L-Ewropa trid tqum fuq saqajha  

 

L-Ewropa trid tqum fuq saqajha  

Brussell  
 
 

Hi u tindirizza l-EPC Thought Leadership Forum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar il-ħtieġa li l-Ewropa tkompli tappoġġja lill-Ukrajna għal paċi dejjiema, li tinvesti aktar fid-difiża b’integrazzjoni aktar profonda, u li jissaħħu l-alleanzi ma’ sħab strateġiċi ewlenin.

       

Nirringrazzja lill-European Policy Centre talli organizza dan il-Forum f’mument deċiżiv għall-Ewropa.

Bħal fi kliem Harold Wilson, li kien qed jirreferi għal ġimgħa, bħalissa, anke siegħa tinħass twila ħafna fil-politika. Li hu importanti issa huwa kif se tirreaġixxi l-Ewropa. Il-fatt hu li ma nistgħux inħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi l-futur tagħna. Qabel ma jkollna r-riedni f’idejna f’dak li jikkonċerna s-sigurtà tagħna, qatt ma nistgħu nħossuna tassew siguri. Għalhekk l-uniċi żewġ kwistjonijiet li bħalissa huma importanti huma dawn: kif u meta se naslu sa dak il-punt.

Nistgħu ngħidu, bla biża’ li nkunu qed nesaġeraw, li dan il-mument huwa kritiku. U għal dawk li jogħġbuhom l-islogans bi tliet kelmiet, se noffrilhom wieħed: għandna bżonn kunfidenza, kuraġġ u kooperazzjoni. 

Għandna bżonn il-kunfidenza għax jeħtiġilna nemmnu fil-kapaċità tal-Ewropa li tilqa’ din l-isfida. Araw ftit il-mod kif ma bqajniex niddependu mill-gass Russu fi żmien rekord – issa jeħtiġilna nuru l-istess determinazzjoni biex nagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna.

Għandna bżonn il-kuraġġ, għax it-theddid li għandna quddiemna hu gravi, l-aspettattivi huma għoljin u jeħtiġilna jkollna l-ambizzjoni u l-istrumenti biex nissodisfaw dawn l-aspettattivi. Ma nistgħux inħallu l-politika għal terminu qasir tostakola s-sigurtà fit-tul tagħna. U dak ifisser li hemm bżonn nagħmlu għażliet ibsin biex inżommu s-sigurtà tal-Ewropa llum. 

U fl-aħħar, għandna bżonn aktar kooperazzjoni, għaliex il-forza tagħna tinsab fl-għaqda ta’ bejnietna. Individwalment, fix-xena dinjija, ftit li xejn għandna setgħa, iżda flimkien, aħna forza li dak li jkun irid jagħti kasha. Fir-realtà dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-islogans, iżda ma’ soluzzjonijiet reali u ambizzjużi. Ma nistgħu neskludu l-ebda kwistjoni. Bħal fil-każ tar-risposta tagħna għall-pandemija, ċirkostanzi straordinarji jirrikjedu deċiżjonijiet straordinarji.

Aħna l-koleġiżlaturi u l-awtorità baġitarja, u inkwantu dik l-awtorità, aħna fil-Parlament Ewropew għandna r-responsabbiltà li naċċertaw li l-liġijiet tagħna, il-finanzjamenti tagħna u l-politiki tagħna jirriflettu l-urġenza ta’ dan il-mument. U ppermettuli ngħidilkom dan b’mod ċar ħafna: m’aħniex se noqogħdu lura minn din ir-responsabbiltà. Huwa l-Parlament li jagħti l-leġittimità demokratika lid-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE. B’dan il-mod, u għal din ir-raġuni, insibu l-maġġoranzi, xi kultant b’diffikultà, biex niggwidaw din l-azzjoni. 

Fil-Parlament, il-prijorità tagħna trid tkun l-Ukrajna. Huwa importanti nisħqu fuq il-fatt li l-poplu tal-Ukrajna mhuwiex waħdu. U se nkomplu nieqfu mal-Ukrajna għal paċi ġusta u dejjiema, eżatt kif ilna nagħmlu sa mill-bidu nett. 

F’dawn l-aħħar jiem inkiteb u ntqal ħafna dwar l-Ukrajna, l-Ewropa u l-Istati Uniti. Iżda, fil-qosor, fl-aħħar mill-aħħar ilkoll kemm aħna rridu l-istess ħaġa: ilkoll kemm aħna rridu li din il-gwerra tispiċċa u lkoll kemm aħna rridu stabbiltà dejjiema. 

Ilkoll kemm aħna rridu l-paċi fl-Ukrajna. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, din il-paċi trid tkun waħda reali: b’libertà u b’dinjità. B’sigurtà għall-Ukrajna. 

