F’dinja aktar turbolenti, irridu li l-Ewropa tmexxi - il-President Metsola f’Berlin  

 

F’dinja aktar turbolenti, irridu li l-Ewropa tmexxi - il-President Metsola f’Berlin  

Berlin  
 
 

F’diskors waqt il-Konferenza Ewropa 2026 f’Berlin, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li għandna opportunità biex nieħdu d-deċiżjonijiet kuraġġużi li neħtieġu biex nimxu aktar malajr u nadattaw għar-realtà tal-lum.

       

Bonġu lil kulħadd, huwa pjaċir tiegħi li erġajt lura f’Berlin magħkom ilkoll.
 
Ommi tgħallmet il-Ġermaniż tard f’ħajjitha, iżda nqdiet bih bħala skuża biex iġġiegħel lil missieri jsuq kull sajf mill-gżira tagħna fil-Mediterran sal-Ġermanja, ngħaddu bħal riħ mill-Awstrija u mill-Bavarja u nieqfu tul it-triq biex nistrieħu fil-Gasthöfe ż-żgħar li jinsabu mal-ġenb tat-triq. 
 
Missieri ma tantx kellu bżonn min jipperswadih biex isuq fuq l-Autobahn, u għalhekk it-tifkiriet ta’ tfuliti ta’ dan il-pajjiż meraviljuż huma dejjem assoċjati mal-karozzi u mas-sewqan, ma’ dak kollu li dan ifisser mhux biss għan-nies ta’ hawn iżda wkoll għall-industrija u għall-impjiegi li dan jiġġenera fil-kontinent kollu. 
 
U kien proprju waqt dawk il-vjaġġi, bilqiegħda fuq wara nsegwi r-rotta fuq il-mapep fuq ħoġri, jien u nipprova ma nitlifx il-ħruġ tal-awtostrada, li bdejt nifhem ċerti affarijiet dwar l-Ewropa. Post fejn il-fruntieri li darba kienu jifirdu n-nies jisparixxu bil-mod il-mod warajna ma’ għonq it-triq.
  
Meta nerġa’ lura hawn, ma nistax ma naħsibx dwar l-influwenza enormi tal-Ġermanja fit-tiswir tal-istorja tal-Ewropa, dwar il-mod kif l-industrija tagħkom mexxiet ’il quddiem kontinent u dwar kif ir-riunifikazzjoni tagħkom uriet lid-dinja dak li kien possibbli fl-Ewropa. Dan ifakkarna li l-Ewropa kif nafuha llum ma saritx mil-lejl għan-nhar lesta ffurmata. Inbniet bis-saħħa tal-għażliet diffiċli tan-nies – deċiżjonijiet politiċi diffiċli – f’mumenti meta l-għażla l-aktar sempliċi kienet tkun li ma jsir xejn.
 
L-Ewropa reġgħet tinsab, f’ħafna aspetti, f’wieħed minn dawk il-mumenti fil-vjaġġ tagħha. Il-President tal-Finlandja, Alex Stubb, iddeskriva l-2026 bħala ripetizzjoni tal-1989.
 
Wasal iż-żmien li nieħdu deċiżjonijiet importanti, kuraġġużi u, iva, diffiċli. Fid-dinja tal-lum, il-passi ta’ nemla mhumiex se jibqgħu biżżejjed. Għandna bżonn nagħmlu passi ta’ ġgant. L-Ewropa teħtieġ tadatta ruħha, tħaffef il-pass u turi li l-istil ta’ ħajja tagħna u l-valuri Ewropej tagħna jistgħu jsawru l-futur tagħna f’dinja turbolenti, kif sawru l-passat tagħna. 
 
Ħadd ma jirrikonoxxi l-bżonn tar-rwol ta’ tmexxija tal-Ewropa aktar mill-Membri eletti tal-Parlament Ewropew li, kuljum, jiffaċċjaw lil dawk li eleġġewhom. Nafu x’inhuma l-isfidi u nafu kif negħlbuhom.
 
