F'indirizz fl-Università ta' Messina, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew lest ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-partijiet interessati kollha biex jiżgura li l-mafja qatt ma terġa' ssib kenn f'xi rokna tal-kontinent tagħna.
Eċċellenza Tiegħek Giovanni Accolla, Arċisqof ta’ Messina, Prosekutur Ġenerali kontra l-Mafja u kontra t-Terroriżmu, Dott. Giovanni Melillo, President tal-Qorti tal-Appell, Dott. Luigi Lombardo, Prefett, Dott.ssa Cosima Di Stani, Sur Sindku, Federico Basile, Rettriċi Manifka, Giovanna Spatari, Onor. Antoci, għażiż Giuseppe, Awtoritajiet ċivili u militari, Mistednin distinti, Għeżież ħbieb, Dejjem ħassejt rabta speċjali ma’ Sqallija. Il-qrubija ġeografika u kulturali ma’ pajjiżi għamlet lil din l-art parti integrali mill-istorja tiegħi stess. U lil Sqallija ma nafhiex għad-dell li jixħet il-biża’ iżda għad-dija tal-qlubija tagħha u tal-kburija ta’ niesha. U saħansitra aktar għall-kapaċità straordinarja tagħha li terġa’ tqum fuq saqajha, li ma ċċedix għall-vittimiżmu, li tiflaħ għall-piż tal-vjolenza. Sqallija tinkarna l-ispirtu l-aktar awtentiku tal-Unjoni tagħna. Dan tgħidulna l-istorja tagħkom. Salib it-toroq ta’ kulturi, ta’ skambji, ta’ kondiviżjoni bejn popli u tradizzjonijiet li kkontribwixxa biex tissawwar l-identità Ewropea. Qiegħda hawn bħala l-President tal-Parlament Ewropew – il-Parlament tagħkom – iżda wkoll bħala bint il-Mediterran. Waħda mill-ftit Ewropej li jistgħu jgħidu li ġejja min-Nofsinhar ta’ Messina. Twelidt Malta, u r-rabtiet bejn pajjiżi u Messina dejjem kienu b’saħħithom u speċjali. Meta Messina spiċċat ħerba bit-terremot tal-1908, li ħalla għexieren ta’ eluf ta’ nies mejtin, Malta ngħaqdet ma’ oħrajn u bagħtet għajnuna urġenti: tobba, spiżjara, volontiera. Għenna nibnu mill-ġdid. Naturalment, dan kollu ġara qabel it-twelid tal-Unjoni Ewropea. Iżda din kienet diġà l-istess solidarjetà fl-azzjoni li tefgħet is-sisien tal-Unjoni tagħna. Anki l-iżgħar gżira għamlet il-parti tagħha biex tgħin. U proprju dan huwa s-sens tal-Ewropa. Ippermettuli nagħmel ringrazzjament speċjali lill-kollega tiegħi, l-Onorevoli Antoci, talli stedinni nitkellem f’laqgħa tant importanti, f’dan l-ambjent prestiġjuż. Illum il-Parlament Ewropew huwa rappreżentat ukoll mis-Segretarju Ġenerali, Alessandro Chiocchetti, li għadu kif tkellem. Ninsabu hawn biex nibagħtu messaġġ qawwi u ċar: il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għalina hija prijorità assoluta. Se nkomplu niddefendu b’mod sod id-dinjità ta’ min ssagrifika ħajtu f’isem il-ġustizzja u l-istat tad-dritt: l-imħallfin, l-uffiċjali tal-korpi tal-pulizija, il-ġurnalisti, l-attivisti. Irġiel u nisa qalbiena. Fosthom, Giovanni Falcone, Paolo Borsellino, Rocco Chinnici, Carlo Alberto Dalla Chiesa, Cesare Terranova, student ta’ din l-università. Ma nistgħux ninsew ukoll lill-aġenti tal-iskorta, li b’kuraġġ tilfu ħajjithom. F’Malta, pajjiżi, il-korruzzjoni qatlet lill-ġurnalista u ħabiba tiegħi Daphne Caruana Galizia. Fis-Slovakkja, lil Ján Kuciak. U l-lista ta’ dawk li tilfu ħajjithom tkompli. Eroj li nqatlu għax iddefendew il-verità. Id-dinja tal-lum hija obbligata ħafna għas-sagrifiċċji tagħhom. Nitlobkom tiftakru fihom b’applaws kbir. Fid-Dar tad-Demokrazija Ewropea tagħna, li hija wkoll darkom, nifhmu aħjar minn ħaddieħor li l-ġlieda kontra dawn ix-xbieki kriminali tista’ tintrebaħ biss bis-saħħa tal-kooperazzjoni transfruntiera. Għaliex meta l-Ewropa kollha kemm hi tinsab mhedda, l-Ewropa kollha kemm hi jeħtiġilha tgħaqqad il-forzi biex tiddefendi ruħha. It-twaqqif, fl-2012, tal-Kumitat speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus kien mument ta’ żvolta fl-impenn tal-Parlament Ewropew. Xogħlu witta t-triq għal inizjattivi deċiżivi, fosthom, fl-2017, il-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew: pass fundamentali lejn kooperazzjoni ġudizzjarja b’aktar saħħa u b’aktar koeżjoni, li kapaċi ssaħħaħ il-miżuri ta’ infurzar u tħares b’mod aktar effikaċi l-interessi finanzjarji komuni. F’dawn l-aħħar snin, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew assuma rwol dejjem aktar ċentrali billi ggarantixxa li l-fondi allokati għall-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma jispiċċawx f’idejn l-organizzazzjonijiet kriminali, iżda jiġu investiti fit-tkabbir, fl-innovazzjoni u fil-futur