Għax dak li kien jgħodd tliet snin ilu għadu jgħodd illum: jekk Kiev taqa’, l-Ewropa u d-dinja se jkunu anqas siguri u anqas prosperi. Il-prezz ikun terribbilment ogħla minn dak ta’ bħalissa. Għalina lkoll u għal uliedna.

L-appoġġ lill-Ukrajna huwa mod kif niżguraw li dan ma jiġrix. Huwa neċessarju, mhux biex nagħmlu l-karità, iżda biex naqdu dmierna li nżommu s-sigurtà tal-Ewropa.  Jeħtiġilna nkomplu nagħmlu hekk.

Ilkoll kemm aħna ddeterminati li nsibu soluzzjoni li tippermetti paċi reali, li ddum aktar mill-mument ta’ issa, u li tibbilanċja r-responsabbiltajiet. Fi kliem ieħor, mod kif niskoraġġixxu aggressur milli sempliċement jistenna ftit xhur jew snin qabel ma jkompli jieħu l-kontroll ta’ nazzjonijiet sovrani bil-forza. Mod li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Ukrajna, illum u għada.

It-tieni, l-Ewropa jeħtiġilha tieħu bis-serjetà d-difiża tagħha stess. Għandna bżonn żewġ affarijiet: ir-rieda u l-flus.

Ilkoll kemm aħna nifhmu li, f’din id-dinja l-ġdida, l-Ewropa jeħtiġilha tonfoq aktar flus fuq id-difiża u tiżgura interoperabbiltà aħjar tal-forzi tagħna. Jeħtiġilna nkunu lkoll lesti nieħdu deċiżjonijiet, ikunu kemm ikunu iebsa, u ndaħħlu jdejna fil-but biex niffinanzjawhom. U dan qed nagħmluh bil-fatti, u mhux bil-kliem.

Mill-2021 l-Istati Membri diġà żiedu l-baġits tagħhom għad-difiża b’31%. Din ħaġa tajba, u mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Iżda nafu li dan għadu mhuwiex biżżejjed. Ir-Russja tonfoq 9% tal-PDG tagħha fuq id-difiża. Għalhekk, fi tliet xhur, ir-Russja tipproduċi aktar armi milli nipproduċu aħna f’sena. Għalhekk hemm bżonn nonfqu aktar, u b’aktar għaqal.

Dan, kunu afu, m’għandux x’jaqsam biss mas-sigurtà, għandu x’jaqsam ukoll mal-kompetittività Ewropea, u mal-“awtonomija strateġika”, terminu li spiss ninsew. Ħafna mit-teknoloġiji li nużaw illum, bħall-GPS, id-droni, l-internet, ġejjin mis-settur tad-difiża. Madankollu, illum nixtru kważi 80% tat-tagħmir tad-difiża tagħna minn barra l-Unjoni Ewropea. Kieku ninvestu aktar fid-difiża Ewropea tagħna, inkunu fil-frattemp qed nistimolaw l-innovazzjoni, nagħtu spinta lill-ekononija tagħna u noħolqu impjiegi b’livell għoli ta’ ħiliet. 

Il-Parlament Ewropew dan jifhmu sew. Bħala koleġiżlatur, adottajna regolamenti biex inżidu l-produzzjoni tal-munizzjon u nsaħħu l-industrija tad-difiża tagħna permezz tal-akkwist konġunt. U dan għamilnieh fi żmien rekord. Kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid ta’ fondi favur id-difiża fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali se tgħaddi mill-Parlament, u lesti mmiddu jdejna għax-xogħol. Issa bdejna wkoll ninnegozjaw il-QFP li jmiss, għalhekk għandna opportunità tad-deheb biex nallinjaw aħjar il-baġit tagħna mal-prijoritajiet strateġiċi tagħna. Huwa ċar, pereżempju, li strumenti bħall-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea jridu jissaħħu, kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul.

Iżda l-finanzjamenti pubbliċi waħedhom mhumiex se jifilħu jagħmlu dan, u se jkollna bżonn nimmobilizzaw malajr il-kapital privat. Għalhekk il-Parlament qiegħed jinsisti fuq strumenti ta’ finanzjament ġodda. Hemm bosta ideat x’nistgħu nikkunsidraw. Tlabna lill-Bank Ewropew tal-Investiment jaġġorna l-kriterji ta’ eleġibbiltà tiegħu biex it-tagħmir militari – u mhux biss dak b’użu doppju – ikun jista’ jirċievi finanzjamenti. U filwaqt li rajna xi żviluppi f’dan ir-rigward, għad jista’ jsir aktar biex nimmassimizzaw ir-rwol tal-BEI. Il-“klawżola liberatorja nazzjonali” hija strument importanti ħafna, li jkun jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li għandhom bżonn biex jinvestu fid-difiża mingħajr ma jiksru r-regoli fiskali. Dawn huma kollha diskussjonijiet li qed jiġu kkunsidrati, li se nagħmlu flimkien fil-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew tal-Ħamis li ġej, is-6 ta’ Marzu. Kif għedt qabel, ma nistgħu neskludu l-ebda kwistjoni.