Il-mudell Ewropew għandu jagħti tweġibiet liċ-ċittadini, lill-familji, lill-industrija, lill-impriżi u lill-istart-ups, inkella l-mudell tagħna mhux se jibqa’ jkun dak li se tfittex il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej. 
 
Qed naraw dejjem aktar nies jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi, u jitħallew jinġibdu lejn min iwiegħed li jħott kollox u joffri tweġibiet sempliċi, għad li foloz, f’dinja dejjem aktar ikkumplikata.
 
U allura kif għandna nwieġbu? Ngħaddsu rasna fir-ramel u nisperaw li jgħaddi kollox? Ninjoraw il-messaġġi li jaslulna elezzjoni wara l-oħra f’kull rokna tal-Ewropa? Jew naqbdu l-barri minn qrunu? 
 
It-tweġiba tiegħi hija din: m’għandna noqogħdu lura qatt milli naffrontaw ir-realtà, anzi għandna nirreaġixxu u naqdu rwol ta’ gwida. Injorajna s-sinjali ta’ twissija għal wisq żmien. Qisniehom spiss wisq bħala fażi li tgħaddi. Qgħadna fommna sieket minflok ma ġġilidna kontra din in-narrattiva.
 
Proprju meta l-forzi politiċi konsolidati li konna nafu għal ġenerazzjonijiet sħaħ ikkrollaw fil-kontinent kollu. Dorna lejn il-media li konna nafu u li konna nafdaw, u ħallejna d-dibattitu jinfirex bla kontroll fl-irkejjen tal-internet fejn qatt ma konna ħarisna. 
 
Jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tinbidel. Jeħtiġilna nagħtu lin-nies raġuni biex jivvutaw għal xi ħaġa, pjuttost milli raġuni biex ma jivvutawx lil ħaddieħor. 
 
Il-verità hi li għal wisq nies u għal wisq żmien il-mod tagħna ma kisibx ir-riżultati li kienu qed jistennew.  Iċ-ċittadini li tilfu s-sigurtà li għandhom bżonn, li ma jistgħux isibu l-opportunitajiet u li ma baqgħux jemmnu li l-ġejjieni jaf fir-realtà jkun aħjar mil-lum, ma għadhomx jisimgħuna. Ma għadhomx jimpurtahom mill-ideoloġija kif nafuha, u minflok jibdew ifittxu lil xi ħadd li jwegħedhom li se jkisser sistema li huma jħossu li kissret lilhom.
 
Huwa dak is-sens ta’ frustrazzjoni li jeħtiġilna nindirizzaw. U fil-fehma tiegħi, jista’ jirnexxilna. Nistgħu nirbħuh l-argument. Nistgħu nuru li jekk nibnu xi ħaġa flimkien, dan ikun aktar vantaġġuż għan-nies tagħna milli jekk inħottuha.
 
Dak ifisser li nagħżlu li ma nibqgħux hekk kif aħna,
 
għax l-Ewropa dejjem imxiet ’il quddiem meta konna lesti nieħdu r-riskji. Is-suq uniku kien riskju, Schengen kien riskju, l-euro kien riskju. L-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kienet faċli dak iż-żmien, iżda l-Ewropa mxiet ’il quddiem għax in-nies ħadu r-riedni f’idejhom u refgħu r-responsabbiltà. Dak l-ispirtu ppermetta lill-inventuri, lill-innovaturi, lill-bennejja u lill-imprendituri jsibu fl-Ewropa l-post naturali fejn jgħammru. Dak l-ispirtu li bih ħattejna l-ħitan u farrakna l-ostakli li kienu qed ixekklu l-progress tagħna. Ħadna r-riskji u bis-saħħa ta’ dak l-ispirtu imprenditorjali bnejna sistema li tgħaqqad is-swieq ħielsa, id-demokraziji liberali u x-xbieki ta’ sikurezza soċjali, sistema ta’ min jgħir għaliha. L-Ewropa reġgħet għandha bżonn dak l-istess spirtu llum. Hekk irrid infisser meta naħseb li l-2026 hija ripetizzjoni tal-1989 għall-ġenerazzjoni tagħna.
 
U anki jekk jeħtiġilna nippruvaw nimxu ’l quddiem ilkoll flimkien, min hu lest għandu jimxi ’l quddiem, proprju kif ġara b’Schengen u bl-euro.
 
Għalhekk is-sens ta’ tmexxija li qed nara hawn fil-Ġermanja llum huwa importanti. Il-Kanċillier Merz kien ċar meta afferma li l-Ewropa ma tistax sempliċement tintelaq mal-kurrent waqt li d-dinja ta’ madwarna qiegħda tinbidel, u d-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam tad-difiża, tal-kompetittività u tar-riformi huma eżempju li jkaxkar l-Ewropa.
 
Il-Ġermanja ħadet rwol ta’ gwida li bih sawret mill-ġdid id-dibattitu dwar is-sigurtà fl-Ewropa. Iz-“Zeitenwende” li tħabbret wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna rrappreżentat żvolta storika għall-kontinent kollu kemm hu. Rajna tiżdied in-nefqa għad-difiża u l-iskjerament ta’ truppi fuq in-naħa tal-Lvant tan-NATO fil-Litwanja, biex insemmi eżempju wieħed, u dan jibgħat sinjal ċar ħafna: l-Ewropa tifhem il-gravità tal-mument u r-responsabbiltà tagħna. 
 
L-appoġġ tal-Ewropa favur l-Ukrajna ġej proprju minn dan il-fehim. Mhijiex karità, iżda hija investiment anki għall-Ewropa għax, aħna u nfittxu paċi reali u dinjituża, nifhmu b’mod ċar ħafna li s-sigurtà tal-Ukrajna hija s-sigurtà tal-Ewropa.  
 
Fl-Ewropa kollha l-pajjiżi issa qed jimpenjaw ruħhom biex lid-difiża jallokaw livelli ta’ nfiq li jlaħħqu l-5% tal-PDG, ħaġa li sa ftit żmien ilu kienet titwarrab sempliċement bħala ħaġa politikament impossibbli; imma sadattant hekk ġara, saret għax l-Ewropej jifhmu li r-responsabbiltà li niddefendu l-kontinent tagħna, fl-aħħar mill-aħħar, għandna nerfgħuha aħna.
 
Fl-istess ħin, għandna wkoll nirrikonoxxu b’onestà kemm għadhom frammentati l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ewropa. Ma jistax ikun li l-Ewropa għandha 178 sistema ta’ armi differenti filwaqt li l-Istati Uniti għandhom biss 30, għax livell ta’ frammentazzjoni bħal dak iġiegħel lill-Ewropa tipprova tiddefendi ruħha b’id waħda marbuta wara daharha.
 
Nistgħu nagħmlu aktar, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-forza tal-Ewropa fid-dinja se tiddependi bl-istess mod mill-fatt li l-ekonomija tagħna tibqa’ b’saħħitha, billi s-sigurtà u l-prosperità dejjem imxew id f’id.
 
Dan qed narawh b’mod ferm ċar proprju bħalissa fil-Lvant Nofsani. L-eskalazzjoni tar-reġim Iranjan, b’mod partikolari kontra l-pajjiżi tal-Golf, hija inaċċettabbli u se jkollha konsegwenzi ta’ portata kbira. 
 
U nixtieq insemmi fil-qosor lill-Iran biex insellem il-kuraġġ tal-poplu Iranjan. Dawk li qed jitolbu dinjità u libertà għandhom ikunu jafu li l-Ewropa qiegħda tismagħhom u li l-futur tagħhom huwa importanti. Li reġim li ilu 47 sena jabbuża brutalment mit-teokrazija biex jirreprimi lin-nisa, ifarrak it-tama u l-ħolm ta’ miljuni ta’ nies, jgħallaq lid-dissidenti mdendla mill-krejnijiet fil-pjazez pubbliċi, jissekwestra liċ-ċittadini Ewropej, jiffinanzja lill-forzi bi prokura li jiżirgħu t-terrur fil-Lvant Nofsani kollu, li d-droni tiegħu mlew is-sema tal-Ukrajna, li mmassakra lil eluf u eluf ta’ nies li kienu qed jipprotestaw: dan hu reġim diżonest li qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ mkaħħal mal-poter. 
 
U, kif rajna, dan il-kunflitt diġà qiegħed jerġa’ jgħolli l-prezzijiet tal-enerġija. Dan ifakkarna f’kemm dak li jiġri ’l bogħod minn hawn jista’ f’qasir żmien ikollu riperkussjonijiet diretti fuq il-familji u fuq l-industrija Ewropej, għaliex meta l-prezzijiet tal-enerġija jogħlew esponenzjalment, din iż-żieda jħossuha kemm il-familji kif ukoll il-fabbriki.
 
U dan diġà qed isir f’kuntest ekonomiku diffiċli. Fl-Ewropa, u proprju hawn fil-Ġermanja, f’dawn l-aħħar snin intilfu aktar minn 125,000 impjieg fis-settur industrijali. Il-fabbriki qed jagħlqu fir-reġjuni li bnew il-prosperità tal-Ewropa.
 
Ma għandniex ninjoraw dan il-fatt. Inkunu qed nagħmlu żball kbir jekk ninjorawh. Ir-reazzjoni tagħna trid tkun urġenti u tirrifletti l-gravità tal-mument. 
 
L-Ewropa hi suq uniku ta’ 450 miljun ruħ. Għandna universitajiet u ċentri ta’ riċerka ta’ eċċellenza dinjija. Aħna protagonisti dinjin f’setturi bħall-industrija awtomobilistika, l-inġinerija mekkanika, dak ajruspazjali u kimiku, u għandna wkoll kumpaniji mill-aktar avvanzati fil-kamp teknoloġiku, bħal SAP hawn fil-Ġermanja jew Mistral fi Franza.
 
Ilbieraħ kelli l-opportunità naqsam il-fehmiet mal-BDI, il-federazzjoni prinċipali tal-industriji Ġermaniżi, u l-messaġġ tagħha – bħal dak li jasalli mill-industrija Ewropea kull fejn immur – kien ċar ħafna: nitolbukom tagħmlulna ħajjitna aktar sempliċi, mhux ikkumplikata. 
 
Spiss wisq l-impriżi Ewropej ikollhom joqogħdu jiġġieldu kontra ruxxmata regoli li jnaqqsulhom ir-ritmu, u b’hekk ikunilhom aktar diffiċli li jkunu innovattivi u li jinvestu. Uħud minn dawk ir-regoli huma Ewropej – nammettu – uħud huma nazzjonali, u oħrajn reġjonali. Is-semplifikazzjoni ta’ dawk ir-regoli ma tfissirx li nbaxxu l-istandards, iżda li nirrikonoxxu li, jekk inkomplu nimponu regoli ġodda mingħajr ma nirriflettu dwar l-effetti reali tagħhom, illum pjuttost milli għada se nispiċċaw nagħmlu l-affarijiet aktar diffiċli għall-kumpaniji tagħna stess minflok għal ħaddieħor.
 
