L-Ewropa teħtieġ ambizzjoni ġdida - Il-President Metsola f’Firenze  

 

L-Ewropa teħtieġ ambizzjoni ġdida - Il-President Metsola f’Firenze  

Firenze  
 
 

Hi u tindirizza ċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tal-Istitut Universitarju Ewropew f’Firenze, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa għandha t-talent, id-determinazzjoni u l-pjan direzzjonali, iżda issa teħtieġ ambizzjoni ġdida.

       

Għażiża Maria,
President tal-Istitut Universitarju Ewropew, Dr Patrizia Nanz,
President tar-Reġjun tat-Toskana, Eugenio Giani,
Sindku ta’ Firenze, Sara Funaro,
President Prodi,
President Seguro, 
President Costa, għażiż António,
Professur Cassese,
Viċi President Sberna, Viċi President Mînzatu,
Membri tal-Parlament Ewropew, li tinsabu hawn numerużi,
Mistidnin distinti, studenti u ħbieb,
 
Huwa dejjem pjaċir għalija li nkun Firenze. Iżda l-fatt li erġajt qiegħda hawn għaċ-ċelebrazzjoni tal-50 sena tal-Istitut Universitarju Ewropew huwa ferm aktar minn pjaċir: huwa privileġġ. Grazzi ħafna tal-istedina. Dejjem inħossni qisni qiegħda d-dar għax dan il-post jirrappreżenta l-istorja personali tiegħi. Twelidt Malta. Ħadt sehem fi programm tal-Erasmus f’Rennes, fi Franza. Studjajt fil-Collège d’Europe. Iżżewwiġt Finlandiż. Għandi erba’ subien li jħossuhom Maltin, Finlandiżi u Ewropej bl-istess mod. Din, għalija, dejjem kienet l-istorja tal-Ewropa.
 
Meta ġejt eletta President tal-Parlament Ewropew fl-2022, l-ewwel vjaġġ istituzzjonali tiegħi fl-Italja kien f’Firenze fuq stedina ta’ Dario Nardella, li issa huwa kollega tagħna fil-Parlament Ewropew. Kienet għażla deliberata. Kont naf li l-arkivji storiċi tal-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fl-Istitut Universitarju Ewropew, u ridt nagħti ġieħ lill-post u lin-nies li għenu fit-tiswir ta’ wħud mill-aktar deċiżjonijiet trasformattivi tal-Ewropa. U ridt nerġa’ niġi llum biex nikkonsolida dan kollu. Biex nisħaq fuq il-fatt li, kif għadna kemm smajna, f’dinja aktar imprevedibbli u aktar frammentata, dak li tagħmlu intom huwa meħtieġ aktar minn qabel.
 
Il-messaġġ ewlieni tiegħi llum huwa sempliċi: l-Ewropa teħtieġ ambizzjoni ġdida u l-Ewropa teħtieġ fiduċja ġdida. Aħna l-Ewropa – għandna t-talent, għandna d-determinazzjoni, għandna l-pjan direzzjonali. Neħtieġu biss ir-rieda politika biex nieħdu l-pass li jmiss. Jiena ottimista dwar l-Ewropa; dwar il-kapaċità tagħna li nittrasformaw l-hekk imsejjaħ kontinent l-antik fl-ankra tal-futur li madwarha tinġabar id-dinja. Irrid inħares lura lejn dan iż-żmien bħala ż-żmien meta l-integrazzjoni Ewropea kienet fl-aqwa tagħha. Jista’ jirnexxilna. Fil-fatt, issa huwa l-mument ideali biex dan isir.
 
Allura, x’tip ta’ ambizzjoni Ewropea qed nitkellmu dwarha? M’hemm l-ebda qasam fejn il-ħtieġa hija aktar ċara, jew aktar urġenti, minn dak tas-sigurtà u d-difiża. Jiena nqawwi qalbi bil-progress li sar f’dawn l-aħħar snin – l-Ewropa qed tinvesti aktar fid-difiża milli fl-eqqel tal-Gwerra Bierda. Iżda l-mistoqsija tibqa’: għaliex kull Stat Membru għadu jaġixxi waħdu? Għandna lil Franza u lill-Ġermanja bħala atturi ewlenin fid-difiża kontra l-missili. Il-pajjiżi Baltiċi qed jimxu ’l quddiem fiċ-ċibersigurtà. L-Italja qiegħda fuq quddiem nett fis-sorveljanza bis-satelliti. Aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Komunità Politika Ewropea, smajna lill-President Zelenskyy jispjega kif l-Ukrajna qed issawwar mill-ġdid il-kamp tal-battalja bit-teknoloġija kontra d-droni u xprunata mill-intelliġenza artifiċjali. Mhux kull pajjiż għandu l-istess prijorità, iżda kull pajjiż għandu ħiliet partikolari. U huwa għalhekk li l-President Mattarella kellu raġun meta qal li neħtieġu Unjoni Ewropea tad-Difiża. Għax il-fatt li naħdmu flimkien f’dan il-qasam jagħmel sens.
 
