Jekk l-Ewropa trid taġixxi, trid tkun Ewropa li timxi 'l quddiem - Il-President Metsola tindirizza lis-Senat ta’ Spanja  

 

Jekk l-Ewropa trid taġixxi, trid tkun Ewropa li timxi 'l quddiem - Il-President Metsola tindirizza lis-Senat ta’ Spanja  

Madrid  
 
 

Hi u tindirizza s-Senat ta’ Spanja fl-40 anniversarju ta’ Spanja fl-Unjoni Ewropea, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li f’din id-dinja ġdida, ħaġa waħda hija ċara: l-Ewropa trid tagħmel pass ’il quddiem.

       

President tas-Senat, għażiż Pedro,
Senaturi,
Għeżież ċittadini Ewropej,
 
Grazzi ħafna għall-istedina tagħkom. Huwa pjaċir li erġajt ninsab Spanja. Hawn dejjem inħossni qisni qiegħda f’dari.
 
Erbgħin sena huma ħajja sħiħa, li għexnieha flimkien. Imma m’iniex hawn biex nitkellem b’nostalġija tal-imgħoddi, iżda biex naraw liema hu l-aħjar mod li naffrontaw il-ġejjieni flimkien.
 
Il-messaġġ tiegħi llum hu: flimkien aħna l-Ewropa. U aħna kburin li ninsabu flimkien, li ngħixu u li nikkondividu magħqudin. Flimkien aħna b’saħħitna. Flimkien aħna superpotenza ekonomika u superpotenza ta’ valuri fid-dinja.
 
Għandna bżonnha lill-Ewropa. Il-familji u l-industriji tagħna għandhom bżonnha.
 
L-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna jrid jkompli jkun boxxla li biha norjentaw ruħna f’din id-dinja turbolenti li ngħixu fiha.
 
U b’din it-tama awtentika u b’din il-fiduċja fin-nies tagħna, il-messaġġ tiegħi għadu jgħodd: aħna l-Ewropa u meta aħna flimkien ma jista’ għalina ħadd.
 
Inħossni onorata li ninsab hawn magħkom f’din is-sala tal-istorja tant stmata. Xtaqt inkun hawn f’isem il-Parlament Ewropew biex inkun magħkom f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-istorja ta’ suċċess Ewropea li tħaddan Spanja, iżda wkoll biex inħares b’mod onest lejn fejn tinsab l-Ewropa, lejn fejn miexja, u kif nistgħu nuru lill-ġenerazzjoni l-ġdida, li hija aktar xettika dwar il-pożizzjoni tagħna fid-dinja, li l-Ewropa għad għandha l-fiduċja, il-kapaċità u r-rieda li ssawwar il-futur tagħha stess.
 
Il-mistoqsija għall-Ewropa llum mhix dwar fiex nemmnu. Il-valuri tagħna nafuhom. Il-mistoqsija reali hija jekk aħniex lesti li naġixxu fuqhom, b’ħeffa u b’kuraġġ, u jekk aħniex disposti li naraw dan il-mument għal dak li verament hu: mhux biss prova, iżda opportunità reali u vera għall-Ewropa biex tikber, biex issaħħaħ lilha nnifisha, u biex issawwar il-ġejjieni.
 
L-ewwel nett, ippermettuli ngħid kelmtejn dwar il-ħabta traġika tal-ferroviji li seħħet qrib Córdoba ftit ġimgħat ilu biss. Ħsibijietna jibqgħu ma’ dawk li tilfu ħajjithom, ma’ dawk li ndarbu, u mal-familji u mal-komunitajiet li għadhom taħt xokk b’dak li ġara. Kont kommossa ħafna bl-istejjer li ħarġu, bħall-istorja ta’ dik it-tifla ta’ sitt snin li vvjaġġat mal-familja tagħha lejn Madrid biex tiċċelebra r-Reyes, iżda kienet l-unika waħda li baqgħet ħajja wara l-ħabta. Dik l-istorja ħalliet impatt fuqi, u għadha s’issa fi ħsibijieti.
 
Ftit jiem wara, fi Strażburgu, flimkien mal-Maestà Tiegħu r-Re Felipe, kellna mument ta’ silenzju fil-Parlament Ewropew. Kien mod kif nuru s-solidarjetà tagħna ma’ Spanja, u kif nuru li l-Ewropa kollha tieqaf ma’ Spanja kemm f’mumenti ta’ niket kif ukoll ta’ kburija.
 
Dalgħodu, kont qed nitkellem ma’ żgħażagħ minn Madrid. Kellna konverżazzjoni skjetta u miftuħa ħafna – konverżazzjoni bidirezzjonali – dwar l-Ewropa, dwar ix-xogħol, dwar is-sigurtà, u dwar x’tip ta’ futur qed jaraw quddiemhom. U dak li laqatni minn dik il-laqgħa b’madwar 400 żagħżugħ u żagħżugħa ma kienx iċ-ċiniżmu, pjuttost l-oppost: kienet aspettattiva ċara li l-Ewropa għandha tintensifika, terfa’ r-responsabbiltà u tagħti r-riżultati, hekk kif il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel darba ħarsu lejn l-Ewropa biex isawru l-futur tagħhom.
 
Meta Spanja għażlet l-Ewropa fl-1986, għamlet dan f’mument deċiżiv għad-demokrazija tagħha. Dik l-għażla ġabet magħha tama u fiduċja. L-Ewropa saret xi ħaġa tanġibbli, parti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ kulħadd, li ssawwar il-mod kif in-nies ħadmu, kif studjaw, kif ivvjaġġaw, kif bnew negozji u kif ħasbu dwar il-futur. Irrid li Spanja tibqa’ tagħżel l-Ewropa. 
 
L-ekonomija tagħkom kibret b’aktar mid-doppju, u l-opportunitajiet infetħu b’modi li qajla konna nobsruhom meta Spanja ssieħbet għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea. Meta t-terroriżmu tal-ETA pprova jwerwirna għal tant snin, jew meta l-bombi ta’ Al-Qaeda attakkaw l-istil ta’ ħajja u l-libertà tagħna, għamlu dan kontrina lkoll. L-Ewropa kienet magħkom dak iż-żmien daqskemm tinsab magħkom illum.
 
Din mhijiex relazzjoni minn naħa waħda biss: l-Ewropa sawret lil Spanja, iżda Spanja sawret lill-Ewropa – mill-għeruq. Matul dawn l-erbgħin sena, għentu fil-bini ta’ Unjoni aktar ambizzjuża, aktar kunfidenti, u impenjata – aktar f’kuntatt man-nies kullimkien. U dik ir-rabta tissaħħaħ kuljum mill-Membri Spanjoli tal-Parlament Ewropew. Huma jpoġġu lil Spanja fil-qalba tad-dibattiti Ewropej, imexxu ħafna mil-liġijiet li ngħaddu, u jiżguraw li l-Ewropa tagħti riżultati b’modi li n-nies jistgħu jaraw u jħossu. Fi Spanja, għandkom ħafna dwar xiex tkunu kburin bir-rappreżentanti tagħha.
 
Iżda d-dinja ta’ madwarna nbidlet – radikalment. Issa qed ngħixu f’dinja ġdida, imsawra minn gwerra fil-kontinent tagħna, minn instabbiltà fil-viċinat tagħna, minn kompetizzjoni globali li qed tikber, minn żieda fid-diżastri naturali, minn bidla teknoloġika rapida. U meta tiltaqa’ man-nies, dan jgħiduhulek. Iħossuh f’ħajjithom ta’ kuljum, fl-għoli tal-ħajja, fil-prezzijiet tal-enerġija, fl-aċċess għall-akkomodazzjoni, fl-aċċess għal servizzi li jkunu għal but ta’ kulħadd. Imħassba dwar is-sigurtà, l-inċertezza li taffettwa d-deċiżjonijiet ta’ kuljum.
 
Kien f’dan l-isfond li l-Maestà Tiegħu r-Re Felipe tkellem fil-Parlament Ewropew meta qal: 
 
“Qatt bħal f’dawn iż-żminijiet mudlama l-idea tal-Ewropa ma kienet daqstant neċessarja”.
 
Bi kliemu, il-Maestà Tiegħu inkwadra r-realtà li issa l-Ewropa qed tiffaċċja, u l-urġenza tal-mument li sibna ruħna fih. Fakkarna li ma baqax żmien biex noqogħdu ntellgħu u nniżżlu jew li nkunu kompjaċenti, iżda wasal iż-żmien li nerfgħu r-responsabbiltà. Qal dan bla tlaqliq.
 
F’din id-dinja l-ġdida, ħaġa waħda hija ċara: l-Ewropa ma tistax tibqa’ b’idejha fuq żaqqha. L-Ewropa għandha tintensifika l-isforzi tagħha. Greenland għallmitna proprju dan.
 
U kien eżattament dan li għamilna. Bqajna magħqudin fl-appoġġ tagħna għall-Ukrajna, u hekk se nibqgħu nagħmlu, flimkien ħdimna mill-qrib aktar minn qatt qabel fuq id-difiża, ftaħna t-triq għal opportunitajiet kummerċjali ġodda u bdejna nħottu l-ostakli li kienu qed iżommu lin-nies u lin-negozji lura.
 
