Fi żminijiet bħal dawn, ir-risposta tal-Ewropa hija l-kooperazzjoni minflok il-konflitt – Il-President Metsola fi New York  

 

Fi żminijiet bħal dawn, ir-risposta tal-Ewropa hija l-kooperazzjoni minflok il-konflitt – Il-President Metsola fi New York  

New York  
 
 

Hi u tindirizza l-Clinton Global Initiative, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li fi żmien ta’ kriżi kontinwa, it-triq tal-Ewropa hija dik ta’ sħubija ma’ alleati madwar id-dinja, li twassal għal riżultat pożittiv għal kulħadd.

       

Grazzi ħafna u l-waranofsinhar it-tajjeb lil kulħadd.

Huwa tassew pjaċir tiegħi li erġajt magħkom fil-laqgħa annwali tal-Clinton Global Initiative. U hija ħaġa tassew sabiħa li ninsabu hawn biex niddiskutu dwar kif l-aħjar nippromwovu l-bidla fid-dinja, dwar x’hemm bżonn li jsir biex naslu fejn jeħtieġ li naslu u, fl-aħħar mill-aħħar, dwar dak li qed tagħmel l-Ewropa f’dan ir-rigward.

Probabbilment qatt ma kien hemm daqstant kapital x’jiġi investit daqskemm hemm bħalissa, u qatt ma kien hemm daqstant persuni b’ideat tajbin dwar kif insolvu l-problemi li lkoll kemm aħna għandna quddiemna. Madankollu, ta’ spiss wisq, dawn it-tnejn ibatu biex jiltaqgħu flimkien.

Clinton Global irnexxielha tlaqqagħhom b’mod tant tajjeb għal aktar minn għoxrin sena: mill-mediċini għad-dispożizzjoni ta’ min qatt ma kien jiflaħ jixtrihom, sal-mobilizzazzjoni tal-appoġġ favur l-Ukrajna, u t-tibdil ta’ ħajjet in-nies fid-dinja kollha.

U dan huwa urġenti. Qed ngħixu f’epoka li nistgħu nsejħulha ta’ “permakriżi”: enerġija, sigurtà, gwerra, klima. U t-tentazzjoni hija dejjem li nistennew li tgħaddi. Issa, jien insostni bil-maqlub. Hemm bżonn li naħtfu l-mument u nieħdu azzjoni. Proprju f’mument bħal dan għandha bżonn ideat tajbin, u dawn hemm qegħdin, fil-laboratorji, fl-istart-ups, fil-komunitajiet ta’ kullimkien.

Imma għaliex il-finanzjamenti mhux dejjem jaslu għandhom? Hemm tliet ideat żbaljati jew miti li kemm-il darba niltaqa’ magħhom.

L-ewwel mit hu li s-swieq u l-gvernijiet jistgħu jagħmlu dan waħedhom. Ma jistgħux.

Ħudu l-eżempju tal-enerġija. Il-prezzijiet reġgħu għolew, u l-familji u l-impriżi ta’ kullimkien dan qed iħossuh. L-aħjar protezzjoni kontra x-xokk li jmiss hija l-enerġija li nkunu nistgħu nipproduċu aħna stess, u s-sħubijiet f’dak li huwa LNG, kif ukoll l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fl-enerġija nukleari, barra mill-grilji u mill-impjanti ta’ ħżin li jżommu l-kontinwità tal-forniment. U dan jirrikjedi mijiet ta’ biljuni fis-sena, ċifra ferm ogħla minn dik li kwalunkwe baġit pubbliku jista’ jsostni waħdu.

Issa, il-bankiera, is-CEOs u l-investituri kollha li niltaqa’ magħhom jgħiduli li l-kapital lest biex jiġi investit, u l-kelma li nisma’ mingħandhom ilkoll hija “prevedibbiltà”. Iridu jkunu jafu liema direzzjoni se naqbdu, jekk ir-regoli humiex se jibqgħu validi minn hawn u għaxar snin oħra u jekk se jiħdux ir-riskju kollu huma waħedhom.

