L-Ewropa tirrappreżenta opportunità għal uliedna biex jibnu futur aktar ħieles, aktar sigur u aktar prosperu - Il-President Metsola f'Rimini  

 

L-Ewropa tirrappreżenta opportunità għal uliedna biex jibnu futur aktar ħieles, aktar sigur u aktar prosperu - Il-President Metsola f'Rimini  

Rimini  
 
 

Hi u tindirizza l-Laqgħa ta' Rimini, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jaħdem għal Ewropa moderna li hija konxja tal-istorja tagħha, Ewropa b'saħħitha li hija solidali, Ewropa magħquda li tirrispetta d-diversità tagħha, u Ewropa li taħdem għalik.

       

President Scholz, għażiż Bernhard,
Viċi President tal-Kunsill Tajani, għażiż Antonio,
Viċi Presidenti Picierno u Sberna,
Onorevoli kollegi Membri,
Għeżież ħbieb tiegħi,

Grazzi Antonio tal-kliem tiegħek, tat-tmexxija tiegħek, iżda fuq kollox grazzi tal-ħbiberija tiegħek matul dawn is-snin kollha.

Hemm ħafna affarijiet li nixtieq naqsam magħkom illum, iżda rrid nibda b’messaġġ ċar.

Il-ħeffa li biha d-dinja nbidlet tħallilna żewġ possibbiltajiet biss: il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jwettqu l-bidla flimkien jew jiffaċċjaw id-deklin tagħhom waħedhom. Ir-rifuġju ta’ serħan il-moħħ tat-tielet possibbiltà, li hija waħda ambigwa u intermedja, m’għadux jeżisti aktar.

Il-gwerra fl-Ukrajna, l-intelliġenza artifiċjali, l-għargħar, in-nirien, il-kompetittività, ir-riindustrijalizzazzjoni, l-enerġija, l-immigrazzjoni, is-sigurtà, l-għoli tal-ħajja: dawn l-isfidi jeħtiġilna niffaċċjawhom kollha u m’hemm l-ebda waħda minnhom li Stat Membru jista’ jimmaniġġjaha aħjar waħdu.

Mhijiex kwistjoni ta’ affiljazzjonijiet politiċi jew ta’ ideoloġija, iżda pjuttost li nifhmu aħniex lesti nsibu l-kuraġġ – għax huwa l-kuraġġ li għandna bżonn — biex inwieġbu għal dak, li dan il-mument storiku qed jitlob mingħandna.

Il-ġenerazzjoni tiegħi għexet f’dinja fejn kien hemm l-Unjoni Ewropea u f’waħda mingħajrha. U d-dinja hija post aħjar bis-saħħa tal-Unjoni. 

Ewropa li ma tibżax iġġedded lilha nnifisha, tieħu ħajja ġdida u ssawwar il-futur. 

Jeħtieġ li naġixxu bid-determinazzjoni u bl-ambizzjoni li ċ-ċittadini kollha li eleġġewna jistennew mingħandna.

Il-Parlament dejjem qal li l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta l-fiduċja fil-futur u mhux biss ġieħ lill-passat. Tista’ tkun is-simbolu tal-aġilità u mhux tar-riġidità. Aħna npoġġu fiċ-ċentru lill-persuna u d-dinjità tagħha, u mhux proċeduri anonimi. 

Kif kiteb Dante:

“Jekk issegwi l-istilla tiegħek, ma tistax ma tasalx f’port glorjuż.”

U xi drabi, biex naslu fid-destinazzjoni tagħna, jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ inbaħħru lejn ilmijiet mhux esplorati jew saħansitra li ndawru r-rotta, meta jkun meħtieġ.

L-Ewropa hija l-laboratorju tal-futur, id-dar tal-ambizzjoni, tal-opportunitajiet u tat-trasformazzjoni, iżda jeħtieġ li nirrikonoxxu li wasal iż-żmien li naġixxu.

Dan ifisser li nifhmu li ma rridux li kulħadd isir identiku, iżda rridu nivvalorizzaw id-differenzi tagħna u nbiddluhom f’forza. 

Biex nirnexxu, jeħtieġ li nkunu onesti dwar dak li nistgħu ntejbu.

Tkellimt ma’ bdiewa u imprendituri żgħar fl-Ewropa, fl-Italja u f’pajjiżi oħra, u jinsabu inkwetati dwar is-snin li ġejjin. Meta dan ir-reġjun intlaqat mill-għargħar, l-Ewropa kienet hemm biex tgħin. 

Iltqajt ma’ familji li qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja, ma’ studenti żgħażagħ u pensjonanti li lanqas jistgħu jaffordjaw iħallsu l-kera.

Illum, dawn in-nies jeħtieġ li jkunu jafu li l-Ewropa se tibqa’ spalla ma’ spalla magħhom biex jiffaċċjaw il-futur b’fiduċja mġedda.

Kullimkien, madwar l-Unjoni, nisma’ dejjem l-istess messaġġ: l-Ewropa għadha kkumplikata wisq, mingħajr ruħ. 

Iżda r-ruħ tal-Ewropa teżisti: hija l-istorja rikka tagħha, il-valuri tagħha, iċ-ċittadini tagħha, is-solidarjetà tagħha. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew huwa li jqarreb l-Ewropa lejn iċ-ċittadini. U dan se jirnexxilna nagħmluh.

Mhux billi nirrinunzjaw għal dak li jagħmilna Ewropej, iżda billi nsaħħuh. Billi niftakru fl-għeruq tagħna, u nfasslu b’kuraġġ il-perkors tagħna. L-Ewropa hija superpotenza ta’ valuri u sservi ta’ eżempju għad-dinja l-ġdida.

Fl-Ewropa, nagħmlu l-affarijiet bil-mod tagħna. Nagħmluhom b’konvinzjoni u mingħajr il-bżonn li niġġustifikaw ruħna.

Nafu li, f’dinja li għad fiha wisq tiranni, l-empatija u l-ġentilezza jirrappreżentaw forza, mhux dgħufija.

Niddefendu l-libertà tal-espressjoni u nħeġġu d-dibattitu, għax nafu li l-aqwa soċjetajiet huma s-soċjetajiet miftuħa.

Iżda dan nistgħu nagħmluh biss jekk ninvestu fis-sigurtà tal-komunitajiet tagħna u ma nippermettux li s-sistemi tagħna jiġu sfruttati minn dawk li jridu jeqirduhom.

Il-Parlament Ewropew għandu l-ideat ċari dwar kif l-Ewropa tista’ ssir ċentru tal-innovazzjoni u tat-tkabbir.

Huwa għalhekk li qed nadottaw miżuri ambizzjużi biex innaqqsu l-burokrazija żejda, nappoġġjaw u nirrivitalizzaw in-nisġa produttiva tagħna, u ngħinu lin-negozji Ewropej jikbru.

Fadlilna ħafna aktar x’nagħmlu. 

Biex innaqqsu ż-żmien bejn meta tinbet idea u meta tissawwar u tidħol fis-suq, inġibu lura l-produzzjoni industrijali fl-Ewropa u nibnu l-aqwa impriżi tal-futur taħt il-bandiera Ewropea, jeħtieġ li nsaħħu s-suq uniku.

Dan ifisser li mmorru lil hinn mill-interessi tal-mument u nimxu ‘l quddiem flimkien.

Il-frammentazzjoni attwali qed ittellfilna s-saħħa produttiva tagħna għall-benefiċċju taċ-Ċina u ta’ kompetituri oħra, u dan kollu biex niggwadanjaw vantaġġi fuq terminu qasir.

Jeħtieġ li nifhmu li nistgħu nimxu ’l quddiem biss jekk inkunu magħqudin. Jew nimxu ’l quddiem flimkien, jew m’aħna se naslu mkien.

Dan kollu jirrikjedi tmexxija.

Spiss wisq, naraw konsegwenzi mhux mixtieqa ta’ proposti li jispiċċaw ifixklu minflok jgħinu.

Inqisu, pereżempju, ir-regoli Ewropej reċenti dwar l-imballaġġ, li jimponu piżijiet riġidi u kontroproduċenti fuq l-intrapriżi żgħar u medji Ewropej.

Dan huwa eżattament l-oppost ta’ dak li l-Ewropa għandha tirrappreżenta.

Jien kburija li l-Parlament Ewropew ħa l-inizjattiva biex jirrettifika din is-sitwazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Sewwa qalet Giorgia Meloni li neħtieġu aktar “soluzzjonijiet b’sens komun”. 

Kontinent aktar kompetittiv u aktar konness huwa l-uniku mod biex l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni teknoloġika li ttrasformat kull aspett ta’ ħajjitna.

L-Ewropa mhux se tkun sempliċi spettatur fit-tellieqa globali għall-intelliġenza artifiċjali.

Nistgħu nikkompetu. Jeħtiġilna nikkompetu. U l-Italja hija eżempju eċċellenti ta’ dan.

Iżda l-kwistjoni tmur lil hinn mit-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività.

L-Ewropa trid tiżvolġi r-rwol tagħha fit-tellieqa globali għall-intelliġenza artifiċjali għaliex hija kapaċi tagħti l-ħajja lil dan id-dibattitu.