Għalhekk ukoll il-pakkett għas-settur awtomobilistiku li bħalissa qiegħed jiġi eżaminat huwa wieħed li l-Parlament Ewropew ilu jitlob, għaliex nafu li l-produtturi għandhom bżonn, aktar minn kull ħaġa oħra, il-prevedibbiltà u l-marġni ta’ manuvra biex jadattaw ruħhom u jibqgħu kompetittivi. Bdejt dan l-intervent tiegħi billi rrakkontajt aneddotu żgħir dwar il-vaganzi bil-karozza fil-Ġermanja, apposta għalhekk. Naf tajjeb xi tfisser l-industrija awtomobilistika għal dan il-pajjiż u għal dan il-kontinent. Għal wisq żmien, kważi ġegħilna lin-nies iħossuhom li jkunu qed jagħmlu xi ħaġa ħażina jekk isuqu karozza, jew għamilna impossibbli l-produzzjoni ta’ mudelli orħos u iżgħar. Agħar minn hekk, f’xi każijiet tajna sussidji lill-kompetituri li ġejjin minn pajjiżi terzi, proprju hawn fl-Ewropa tagħna, f’dan il-kontinent.
 
L-Ewropa teħtieġ tinvesti wkoll fis-setturi li se jsawru l-futur, sew jekk tkun l-intelliġenza artifiċjali, il-manifattura avvanzata, it-teknoloġiji nodfa jew l-innovazzjoni diġitali, bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku.
 
Imma għal dan għandna bżonn l-investimenti. Kull sena l-familji Ewropej ifaddlu ammonti enormi ta’ flus, eluf ta’ biljuni ta’ euro, iżda parti kbira wisq ta’ dawk il-flus tibqa’ ma tintużax, wieqfa fil-kontijiet tat-tfaddil, minflok ma ssostni lill-kumpaniji u lill-ideat Ewropej. Għalhekk il-ħolqien ta’ unjoni vera tat-tfaddil u tal-investimenti huwa waħda mill-aktar affarijiet importanti li nistgħu nagħmlu f’dan il-mument, għax it-tfaddil Ewropew għandu jgħin biex jinbnew l-eċċellenzi Ewropej li jmiss.
 
Nagħlaq billi nsemmi l-kummerċ, li huwa parti mill-istess kuntest. L-Ewropa dejjem stagħniet bħala kontinent impenjat f’kummerċ ibbażat fuq il-ftuħ, l-esportazzjonijiet u s-sħubijiet mal-bqija tad-dinja. Imma ma nistgħux inqattgħu għexieren ta’ snin sħaħ ninnegozjaw ftehimiet kummerċjali filwaqt li l-bqija tad-dinja timxi b’ritmu ferm aktar mgħaġġel.
 
Il-ftehim reċenti mal-Indja bagħat eżattament is-sinjal it-tajjeb. Ursula von der Leyen u António Costa wrew li l-Ewropa lesta tħaffef u tiddjaloga b’aktar fiduċja mad-dinja, u aktar minn dak l-istess spirtu jeħtieġ li jiggwidana fir-relazzjonijiet ma’ sħabna fid-dinja, mar-Renju Unit, mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Istati Uniti u lil hinn.
 
Il-Parlament se jivvota dwar il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Iċċarawlna xi punti u nittama li nkunu nistgħu nagħtu ċerta stabbiltà lir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna u noffru prevedibbiltà lill-kumpaniji.
 
L-Ewropa diġà għexet mumenti bħal dan qabel. Kull darba t-tweġiba kienet l-istess. In-nies ħadu r-riedni f’idejhom. Ħadu r-riskji. Xammru kmiemhom u għażlu li jimxu ’l quddiem minflok ma jagħmlu xejn.
 
Gustav Mahler darba qal: “it-tradizzjoni hi li ngħożżu n-nar, mhux inqimu l-irmied”. Dik l-idea tħaddan xi ħaġa essenzjali dwar l-Ewropa: l-Ewropa mhijiex mużew jew relikwa tal-istorja. L-għan tal-Ewropa dejjem kien li ssawwar il-futur.
 
Jekk ikollna l-fiduċja fina nfusna biex nieħdu r-riskji li dan il-mument jitlob minna u d-determinazzjoni biex nagħmlu bi bżulija x-xogħol li jiġi miegħu, jiena ċerta li t-triq li l-Ewropa għandha quddiemha se twassalna lejn xi ħaġa straordinarja.
 
U għalhekk b’fiduċja ngħid: il-futur huwa l-Ewropa.