L-akbar riżorsa tagħna, l-ekonomija tagħna, hija l-qasam l-ieħor li jirrikjedi ambizzjoni. Dan ifisser li nissimplifikaw kif nagħmlu n-negozju, li napprofondixxu s-suq uniku tagħna u li nfasslu ordni ġdid ta’ kummerċ ħieles f’era ta’ protezzjoniżmu li qed jikber. Ifisser ukoll li nħaddnu l-innovazzjoni. Jeħtiġilna nkunu ċari dwar ir-riskji tal-intelliġenza artifiċjali; l-istandards iridu jiġu protetti u se jiġu protetti. Iżda għandna nkunu daqstant ieħor ċari dwar l-opportunitajiet. Huwa mbassar li l-intelliġenza artifiċjali se tkun il-fattur li jtejjeb bl-aktar mod sinifikanti l-produttività tax-xogħol minn żmien l-elettriku. Jekk hawnhekk noqogħdu pass lura, pajjiżi oħra se jimxu ’l quddiem. Ma nistgħux inħallu l-biża’ tiddetta r-ritmu tagħna.
 
L-ebda stadju ta’ dan il-proċess mhu se jkun faċli. Dan narawh kuljum fil-Parlament Ewropew bħala Kamra ta’ 720 membru, minn 27 pajjiż, f’aktar minn 200 partit politiku nazzjonali. Ħafna mill-kollegi tiegħi, li numru sabiħ minnhom jinsab hawn illum, u li wħud minnhom huma eks studenti ta’ din l-istituzzjoni kbira, naħseb li jaqblu miegħi meta ngħid li mhux dejjem faċli li jintlaħaq ftehim. U lanqas mhuwa faċli li nħarsu lejna nfusna fil-mera u nammettu li d-deċiżjonijiet li l-Ewropa teħtieġ spiss huma d-deċiżjonijiet l-aktar diffiċli biex jittieħdu. 
 
Hannah Arendt darba kitbet li l-gideb jista’ jkun aktar attraenti mill-verità minħabba li huwa mfassal fuq dak li jridu jisimgħu n-nies. Iżda dan mhuwiex il-mod kif taħdem l-Ewropa. L-Ewropa taħdem bil-fatti u bil-valuri. La hija teknokratika u lanqas populista – għandha l-għeruq tagħha fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. 
 
U huwa hawnhekk, naturalment, fejn tidħlu intom. Biex inwettqu l-ambizzjonijiet tagħna, għandna bżonn sħubija b’saħħitha bejn il-politika u l-akkademja. Mhux għax l-akkademiċi għandhom jieħdu post il-politiċi, iżda għax l-għarfien espert akkademiku jgħin lill-membri parlamentari jieħdu deċiżjonijiet aħjar, aktar b’saħħithom u aktar dejjiema. 
 
U hekk kif infakkru dan l-anniversarju importanti, irrid nieħu din l-okkażjoni biex niftaħ kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet tagħna. Il-Parlament Ewropew ħoloq Direttorat iddedikat għar-Relazzjonijiet mad-Dinja Akkademika, ir-Riċerka u l-Prospettiva, u rridu naħdmu biex inrawmu kooperazzjoni strutturata bejn l-istituzzjonijiet tagħna u l-università tagħkom. Biex il-kooperazzjoni tissaħħaħ. Biex inkunu nistgħu noħolqu ċentru fejn ir-riċerkaturi jibqgħu indipendenti. Biex dawk li jfasslu l-politika jkunu mgħammra aħjar. U l-Ewropa kollha tibbenefika minn dan kollu. 
 
Naf li hawn ħafna studenti fil-kamra, uħud mill-Istitut Universitarju Ewropew, iżda anki minn skejjel sekondarji lokali. Kull meta nitkellem maż-żgħażagħ, u għadni kif kelli l-opportunità li nagħmel dan mas-Sindku ta’ Firenze ftit tal-ħin ilu, dejjem inħeġġiġhom jinvolvu ruħhom fil-politika. Illum, irrid nenfasizza l-valur tal-akkademja wkoll. L-Ewropa għandha bżonn nies bħalkom, nies li huma kurjużi, li jistgħu jgħinu fit-tiswir tad-deċiżjonijiet u li jistgħu jpoġġu f’dubju s-soluzzjonijiet faċli permezz tal-għarfien u l-ħsieb kritiku.
 
Għeżież ħbieb, mhijiex koinċidenza li l-Istitut Universitarju Ewropew ġie stabbilit f’Firenze, il-belt tar-Rinaxximent. Kien hawn, madwar seba’ sekli ilu, li n-nies bdew jifhmu li x-xjenza u l-politika jimxu id f’id. Fil-ktieb The bookseller in Florence, Ross King jiddeskrivi emblema bil-kliem “Liber sum”, li jfisser “Jien ktieb”, iżda jfisser ukoll “Jien liberu”. Dan il-kliem irendi l-idea, kwintessenzjalment Ewropea, li l-għarfien u l-libertà huma inseparabbli. U li jekk irridu Ewropa aħjar, aktar sikura u aktar prospera, jeħtieġ li jkollna l-ambizzjoni li ninvestu fit-tnejn li huma.
 
Fil-fehma tiegħi, m’hemm l-ebda post aħjar minn fejn nibdew milli hawnhekk, f’Firenze. U fl-2076, meta jkolli 97 sena, m’għandi l-ebda dubju li se nkunu għadna proprju hawn, f’Firenze.
 
Grazzi.