Il-perspettiva tagħna la hija Amerikana u lanqas Ċiniża. Hija perspettiva li d-dinja teħtieġ.

Dawn l-isfidi ma jbeżżgħunix. Għall-kuntrarju, jiena entużjasta bil-possibbiltajiet li jiftħulna.

Iżda dan jikkonċerna lis-soċjetà tagħna u l-mod kif se ngħixu, naħdmu u nibnu l-futur tagħna.

Fil-kuntest ta’ din ir-rivoluzzjoni teknoloġika, jeħtieġ li nħarsu l-umanità tagħna. In-nies għandhom jibqgħu l-għan aħħari.

Dan huwa l-prinċipju li għandu jiggwida lill-Ewropa: li ma tibżax mill-futur, iżda ssawru, filwaqt li tiżgura li t-teknoloġija tkun dejjem għas-servizz tal-bnedmin, mhux bil-maqlub. 

L-istess approċċ għandu jgħodd ukoll għall-immigrazzjoni.

Hawnhekk ukoll, in-nies għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox. Kif fakkar Papa Ljun proprju hawnhekk ftit jiem ilu.

Fil-Parlament Ewropew qed nibnu sistema li taħdem tassew: ġusta u umana, iżda wkoll soda u effiċjenti.

Sistema li tipproteġi l-fruntieri tagħna, tiġġieled in-networks kriminali tat-traffikanti li jisfruttaw lil dawk l-aktar vulnerabbli u tippermetti li r-riżorsi jaslu għand dawk li verament għandhom bżonnhom.

Nistgħu nipproteġu l-fruntieri tagħna mingħajr ma nirrinunzjaw għall-valuri tagħna.
Waħda ma teskludix lill-oħra.

Huma proprjament dawn il-valuri li jagħmlu lill-Ewropa punt ta’ riferiment stabbli f’baħar imqalleb.

Il-forza tagħna toriġina mill-azzjoni kollettiva.

Fl-Unjoni kollha, diġà qed naraw bidliet reali, progress konkret u riżultati tanġibbli.

Huwa b’dan il-mod li jerġgħu jinbnew il-fiduċja u l-entużjażmu fil-konfront tal-Ewropa.

U dan huwa biss il-bidu.

Ir-rappreżentanti eletti tagħkom fil-Parlament Ewropew jaħdmu qatigħ kuljum biex iwettqu r-riformi u l-bidliet li l-Ewropa teħtieġ.

Kif tistgħu taraw, l-Ewropa mhijiex biss ġabra ta’ istituzzjonijiet, regoli u proċeduri. Qabel kollox, hija komunità ta’ valuri.

Il-missirijiet fundaturi kellhom il-kuraġġ iwarrbu r-rivalitajiet ta’ sekli sħaħ, jirrikonoxxu lil xulxin bħala aħwa u jibnu flimkien futur ta’ paċi u prosperità kondiviża.

Illum imiss lilna nuru l-istess kuraġġ: ma nibżgħux mill-għeruq tagħna, iżda nbiddluhom f’xi ħaġa ġdida. Ewropa moderna, għaliex konxja mill-istorja tagħha. 

U, fuq kollox, Ewropa li kapaċi terġa’ tqiegħed fiċ-ċentru tagħha dak li jiġi qabel kwalunkwe istituzzjoni, kwalunkwe suq u kwalunkwe fruntiera: il-bniedem.

L-Ewropa tirrappreżenta opportunità għal uliedna biex jibnu futur aktar liberu, aktar sikur u aktar prosperu. Din hija r-responsabbiltà tagħna. U dan huwa l-futur li jrid ikollna l-kuraġġ li nibnu flimkien.

Għandna t-talent. Għandna r-riżorsi meħtieġa. Ir-rieda politika u t-tmexxija biex dawn jinbidlu f’realtà.

Dan huwa l-mod kif l-Unjoni tagħna tista’ tkompli tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini, l-ambizzjonijiet tan-negozji u t-tamiet taż-żgħażagħ tagħna.

U ppermettuli nirringrazzja lill-Italja u lit-Taljani tal-fiduċja tagħhom fl-Ewropa.

Il-Parlament Ewropew se jippremja l-fiduċja tagħkom bil-ħidma u bir-riżultati.

Għal Ewropa moderna, konxja mill-istorja tagħha;
Ewropa b’saħħitha, li taf turi solidarjetà;
Ewropa magħquda, li kapaċi tirrispetta d-diversità tagħha;
Ewropa li taħdem għalikom ilkoll.

Grazzi.

You can read the President's speech in Italian here.