Għalhekk, dak li nagħmlu fl-Ewropa huwa li nagħtu għajnuna. L-għanijiet tagħna fit-tul huma ċari ħafna. Ir-regoli nżommuhom stabbli. U meta xi ħaġa ma taħdimx, nadattaw. U nużaw fondi pubbliċi biex nieħdu fuq spallejna parti mir-riskju inizjali, u b’hekk inħeġġu lill-investituri privati jipparteċipaw. Dak l-approċċ diġà għen biex jattira madwar 400 biljun euro f’investimenti.

U qegħdin nibnu l-istess tip ta’ sħubija anki lil hinn mill-Unjoni tagħna. Proprju l-ġimgħa li għaddiet ilqajna fil-Parlament tagħna fi Strażburgu lill-Prim Ministru Mark Carney, u l-messaġġ tagħna kien li, fir-rigward tal-enerġija, tal-minerali kritiċi u tas-sigurtà, aħna aktar b’saħħitna meta ninvestu flimkien. Dik hi l-mentalità li nħaddnu ma’ sħabna fid-dinja kollha, mill-Istati Uniti sal-Golf: nistgħu nallinjaw ruħna fuq il-kwistjonijiet li huma importanti għalina lkoll. Għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, nemmnu li minn dan l-approċċ kulħadd joħroġ rebbieħ.

It-tieni mit huwa li r-regoli jbiegħdu l-kapital, li b’xi mod ikollna nagħżlu bejn regoli u innovazzjoni.

Jien dan ma nemmnux. L-intelliġenza artifiċjali hija l-aħjar eżempju.

Imma jridu jkunu regoli tajbin, regoli li joħolqu lqugħ ta’ protezzjoni, li jsaħħu l-fiduċja u, speċjalment, regoli li jippermettu li l-innovazzjoni u t-twassil tal-prodotti jseħħu malajr. 

L-opportunitajiet huma enormi. L-intelliġenza artifiċjali diġà qed tgħin lit-tobba jaqbdu t-tumuri f’fażi bikrija u lix-xjenzati jiskopru mediċini ġodda b’aktar ħeffa, u dan għadu biss il-bidu. Imma xejn minn dan ma jiswa jekk in-nies ma jużawhx. U n-nies jużaw dak li jafdaw.

Jien għandi erba’ subien, li jużaw l-intelliġenza artifiċjali kuljum biex isibu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom u jagħmlu affarijiet li, b’onestà kollha, meta kont tamparhom qatt ma stajt nobsor li nagħmel. U jafdaw dak li tgħidilhom hi. Għalhekk, kemm bħala omm kif ukoll bħala mexxejja, irrid li dawn is-sistemi jkunu siguri.

Għalhekk ħloqna lqugħ ta’ protezzjoni, u kkollaborajna lil hinn mill-firdiet partiġġjani biex naċċertaw li tiġi żviluppata b’mod responsabbli, u nħallu anqas spazju għal preġudizzji u diżinformazzjoni. U l-imprendituri jgħidulna l-istess ħaġa bħall-bankiera. Jistgħu jaħdmu bir-regoli, anzi japprezzawhom, dment li jkunu ċari u jkunu l-istess għal kulħadd u dment li ma joħonqux l-innovazzjoni kruċjali, għaliex regoli affidabbli huma dak li jagħmel is-suq denn li jiġi żviluppat u li jsiru l-investimenti fih.

U dan jidher ċar. Fi wħud mill-Istati Membri tagħna, in-nies qed jużaw l-intelliġenza artifiċjali b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel ma’ dak fl-Istati Uniti. Qed jittestjaw dawn l-għodod, jagħtu feedback, jgħinu biex jittejbu, fir-realtà qed jieħdu sehem attiv fil-ħolqien tagħhom. Hija l-fiduċja li ġġiegħel lit-teknoloġija tinxtered; għalhekk l-ilqugħ ta’ protezzjoni huwa punt ta’ tluq, mhux xkiel. U jekk l-aqwa soċjetà li tafda fik ma tkunx miegħek, anki l-prodott bl-akbar potenzjal ta’ suċċess ikollu diffikultà biex jaqbad.

U qegħdin nappoġġjaw lill-iżviluppaturi, b’fondi għar-riċerka, għall-istart-ups u għall-qawwa komputazzjonali li għandhom bżonn il-kumpaniji tagħna biex iħarrġu u jespandu l-mudelli tagħhom. Din hi l-Ewropa li rrid li d-dinja tara.

Dan l-aħħar, ilkoll kemm aħna smajna lil xi diriġenti tal-akbar kumpaniji tas-settur tal-intelliġenza artifiċjali jgħidulna li jmissna nimxu aktar bil-mod f’dan is-settur avvanzat, ħalli s-sigurtà tkun tista’ żżomm il-pass. Jien din naraha bħala stedina biex nikkollaboraw, filwaqt li nħejju ruħna għall-kunflitt bejn l-intelliġenza artifiċjali demokratika u dik awtokratika. Qegħdin nindirizzaw il-kwistjoni flimkien mas-sħab trans-Atlantiċi tagħna, li quddiemhom għandhom l-istess problemi. U din hi kwistjoni li fiha ma nistgħux ma nikkollaborawx.

Jiena ottimista rigward dan kollu, għad li qatt ma kont inġenwa, u nixtieq li jkunu l-Ewropa u l-Amerka flimkien li jsawru l-futur tal-intelliġenza artifiċjali. It-tellieqa ta’ vera mhijiex bejnietna, iżda kontra dawk li jridu jużaw din it-teknoloġija biex jiddominaw, biex jimponu u, essenzjalment, biex jillimitaw il-libertà. Aħna ma nibżgħux minnha l-intelliġenza artifiċjali. Anzi, nemmen li se tkun proprju hi li se ssawwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji; għalija, għalhekk, hija kwistjoni ta’ ħolqien ta’ fiduċja, mhux ta’ xkiel fl-iżvilupp. Għaliex nistgħu nagħmlu t-tnejn li huma.

It-tielet mit hu li l-ideat it-tajbin dejjem isibu l-finanzjamenti.

Mhuwiex il-każ. U naf li m’għandi bżonn nikkonvinċi lil ħadd hawnhekk, għax ħafna minnkom qattgħu snin sħaħ jappoġġjaw lin-nies li ħaddieħor ma kienx ta kashom.

U fuq dan il-punt ippermettuli nisħaq fuq il-fatt li, jekk irridu tassew niżblukkaw il-kapital, jeħtieġ li nappoġġjaw lin-nisa. Fl-Ewropa, il-kumpaniji mwaqqfin biss minn nisa għadhom jirċievu ftit ċenteżmi għal kull euro ta’ kapital ta’ riskju. Is-Segretarju Clinton darba qalet li n-nisa jirrappreżentaw l-akbar riżerva ta’ talent li għadha ma ġietx esplorata fid-dinja. U dawk iċ-ċifri dan juruh sew. Il-Parlament tagħna ilu snin sħaħ jitħabat biex jippromwovi l-preżenza tan-nisa fil-bordijiet ta’ tmexxija tal-kumpaniji. Għaliex meta n-nisa jiġu appoġġjati, jisiltu benefiċċju komunitajiet sħaħ.

L-istess jgħodd għaż-żgħażagħ li jibdew negozju, li jfittxu kapital li jippermettilhom jikbru f’pajjiżhom, u għalhekk qegħdin naħdmu biex noffru liċ-ċittadini Ewropej aktar opportunitajiet biex jinvestu fil-kumpaniji Ewropej. Hu għalhekk ukoll li l-filantropija hija daqshekk importanti, billi tagħmel l-ewwel pass fejn is-swieq ikunu għadhom ma tefgħux ħarsithom, u għalhekk is-soċjetà ċivili tgħin biex il-fondi jaslu fejn hemm bżonnhom l-aktar.

Fl-aħħar mill-aħħar, sew jekk hija l-enerġija, l-intelliġenza artifiċjali jew l-iżvilupp, l-ebda sfida minn dawn ma tista’ tiġi indirizzata mingħajr sħab, mingħajr ma naħdmu flimkien.

Għaldaqstant, qabel ma nagħlaq, nixtieq inħallilkom l-impenn tiegħi. Aħna fil-Parlament Ewropew se nkomplu nagħtu liċ-ċittadini ċ-ċarezza u l-prevedibbiltà li għandhom bżonn biex jinvestu b’fiduċja, se nkomplu nħeġġu l-investimenti fl-ideat li s-swieq għadhom ma ndunawx bihom u se nkunu sieħeb li tistgħu torbtu fuqu. Nittama li ħafna minnkom jaċċettaw din l-offerta, għaliex din hi l-wegħda tal-Unjoni Ewropea tagħna.

Grazzi.