Iżda r-realtà hija li dan għadu mhux biżżejjed. Ir-ritmu tal-bidla ta’ madwarna jgħaġġel aktar minn dak tad-deċiżjonijiet tagħna. U jekk l-Ewropa tixtieq issawwar il-futur tagħha stess, jeħtieġ inkunu lesti. Jeħtieġ naħsbu fuq skala akbar, jeħtieġ inkunu lesti li naġixxu b’aktar ħeffa, u naċċettaw li l-progress spiss jibda minn dawk li huma lesti jimxu ’l quddiem flimkien. 
 
Huwa dan il-pragmatiżmu realistiku, kif insejjaħlu jien, li jrid jiddefinixxi l-perkors tagħna. 
 
Fil-pajjiżi tal-Benelux, fir-reġjun Baltiku, hawnhekk fil-Peniżola Iberika: l-Istati Membri qed jersqu aktar viċin xulxin, fis-setturi kollha, mill-enerġija sad-difiża u t-trasport. 
 
Mis-Suq Uniku u Schengen, sal-euro u t-tkabbir suċċessiv, l-Ewropa dejjem kibret għax xi wħud għażlu li jiggwidaw, u oħrajn issieħbu meta kienu lesti. Dan huwa l-mod kif l-Ewropa timxi ’l quddiem. Dan huwa l-mod kif nikbru: billi nħaddnu l-arti tal-possibbli, mhux billi nibżgħu mill-bidla.
 
Dan reġa’ huwa wieħed minn dawk il-mumenti. Qed ngħaddu minnu llum.
 
In-nies dan jifhmuh. Huma jridu Ewropa li żżomm lin-nies sikuri u b’moħħhom mistrieħ, li tagħmel il-ħajja aktar sempliċi, li toħloq opportunitajiet, li tappoġġja impjiegi tajbin, u li tappoġġja lin-nies meta jinqagħu l-kriżijiet. Ewropa li tittratta l-migrazzjoni b’mod li jkun ġust, iżda sod. Huma vvutaw għal Ewropa li tisma’, u Ewropa li taġixxi. U jekk l-Ewropa trid taġixxi, trid tkun Ewropa li ma tiqafx.
 
Mhuwiex faċli nissodisfawha dik l-aspettattiva. Ifisser li, akkost ta’ kollox, jeħtiġilna naraw l-istampa kollha, u li nkunu lesti ninvestu fl-għażliet li jsawru l-futur tal-Ewropa.
 
Dan ifisser li fl-aħħar jitlesta s-Suq Uniku billi jitneħħew l-ostakli li għadhom jifframmentaw l-ekonomija tagħna u jżommu lura t-tkabbir, l-investiment u l-kompetizzjoni. Dan huwa partikolarment minnu f’setturi strateġiċi bħat-telekomunikazzjoni, fejn l-iskala, l-investimenti transfruntieri u l-kompetizzjoni reali huma essenzjali jekk l-Ewropa trid tikkompeti globalment.
 
Dan ifisser li nieħdu bis-serjetà kwistjonijiet li jikkonċernaw is-settur bankarju, is-swieq kapitali, Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, sabiex il-flus imfaddla tal-Ewropa jiġu diretti lejn l-innovazzjoni Ewropea, u l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jikbru u jespandu hawnhekk fl-Ewropa, f’dan il-kontinent. Dan ifisser li inizjattivi bħat-28 Reġim u l-Borża Ewropea jsiru realtà.
 
Dan ifisser il-bini ta’ Unjoni tal-Enerġija reali u ġenwina, konnessjoni aħjar tal-grilji tagħna, tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista u tnaqqis tal-prezzijiet għall-familji u għan-negozji.
 
Dan ifisser l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni, l-għeluq tal-lakuni u l-indirizzar tal-migrazzjoni illegali flimkien, biex jinstabu soluzzjonijiet komuni ankrati fil-valuri tagħna, b’mod li jkun ġust u sod. Dan iwieġeb wieħed mill-aspetti ewlenin li jħassbu liċ-ċittadini, dwar kwistjoni li għandha impatt fuq kull Stat Membru.
 
Dan ifisser ukoll it-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa fil-kummerċ globali, filwaqt li nibnu fuq sħubijiet ma’ pajjiżi u reġjuni bħall-Kanada, il-Messiku, il-Mercosur, il-Golf u l-Indja, filwaqt li nsibu opportunitajiet ġodda fl-alleanza tagħna mal-Istati Uniti. Ir-relazzjoni trans-Atlantika tibqa’ l-aktar sħubija ekonomika importanti fid-dinja. Tagħmel sens ekonomiku u strateġiku. Għax hija waħda li wasslet għal għexieren ta’ snin ta’ paċi u prosperità. Iżda dan jista’ jseħħ biss fi spirtu ta’ rispett u fehim reċiproku. Fis-siegħa tal-prova, jeħtieġ li ngħidu dan biċ-ċarezza morali u bid-determinazzjoni li dejjem ikollna.
 