taċ-ċittadini. Għax dak li l-mafja taħtaf mill-komunità jrid jitradd lura lill-komunità. Huwa f’dan l-istess spirtu li l-Parlament Ewropew sostna b’konvinzjoni d-Direttiva dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi: leġiżlazzjoni storika, ispirata mill-mudell Taljan, li ssaħħaħ l-istrumenti komuni tagħna biex nimmiraw lejn l-assi illeċiti u nrodduhom lura lis-soċjetà. Inizjattivi bħal dawn jgħallmuna kemm l-armonizzazzjoni tirrappreżenta valur miżjud meta nitkellmu dwar reati li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali. Il-kriminalità organizzata tistagħna bis-saħħa tal-lakuni li jinħolqu minn leġiżlazzjonijiet mhux allinjati. Tiddeffes fid-diversi sistemi ġuridiċi, tisfrutta l-inkonsistenzi u taħrab mill-kontrolli. Jeħtiġilna nagħmlu aktar u nistgħu nagħmlu aktar. L-aġenziji Ewropej – Europol, Eurojust, CEPOL – jinsabu fuq quddiem nett. U flimkien magħhom, il-bażijiet tad-data komuni tagħna: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen biex jiġu traċċati l-persuni mfittxija u l-assi li għandhom jiġu sekwestrati, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali biex naqsmu bejnietna l-fedini penali, u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża għad-data dwar il-viżi. Dawn jippermettulna nirreaġixxu aktar malajr, nikkoordinaw aħjar, nolqtu fil-laħam il-ħaj lix-xbieki mafjużi. Bl-istess mod jeħtiġilna nsaħħu l-impenn tagħna biex ninnewtralizzaw dak kollu li jħalli lix-xbieki kriminali jippersistu fl-Ewropa. Jiġini f’moħħi, pereżempju, il-ħasil tal-flus. Jekk neliminaw il-mekkaniżmi tal-ħasil tal-flus ifisser li nkun qed inqaċċtu l-għeruq tal-forza tagħhom u tal-kapaċità ta’ espansjoni internazzjonali tagħhom. B’dan l-ispirtu l-Parlament Ewropew adotta pakkett ta’ liġijiet li jsaħħaħ il-ġlieda tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jibgħat messaġġ inekwivokabbli: is-suq uniku ma jistax jibqa’ rifuġju għall-flus maħmuġin. Sfortunatament, il-korruzzjoni għadha wieħed mill-mezzi ewlenin użati mill-organizzazzjonijiet kriminali biex jinfiltraw fl-istituzzjonijiet. Il-ġlieda kontriha tfisser il-ġlieda kontra l-velenu li jikkorrodi l-fiduċja taċ-ċittadini u jimmina s-sisien tas-soċjetà tagħna. Qed naħdmu mal-Istati Membri biex napprovaw malajr id-Direttiva kontra l-Korruzzjoni. Dan se jkun pass deċiżiv biex insaħħu t-trasparenza, nipproteġu lid-demokraziji tagħna u ndgħajfu lil dawk li ma jridux liċ-ċittadini tagħna jgħixu f’Ewropa aktar ġusta u aktar sikura. F’April li għadda, varajna wkoll l-istrateġija ProtectEU, li tintroduċi strumenti ġodda biex nimmiraw lejn ix-xbieki kriminali tranżnazzjonali. Dan hu pass deċiżiv biex niżguraw li s-sigurtà, il-ġustizzja u l-protezzjoni taċ-ċittadini jibqgħu fil-qalba tal-aġenda Ewropea. Kif turi d-diskussjoni tal-lum, l-Ewropa għadha qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi enormi. Il-kriminalità organizzata tadatta ruħha malajr għall-bidliet ta’ żmienna, u għalhekk huwa essenzjali li aħna wkoll inkunu kapaċi nirreaġixxu bl-istess ħeffa. Quddiemna għandna trasformazzjoni epokali: jeħtiġilna nkunu kapaċi naħkmu r-rivoluzzjoni teknoloġika li qiegħda tagħti sura ġdida lis-soċjetà tagħna, biex l-innovazzjonijiet bħall-intelliġenza artifiċjali jibqgħu għas-servizz tad-demokrazija u ma jsirux armi f’idejn il-kriminali. It-theddid huwa reali u għandu bosta forom: mill-kriptovaluti użati għall-ħasil tal-flus, għall-frodi u għall-abbużi kontra l-minuri, sad-deepfakes u l-manipulazzjoni diġitali sfruttati għat-traffikar illeċitu. Konna l-ewwel fid-dinja li rregolajna s-swieq tal-kriptoassi u li approvajna leġiżlazzjoni storika dwar l-intelliġenza artifiċjali. Jeħtiġilna nżommu dan ir-ritmu, nipprevjenu u niggwidaw il-bidla. Ħbieb, flimkien diġà mxejna triq twila. Is-suċċessi tal-Italja – u ta’ Sqallija b’mod partikolari – fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata mhumiex biss kisba nazzjonali: huma boxxla li tiggwida lill-Ewropa kollha, punt ta’ riferiment għal min jemmen fil-ġustizzja u fil-libertà. Illum, sta għal kull wieħed u waħda minna niddeċiedu liema wirt irridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-Parlament Ewropew lest isaħħaħ aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-partijiet ikkonċernati kollha biex niżguraw li l-mafja qatt ma terġa’ ssib kenn f’xi rokna tal-kontinent tagħna. Grazzi.