L-ewwel rebbieħa onorati bl-Ordni Ewropea tal-Mertu  

 

L-ewwel rebbieħa onorati bl-Ordni Ewropea tal-Mertu  

Strasburgu  
 
 

L-ewwel rebbieħa tal-Ordni Ewropea tal-Mertu ġew onorati għall-kontribut sinifikanti tagħhom għall-integrazzjoni u l-valuri tal-UE f'ċerimonja fil-Parlament Ewropew. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li bl-Ordni Ewropea tal-Mertu, nonoraw lil dawk li għażlu li jibnu l-Ewropa f'kull qasam tal-ħajja.

       

Presidenti,
Għeżież dinjitarji ppremjati,
Għeżież kollegi,
Mistednin distinti,

L-Ewropa ma kinitx rigal, bnejnieha: trattat wara trattat, kriżi wara kriżi. Minn nisa u rġiel li rrifjutaw li jaċċettaw li l-qerda tas-seklu 20 kienet dak kollu li l-kontinent tagħna qatt seta’ jkun. Minn nies li, meta ħarsu lejn it-tifrik tal-gwerra, ma rawx tmiem, iżda l-obbligu li jerġgħu jibnu b’mod aqwa u aħjar. Li għażlu s-solidarjetà minflok id-diffidenza, u t-triq it-twila tal-kooperazzjoni minflok it-tentazzjoni qasira tal-interess personali.

Din hi l-Ewropa li writna u għadha l-akbar kisba politika tal-istorja tal-umanità.

Illum, f’dan il-Parlament Ewropew, inġbarna biex ngħidu grazzi. Biex nagħtu ġieħ lin-nisa u lill-irġiel straordinarji li ddedikaw ħafna minn ħajjithom biex isawru din l-Unjoni. Nixtieq nirringrazzja lill-mexxejja u lill-presidenti tal-parlamenti nazzjonali li ressqu n-nomini, kif ukoll lill-kumitat ta’ selezzjoni, għall-attenzjoni u għar-rigorożità li bihom għamlu xogħolhom.

Bl-Ordni Ewropew tal-Mertu nagħtu ġieħ lil dawk li għażlu li jibnu l-Ewropa f’kull qasam tal-ħajja. Dawk li, fil-mumenti diffiċli u meta l-eżitu ma kienx ċert, għażlu li jieħdu r-riedni f’idejhom. Dawk li ħadu deċiżjonijiet li l-konsegwenzi tagħhom forsi qatt ma kienu se jaraw, iżda li kienu jafu biss li kienu deċiżjonijiet ġusti għaċ-ċittadini tagħna u għall-Unjoni tagħna.

U nagħtu ġieħ lil dawk li jiddefendu l-valuri Ewropej, fil-parlamenti jew fis-summits, fis-swali operatorji u fil-grawnds sportivi, fil-kmamar tal-aħbarijiet u fl-awli tal-qorti, fil-laboratorji u fis-swali tal-kunċerti, fid-dinjità siekta ta’ ħajja ddedikata għal xi ħaġa li tmur lil hinn minnhom infushom.

Forsi wħud qatt ma qiesu lilhom infushom bennejja tal-Ewropa. Forsi kienu qed isegwu sempliċement passjoni jew ideal, inkella jiddefendu prinċipju. Iżda hekk dejjem ħadmet l-Ewropa: bis-saħħa ta’ tant u tant ġesti ċkejknin ta’ nies li, kull wieħed minnhom bil-mod tiegħu, ħallew li l-Unjoni tagħna timxi ’l quddiem.

Jiena kburija li l-kontinent tagħna huwa wieħed li qed jikber. Kburija b’dak li l-bandiera tagħna u din il-Kamra jirrappreżentaw għall-Ewropej u għal ħafna nies fid-dinja kollha. Dan narawh meta min iqum kontra l-awtokrazija jxejjer l-bandiera Ewropea tagħna. Meta l-familji jaħsbu fil-ħajja li jixtiequ, fil-futur li jridu għal uliedhom u fid-dinjità li jixtiequ f’età anzjana, u t-tweġiba hija l-Ewropa. L-aktar post ġust fejn taħdem. L-aktar post sikur fejn trabbi familja. Is-superpotenza tad-drittijiet, tal-libertà u tad-demokrazija li nafu li hi.

Iżda xejn minn dan kollu ma jdum jeżisti waħdu. Idum jeżisti għax il-persuni jagħżlu li jiddefenduh, ġenerazzjoni wara l-oħra.

Għalhekk, lill-ġenerazzjoni li jmiss u lil dawk kollha li se jkomplu jmexxu ’l quddiem dan il-proġett ngħidilhom li issa jmiss lilhom jieħdu dan l-impenn. Imiss lilhom ikollhom il-kuraġġ li joħolmu b’xi ħaġa akbar u jsibu l-forza li jwettquha. Għaliex – kif urew dawn il-persuni li ġew ippremjati – kull darba li xi ħadd jieħu inizjattiva, kull darba li xi ħadd jieħu pożizzjoni, l-Ewropa tagħna ssir aktar b’saħħitha.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: