Fl-Università Politeknika ta’ Turin, mal-istudenti u ż-żgħażagħ, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola appellat biex flimkien nistgħu nkomplu nippromwovu l-innovazzjoni u nisfruttaw il-qawwa tal-isport biex ningħaqdu, jispiraw u nittrasformaw.
Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb, Ippermettuli nibda billi nirringrazzja lill-President tar-Reġjun tal-Piemonte, Alberto Cirio, lis-Sindku ta’ Turin, Stefano Lo Russo, u lill-President tal-Kumitat Reġjonali CONI Piemonte, Stefano Mossino, talli lqajtuni b’mod tant sabiħ. U naturalment, ringrazzjament speċjali jmur lill-Professur Stefano Sacchi, Viċi Rettur tal-Università Politeknika ta’ Turin, talli laqagħna f’dan iċ-ċentru ta’ eċċellenza dinji tal-għarfien u tal-innovazzjoni. Għażiża Silvia, grazzi. Naqbel ma’ dak kollu li għedt inti, se nieħu miegħi l-messaġġi kollha li tajtna, l-Ewropa qed tagħmel ħafna u nwiegħdek li se nagħmlu ferm aktar. Grazzi għażiża Silvia. Jien u dieħla kien hemm kollega tagħkom li qalli “Grazzi talli lbist il-blu, għan-Napoli”, għax irbaħtu l-kampjonat. Dan ma kienx l-ewwel messaġġ li ridt inwassal fil-Piemonte imma ddeċidejt li naħtaf din l-okkażjoni biex nifraħ lit-tim kollu. Huwa wkoll pjaċir kbir tiegħi li ninsab hawn fil-kumpanija ta’ persuna li ma għandhiex bżonn min jintroduċiha jew jippreżentaha: Leonardo [Bonucci]. Ix-xena tal-Azzurri jgħollu t-tazza tal-Kampjonat Ewropew tal-2020 se tibqa’ għal dejjem stampata fil-memorja ta’ nazzjon sħiħ. Ma llimitajtx ruħek, għażiż Leonardo, li tiddefendi b’tenaċja, flimkien ma’ sħabek tat-tim, iżda ispirajt ġenerazzjoni biex toħlom bil-kbir, tiġġieled b’aktar saħħa u temmen fl-impossibbli. Ikolli ngħidlek, ta’ omm ta’ erba’ subien, li f’dari għandek ħafna fans. Hemm bżonn nitkellmu anki dwar il-lat ekonomiku tal-isport. Għalhekk illum xtaqt nesprimi ftit dak li naħseb biex l-isport isir aktar sostenibbli u dwar il-mod kif jiġu valorizzati anki l-klabbs lokali ż-żgħar li joffru ħafna lill-komunitajiet tagħna u liż-żgħażagħ. L-isport irid jibqa’ sod u ankrat sew fit-territorju. Is-sena l-oħra f’avveniment fi New York kellimt lil Alex Del Piero, Antonio Tajani kif ukoll lil investituri Amerikani f’timijiet Taljani tal-futbol, tal-basketball u ta’ sports oħra. U tema ċentrali kienet kif nistgħu nirrivoluzzjonaw l-istadiums tagħna, kif noffru esperjenza aċċessibbli li tkun tista’ tiġġenera l-“esperjenza tal-ġurnata tal-partita”. Dan diġà narawha fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit u anki hawn bil-Juventus. Jeħtiġilna nifhmu kif nistgħu nagħmlu dan bl-aħjar mod biex inżommu t-talent u l-kapital fl-Ewropa u dan se jkun fundamentali biex jiggarantixxi l-futur professjonali tal-isport u din, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-forza tagħna! Din hija l-forza tal-isport. Il-forza li nagħmlu pass oltre, li nimmotivaw ruħna u li ntejbu l-qagħda tagħna. Imma l-impatt tiegħu jista’ jmur saħansitra lil hinn. L-isport ibiddel anki l-ħajja barra mill-grawnd: isaħħaħ il-benesseri tal-komunitajiet, jistimola l-innovazzjoni u joħloq impjiegi ġodda. Data reċenti turi li fl-Unjoni Ewropea l-impjiegi fl-isport żdiedu b’aktar minn 2%. Għalhekk jeħtiġilna nqisu l-edukazzjoni u r-riċerka fl-isport bħala prijorità strateġika. Iqawwilek qalbek tara li din l-Università – u dan ir-Reġjun – jinsabu fuq quddiem nett f’dan ir-rigward. L-Università Politeknika ta’ Turin hija eżempju virtuż ta’ dan l-impenn bis-saħħa ta’ inzjattivi. Smajna bil-programm Dual Career li jippermetti lill-istudenti atleti jlaħħqu kemm mal-istudju universitarju kif ukoll mal-karriera sportiva u l-involviment fl-ATP Finals. Din l-Università timmira issa lejn proġett ambizzjuż li jintegra sport, formazzjoni u riċerka. Huwa mudell innovattiv fil-panorama universitarja Taljana u Ewropea. Imma nixtieq ngħidilkom ukoll, fil-kuntest ta’ dan kollu, li l-Parlament Ewropew jinsab spalla ma’ spalla magħkom. Aħna wkoll nemmnu f’dan kollu, bis-serjetà. Niffinanzjaw proġetti, nappoġġjaw lir-riċerkaturi, niftħu n-networks tagħna għall-istudenti. Il-Pjan ta’ Ħidma l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-Isport jgħinna nilqgħu għall-isfidi li se jinqalgħu fis-settur, mill-kummerċjalizzazzjoni dejjem akbar, għas-sostenibbiltà, sar-rabta fundamentali bejn is-saħħa fiżika u mentali. U bil-ħidma leġiżlattiva tagħna, it-tnejn li aħna niġġieldu biex inżommu l-isport inklużiv, ekwu u protett – mill-korruzzjoni, mill-abbużi u minn min jipprova jisfruttah. Għaliex il-logħob f’tim mhuwiex biss prinċipju sportiv: huwa l-bażi ta’ dak kollu li nagħmlu. L-istorja tal-Ewropa mhijiex rakkont sempliċi. Tmenin sena ilu biss, is-27 pajjiż li llum jagħmlu parti mill-Unjoni tagħna kienu fi gwerra bejniethom, mifrudin fi blokok u alleanzi. Illum, minflok, b’wiċċi minn quddiem immexxi Parlament ta’ 720 deputat – li jirrappreżentaw kważi nofs biljun ċittadin – li ma jippruvawx jaħkmu territorji, iżda jippruvaw jibnu bażi komuni. Mhux biex jinfirdu, iżda biex jikkooperaw. Mhux biex wieħed jirbaħ fuq l-oħrajn, iżda biex jirbaħ mal-oħrajn. Huwa dan l-ispirtu tal-Ewropa, u huwa anki l-ispirtu tal-isport. Fil-bidu tal-mandat tiegħi, kelli l-privileġġ niltaqa’ ma’ grupp ta’ atleti Ewropej li kienu qed iħejju ruħhom għal-Logħob Olimpiku tas-sena l-oħra. Bħal ħafna minnkom, segwejtu f’Pariġi b’ammirazzjoni kbira. Imma dak li baqa’ l-aktar imsammar f’moħħi kien dan: meta huma jikkompetu, l-Ewropa kollha tissapportjahom. L-atleti Taljani huma atleti Ewropej. Meta l-għawwiema Taljani jiksru rekords tad-dinja, meta l-iskermituri nisa tagħna jirbħu l-midalja tad-deheb, meta Elisa Di Francisca għolliet il-bandiera Ewropea fuq il-podju matul iċ-ċerimonja tal-midalji – ilkoll kemm aħna ħassejna li konna kburin biha. Għaliex ir-rebħiet tagħhom – ir-rebħiet tal-Italja – huma wkoll r-rebħiet tal-Ewropa. Għalhekk inħares b’fiduċja u b’sens ta’ responsabbiltà lejn il-kollaborazzjoni f’dan il-qasam. Flimkien nistgħu nkomplu nippromwovu l-innovazzjoni, insaħħu l-edukazzjoni superjuri u nisfruttaw il-poter tal-isport biex ngħaqqdu, nispiraw u nittrasformaw. Grazzi.