Iżda filwaqt li l-finanzjamenti huma importanti – ħafna wkoll – nafu li anki jekk nonfqu kemm nifilħu għal din il-problema, xorta m’aħniex se nsolvuha jekk ma nbiddlux il-mod kif naffrontaw il-kwistjoni tad-difiża flimkien. Dan iwassalni għat-tielet punt tiegħi: l-Ewropa għandha bżonn integrazzjoni aktar profonda fid-difiża. 

Bħalissa, il-frammentazzjoni qed tiswielna l-biljuni: kull sena jintilfu bejn 25 u 75 biljun ewro minħabba d-duplikazzjoni u l-ineffiċjenzi. Ma jagħmel l-ebda sens li l-Ewropa jkollha 178 sistema ta’ armi differenti, meta l-Istati Uniti għandhom 30. It-tweġiba hija taħt imneħirna. Għandna bżonn aktar valur għal flusna: dak ifisser li għandna bżonn suq uniku tad-difiża, b’regoli aktar sempliċi għall-impriżi tagħna. Dan se jirrazzjonalizza l-produzzjoni, iżid l-interoperabbiltà u jagħlaq dak id-distakk kritiku f’termini ta’ kapaċitajiet. Għamilna hekk f’setturi oħra, b’suċċess kbir, allura nistgħu nagħmluh fis-settur tad-difiża wkoll.

U fl-aħħar nett, jeħtiġilna nsaħħu l-alleanzi tagħna. Rajna l-għaqda fl-azzjoni nhar il-Ħadd fis-summit ta’ Londra organizzat mill-Prim Ministru Keir Starmer, li laqqa’ lill-mexxejja tal-Ewropa, tar-Renju Unit, tan-Norveġja u tal-Kanada. Għalina dawn huma sħab strateġiċi kruċjali. Bla dubju dan il-mument fl-istorja qarribna lejn xulxin, u issa jeħtiġilna nibnu fuq dan. 

Naturalment, ir-relazzjoni trans-Atlantika tagħna tibqa’ essenzjali. L-Istati Uniti huma fost l-eqdem u l-eqreb alleati tal-Ewropa, u s-sħubija tagħna llum hija importanti aktar minn qatt qabel. 

L-Ewropa u l-Istati Uniti forsi mhux dejjem jaqblu mal-ewwel fuq kollox, mhux dejjem il-perspettivi tagħna jkunu l-istess, iżda nixtieq nikkwota lil missier fundatur tal-Istati Uniti, Thomas Jefferson, li qal “mhux kull differenza ta’ opinjoni hija differenza ta’ prinċipju”. Is-sħubija trans-Atlantika tagħna se ddum ħafna żmien, konvinta minn dan. Tgħallimt ma nissottovaluta qatt dan li ġej: il-qlubija u l-kuraġġ tal-Ukreni; il-kapaċità tal-Istati Uniti li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim; id-determinazzjoni Ewropea biex l-ebda ġenerazzjoni Ewropea oħra ma titħalla tintilef wara Purtiera tal-Ħadid. 

In-NATO dejjem se tkun is-sisien tas-sigurtà kollettiva tagħna. L-UE u n-NATO għandhom 23 membru komuni. Iżda jeħtiġilna nikkomplementaw l-isforzi tagħna, mhux nidduplikawhom. Is-summit tan-NATO f’The Hague ta’ Ġunju se jkun kruċjali biex jissaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO, u b’Mark Rutte Segretarju Ġenerali, għandna alleat b’saħħtu biex ninsistu fuq aktar allinjament bejn l-UE u n-NATO. 

Fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewropa jeħtiġilha tkun taf tieħu ħsieb tagħha nnifisha. U dak ifisser: aktar appoġġ lill-Ukrajna, aktar investiment fid-difiża, kooperazzjoni aktar mill-qrib, biex dawk il-pajjiżi lesti li jimxu ’l quddiem ikunu jistgħu jagħmlu hekk. It-triq mhix se tkun faċli, iżda d-dinja qatt ma nbiddlet b’faċilità.

Nemmen fl-Ewropa. Nemmen fil-kapaċità tagħna li tiddefendu lilna nfusna u nsawru l-futur tagħna. Issa wasal il-mument li naġixxu – b’ambizzjoni, b’urġenza u b’għaqda. Biex dan nilħquh, għandna bżonn il-kunfidenza, il-kuraġġ u, fuq kollox, il-kooperazzjoni. U ma’ kull pass, se ssibu Parlament Ewropew mimli entużjażmu u ferm effikaċi biex jippromwovi din l-aġenda.

Grazzi.