L-istampa sħiħa tfisser ukoll li nieħdu approċċ kostruttiv u kunfidenti fir-relazzjoni tagħna mar-Renju Unit. Għaxar snin wara l-Brexit – diġà għaddew għaxar snin – u f’dinja li nbidlet b’mod tant profond, l-Ewropa u r-Renju Unit jeħtieġu mod ġdid ta’ kif jaħdmu flimkien, fuq il-kummerċ, id-dwana, ir-riċerka, il-mobbiltà, u fuq is-sigurtà u d-difiża. Dan ifisser li nħarsu ’l quddiem, u li nagħmlu dak li jagħmel sens għall-Ewropa u għar-Renju Unit illum. Wasal iż-żmien li ninsew dak li kien ibeżżagħna fil-passat, nerġgħu nikkalibraw is-sħubija tagħna, u nsibu soluzzjonijiet flimkien. Dan huwa pragmatiżmu realistiku, ankrat fil-valuri, li se jarana lkoll nimxu ’l quddiem flimkien.
 
Dan ifisser ukoll li nieħdu l-passi li jmiss lejn difiża Ewropea aktar b’saħħitha, nagħtu spinta lill-kapaċitajiet u lill-kooperazzjoni tagħna, u naħdmu mill-qrib mal-alleati tagħna tan-NATO sabiex l-Ewropa – aħna – inkunu nistgħu nipproteġu aħjar lin-nies tagħna. Ma nistgħux ninjoraw ir-realtà taż-żminijiet, u l-ħtieġa eżistenzjali li naġixxu b’mod deċiżiv. Għax dan huwa l-mument tal-Ewropa. 
 
Is-sigurtà tfisser ukoll li t-tkabbir jittieħed bis-serjetà. Ħafna fil-Balkani tal-Punent huma lesti li jimxu ’l quddiem, u l-Ewropa jeħtieġ li tkun lesta wkoll. It-tkabbir mhuwiex karità. Huwa wieħed mill-aktar għodod ġeopolitiċi b’saħħithom li għandna. Ma hemm l-ebda garanzija ta’ paċi aktar b’saħħitha u aktar fit-tul fil-kontinent tagħna milli ndaħħlu fl-Unjoni Ewropea pajjiżi li jikkondividu bis-sħiħ il-valuri tagħna.
 
Li nkunu ċari dwar fejn ninsabu jfisser ukoll li naġixxu meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan. Nieħdu l-każ tal-Iran. Il-Parlament insista biex il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika jiġi ddeżinjat bħala organizzazzjoni terroristika. Fl-aħħar ittieħdet dik id-deċiżjoni b’mod unanimu l-ġimgħa l-oħra – u ninsab ukoll grata lejn Spanja f’dan ir-rigward. B’wiċċi minn quddiem ngħid li konna l-forza wara dan l-impetu. Għax dan ifisser li l-Ewropa ssaħħet, b’għaqda. B’riżultat ta’ dan, dgħajfet il-kapaċità tar-reġim Iranjan li jaġixxi b’impunità, filwaqt li qatgħet is-sorsi ta’ finanzjament tiegħu, u għamlitha ċara ħafna li ma hemm l-ebda port fl-Ewropa fejn jistkennu  dawk responsabbli għal delitti vili.
 
Meta l-Ewropa taġixxi flimkien – kif rajnieha tagħmel fil-każ ta’ Greenland tliet ġimgħat ilu, fil-każ tal-Iran il-ġimgħa li għaddiet – meta naġixxu flimkien, inkunu effettivi b’mod inkredibbli. 
 
Nafu li l-Ewropa taħdem biss meta n-nies iħossuhom konnessi magħha, meta jagħrfu lilhom infushom fiha, meta jkunu jistgħu jaraw li dawn huma deċiżjonijiet li jittieħdu għax xtaqu li jittieħdu, għax talbuna neħduhom – u meta jaraw riżultati reali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Meta dik il-konnessjoni tiddgħajjef, in-nies jibdew jitbiegħdu. U onestament, din hija xi ħaġa li l-Ewropa ma tħalli li ssir. Għalhekk il-Parlament Ewropew huwa ħolqa kruċjali, anke għalikom u għaċ-ċittadini li tirrappreżentaw bid-deċiżjonijiet li nieħdu.
 
U dan, fi ftit kliem, huwa l-kompitu li għandna quddiemna. Biex inkunu kapaċi naffrontaw dan il-mument. Biex l-azzjoni tkun tal-istess livell bħall-valuri tagħna. Biex nadattaw ruħna għal din id-dinja l-ġdida mingħajr ma nitilfu dak għal xiex l-Ewropa jisħoqqilha li tiġi difiża. U li nagħmlu dan kollu flimkien.
 
Nagħlaq bil-messaġġ inizjali tiegħi: aħna l-Ewropa u meta aħna flimkien ma jista’ għalina ħadd.
 
¡Viva España!
¡Viva Europa!