb li rrealizzajt u fhimt is-sens tal-messaġġ li kienu tawna b’dak il-kliem. Għax rajtu b’għajnejja. Rajt x’jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ meta jiddeċiedu li jimpenjaw ruħhom. Rajt x’jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ meta jsemmgħu leħinhom u meta jsawru d-dinja ta’ madwarhom. Rajt liż-żgħażagħ ibiddlu d-dinja.

L-Ewropa mhijiex biss xi ħaġa li titgħallem dwarha fl-iskejjel, fil-klassi jew anki f’dibattiti u f’sessjonijiet “mistoqsija u tweġiba” bħal din tal-lum. L-Ewropa hija proġett ħaj u mimli enerġija. Dan ngħiduh kull sena fid-9 ta’ Mejju, hux tassew? Imma dak li nixtieqkom tagħmlu, u għandi bżonn lilkom għal dan, hu li l-Ewropa tgħixuha u tisfruttaw din l-enerġija tagħha kuljum. L-Ewropa nbniet minn nies li rrifjutaw li jirrassenjaw ruħhom għall-mod kif kienu l-affarijiet, għall-mod kif dejjem kienu l-affarijiet. Il-proġett Ewropew minn dejjem kien ifisser li dak li jkun iħares ’il quddiem, mhux lura. Iżda l-Ewropa taħdem biss meta kull ġenerazzjoni ġdida tmexxiha ’l quddiem. U proprju hawn li għandkom rwol x’tiżvolġu. Jien u l-President Christodoulides ilna nitkellmu dwar dan minn mindu assumejt din il-kariga u r-responsabbiltà li tiġi magħha.

L-Ewropa u Ċipru għandhom bżonn l-enerġija tagħkom. L-ideat tagħkom. L-onestà tagħkom. Il-kuraġġ tagħkom. Mhux biss biex insewwu dak li mhux qed jaħdem, iżda biex nimmaġinaw mill-ġdid dak li hu possibbli.

L-ewwel darba li dħalt fil-politika kien meta pajjiżi kien fl-eqqel ta’ dibattitu ferm imqanqal dwar jekk għandux jidħol jew le fl-Unjoni Ewropea. Il-ġimgħa l-oħra ċċelebrajna 21 sena fl-Unjoni. Niftakarni naħseb li, bħala tfajla, kelli għażla x’nagħmel: inħalli lil ħaddieħor jagħmel id-diskussjonijiet għalija jew nidħol fihom jien stess. Għalina ż-żgħażagħ ma kienx hemm għażla oħra għajr dik li nidħlu fl-Unjoni Ewropea. Jekk tiġi minn gżira, fil-Mediterran, fin-Nofsinhar tal-Ewropa, mhijiex għażla għalkollox naturali din? 

Iż-żgħażagħ ħarġu rebbieħa. Ir-riżultat kien kważi ras imb ras. Imma minflok ma qgħadt ingorr, qtajtha li nieħu azzjoni. Għaliex kien jimpurtani u kont naf li dak li kont se nagħmel kien se jkun għall-ġid ta’ kull min kien se jiġi warajja. 

Naf li jimporta lilkom ukoll. Iltqajt ma’ wħud minnkom waqt id-diskussjonijiet li kelli fl-uffiċċju tal-Parlament Ewropew ta’ hawnhekk. Jimpurtakom mill-futur tagħkom, mill-edukazzjoni tagħkom, li ssibu impjieg li jfisser xi ħaġa għalikom, li tkunu tifilħu tixtru dar. Naf li jimpurtakom mill-klima, mill-paċi fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u mill-futur ta’ Ċipru.

