L-Ewropa hija l-kontinent tal-futur  

 

L-Ewropa hija l-kontinent tal-futur  

Praga  
 
 

Hi u tindirizza l-Forum GLOBSEC fi Praga, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dan huwa l-mument kruċjali għall-Ewropa.

       

Mistednin distinti,
Sinjuri,
 
Grazzi talli lqajtuni fostkom. Ippermettuli nibda bi stqarrija sempliċi waħda: l-Ewropa hija l-kontinent tal-futur. Aħna ma nimxux ’il quddiem bin-nostalġija. Aħna konxji li l-aqwa żminijiet tagħna għadhom ġejjin. U naħseb li dan għandna ngħiduh aktar spiss u b’aktar konvinzjoni. 
 
L-Ewropa għandha eċċellenza xjentifika u riċerka. Għandna industriji b’saħħithom ħafna. Għandna t-talenti, il-ħiliet u l-kreattività taċ-ċittadini tagħna. Għandna biss bżonn ta’ ftit aktar fiduċja fina nfusna biex ngħaqqdu flimkien dik il-forza Ewropea kollha. Biex nisfruttaw bis-sħiħ il-punti b’saħħithom kollha tagħna. 
 
Naħseb li l-President Finlandiż Stubb laqat il-musmar fuq rasu meta ddeskriva dan il-mument bħala ripetizzjoni tal-1989 għall-ġenerazzjoni tagħna. U naf li hawn Praga, dan il-mument tifhmuh forsi aħjar, u b’mod aktar dirett, minn bosta oħrajn. 
 
F’dinja li qed issir aktar kompetittiva, aktar imprevedibbli u ostili, mhijiex għażla newtrali li nibqgħu ma nagħmlu xejn. Għal darb’oħra, l-Ewropa tinsab f’xifer mument li jitlob aktar mill-kawtela u aktar minn “miżuri tan-nofs kedda”. Huwa proprju dan li jagħmel dan il-mument kruċjali għall-Ewropa.
 
L-ewwel qasam li jeħtieġ li nidħlu għalih b’ruħna u ġisimna hu dak tas-sigurtà u tad-difiża. Mingħajru ma għandna xejn aktar. L-infiq fuq id-difiża llum huwa ogħla milli kien fl-eqqel tal-Gwerra Bierda, u dan hu fatt pożittiv. Din hi neċessità, u għad hemm lok fejn irridu nirkupraw. Iżda jekk inkomplu nonfqu, nakkwistaw u nippjanaw kulħadd għal rasu, se nispiċċaw nonfqu aktar milli suppost u niksbu anqas minn dak li neħtieġu.  
 
Iċ-Ċekja toffrilna mudell fuq xiex infasslu. Mhijiex biss fortizza industrijali u tal-innovazzjoni tan-NATO fl-Ewropa ċentrali, turi wkoll liema riżultati jistgħu jinkisbu bis-saħħa ta’ akkwist koordinat ta’ munizzjon. Għalija, il-kwistjoni ma għadhiex jekk l-Ewropa tonfoqx jew le. Il-kwistjoni hi jekk l-Ewropa tonfoqx ilkoll flimkien b’mod koordinat. 
 
Hija kundizzjoni indispensabbli għall-kollaborazzjoni li, fil-fehma tiegħi, trid tgħodd għall-Ewropa kollha. It-tkabbir mhuwiex att ta’ karità. Huwa waħda mill-garanziji ta’ sigurtà l-aktar b’saħħithom li nistgħu noffru: lill-Balkani tal-Punent, lill-Ukrajna, lill-Moldova u lilna nfusna. L-Ukrajna, pereżempju, għandha sistemi ta’ droni u kontra d-droni enormi. Il-fatt li jkunu jagħmlu parti mis-sistemi ta’ sigurtà u difiża tagħna huwa vantaġġ għalina. Hija sitwazzjoni li jgawdi minnha kulħadd.
 
It-tieni qafas li fih hemm bżonn aktar ambizzjoni huwa l-ekonomija tagħna. Tifhmunix ħażin: l-impenn tagħna biex innaqqsu l-burokrazija u neliminaw ir-rekwiżiti bla bżonn għall-impriżi se jkunilna ta’ għajnuna. Dan ikun ifisser li l-kumpaniji, fis-sena, jiffrankaw madwar EUR 37.5 biljun. Dawn huma flus li jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fit-teknoloġiji l-ġodda. U nofs il-fajls li qed naħdmu fuqhom din is-sena fil-Parlament Ewropew għandu x’jaqsam proprju ma’ dan.
 
Imma s-semplifikazzjoni trid issir metodu tax-xogħol. L-isfida ta’ vera hija jekk jirnexxilniex finalment naqbdu l-problema tal-frammentazzjoni minn qrunha. Meta nsemmu li rridu nlestu s-swieq finanzjarji tagħna – l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali – inkunu qed nitkellmu dwar benefiċċji potenzjali ta’ madwar EUR 130 biljun. Suq uniku tad-difiża jaf jiġġenera sa EUR 57 biljun fis-sena. Bħala total, dak hu kważi ħames darbiet aktar meta mqabbel mal-flus li l-kumpaniji se jiffrankaw bis-saħħa tal-kampanja tagħna biex tonqos il-burokrazija. 
 
B’wiċċi minn quddiem ngħid li l-Parlament Ewropew qiegħed imexxi l-isforzi biex jiffinalizza l-proposti leġiżlattivi relatati mal-Unjoni Ewropea tat-tfaddil u tal-investimenti sal-aħħar tas-sena. Aħna konxji li kwalunkwe eżitazzjoni f’dan il-każ ikollha prezz.
 
It-tielet punt li xtaqt nagħmel illum huwa dwar il-kummerċ. Il-kumpaniji tagħna, il-ħaddiema tagħna, il-konsumaturi tagħna: ilkoll kemm huma jieħdu vantaġġ mill-ftuħ tas-swieq u mir-rispett tar-regoli. Bħala koleġiżlaturi, ilbieraħ filgħodu għadna kemm qbilna dwar linja ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti. Mhux kulħadd kien jaħseb li konna se naslu f’dan il-punt, iżda rnexxielna. Aħna konxji li, f’dinja instabbli, il-persuni jfittxu l-istabbiltà pjuttost milli t-titli sensazzjonali. L-Ewropa mhijiex se żżomm lura fuq dan il-punt. 
 
Għaldaqstant, iva: il-mument huwa kruċjali. Iżda l-messaġġ tiegħi llum huwa li dan hu l-mument meta għandna nxejru kburin il-bandiera. Għandna dak li hemm bżonn. L-Ewropa għadha l-akbar kisba politika fl-istorja. Dak ifisser li neħtieġu sempliċement inkunu kkonċentrati u naraw l-istampa ġenerali, billi ninvestu b’aktar għaqal fid-difiża. Ifisser li nsaħħu s-sħubijiet fl-Ewropa. Ifisser li nħaffu f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq uniku. Ifisser nagħmlu kummerċ mad-dinja filwaqt li niksbu riżultati għaċ-ċittadini tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar, ifisser li nsaħħu lid-demokrazija tagħna billi nuru li għadha tista’ taġixxi u tiddefendi l-istat tad-dritt u l-libertà.
 
Din hi l-Ewropa li naf jien. Din hi l-Ewropa li tant jien kburija li jien parti minnha u huwa proprju dan li nixtieq li ngħaddu lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej.
 
Grazzi.