U għalhekk ninsabu hawn illum, mhux biex toqogħdu tisimgħu imma biex ikun hemm dibattitu vivaċi. Biex tiżguraw li l-vuċijiet tagħkom isawru kull deċiżjoni li nieħdu fil-Parlament Ewropew. Mhuwiex ’il bogħod, hawn qiegħed. Il-Membri tagħkom hawn qegħdin. Kellmuhom. Itolbuhom jagħtu kont ta’ dak li jagħmlu. Żommuhom responsabbli. B’hekk niżguraw li meta naħdmu flimkien, inkunu nistgħu nimmaġinaw mill-ġdid l-Ewropa flimkien. Biex l-Ewropa tkun taħdem għalikom u mhux bil-maqlub u biex l-Ewropa tindirizza l-kwistjonijiet li tant huma għal qalbkom. 

Naf li ħafna minnkom għandkom stejjer tal-familja msawra mill-kunflitti terribbli li għaddiet minnhom din il-gżira sabiħa. U naf kemm ilkoll jimpurtakom tassew minn Ċipru. Iżda kull darba li niltaqa’ ma’ żgħażagħ Ċiprijotti, nara ġenerazzjoni li tixtieq taħdem għal riżoluzzjoni tal-problema, li tixtieq timxi ’l quddiem. Dik hi proprju l-essenza tal-Ewropa. 

L-isfidi tagħkom huma l-isfidi tal-Ewropa. It-tamiet tagħkom huma t-tamiet tal-Ewropa. Ċipru ma jinsabx fil-periferija tal-Ewropa. Ċipru jinsab fil-qalba tagħha. U rridkom tkunu tafu li tistgħu torbtu fuqha l-Ewropa għax l-Ewropa hija intom. Naf li aħna nistgħu norbtu fuqhom.

Jien u l-President Christodoulides niltaqgħu pjuttost spiss. U m’hemmx mument wieħed li fih ma jaħdimx bħal heda għal dan il-pajjiż. L-impenn tiegħi lilu, lill-Ministri, lill-Gvern, lill-Parlament, lill-Membri tal-Parlament u lilkom, huwa li l-Ewropa dejjem se tappoġġja lil Ċipru fit-triq tiegħu lejn ir-riunifikazzjoni, fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz tad-djalogu, permezz tad-diplomazija u bis-saħħa ta’ azzjonijiet konġunti li nieħdu flimkien.

Kull 9 ta’ Mejju ninġabru u ngħidu li din l-Unjoni Ewropea tagħna twieldet mit-tifrik tal-gwerra. Inbniet biex tqarreb lill-popli, mhux biex tifridhom. U ppermettuli ngħidilkom: m’aħna qatt se nabbandunawha dik il-missjoni.

Dejjem kont u dejjem se nibqa’ ottimista. Fil-politika hekk ikollok tkun. Iżda jien u nħares lejkom, dik il-konvinzjoni fundamentali tiġi mtennija bis-sħiħ.

Ftit tas-snin ilu, iltqajt ma’ żewġ ġuvintur minn Famagusta. Kienu preżenti fil-Parlament Ewropew u tkellmu dwar il-paċi, l-għaqda u t-tama. M’jien se ninsiehom qatt, għax dakinhar urewni eżatt x’inhu possibbli meta ż-żgħażagħ jinsistu fuq l-ideat.

L-istess ħaġa qed nara llum. Qed nara ġenerazzjoni intelliġenti, determinata u mimlija ideat. F’nazzjon li qiegħed jieħu rwol ta’ tmexxija fl-Ewropa, isawwar id-dibattiti u jkun ankra għalina wkoll, speċjalment matul is-sitt xhur meta se tieħdu f’idejkom it-tmun matul il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-UE, meta se nduru fuqkom biex tmexxu.

Għaldaqstant iva – meta ngħid “Intom il-futur tal-Ewropa,” nemmen tassew f’kull kelma li għedt. 

Dak ifisser semmgħu leħinkom. Ibqgħu kurjużi. Involvu ruħkom. Agħmlu mistoqsijiet. Ivvutaw. Organizzaw ruħkom. Dan hu dak li nixtieq li jkun il-kapitlu li jmiss tal-istorja tal-Ewropa – xogħolkom issa hu li tiktbuh. 

Għedt li ġejt hawn biex nisma’, għalhekk issa, imiss lilkom titkellmu.