L-Ewropa tappoġġja lin-negozji fil-ħolqien ta' futur ta' tkabbir u prosperità  

 

L-Ewropa tappoġġja lin-negozji fil-ħolqien ta' futur ta' tkabbir u prosperità  

Bologna  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tinsab Bologna mal-mexxejja tan-negozju Taljan. Fid-diskors tagħha hija qalet: "Intom il-mutur tal-ekonomija u s-saħħa tal-awtonomija strateġika tagħna. L-Ewropa tappoġjakom għal futur li fih in-negozji, il-ħaddiema u t-territorji jistgħu jikbru u jirnexxu."

       

Bonġu lil kulħadd,
President Meloni,
President Orsini,
Viċi President Tajani,
Viċi Presidenti Picierno u Sberna,
Onorevoli Ministri u Deputati,
Onorevoli Schlein,
Leaders tal-qasam imprenditorjali,
Ħbieb,

Ippreparajt diskors dettaljat, iżda l-messaġġ li rrid nagħtikom huwa wieħed biss: l-Ewropa qiegħda spalla ma’ spalla magħkom. Il-Parlament li nippresjedi huwa alleat tagħkom.

Jappoġġja lill-industrija, jappoġġja lill-familji li jaħdmu qatigħ u li jiddependu mill-postijiet tax-xogħol li toħolqu intom, jappoġġja lil dawk li huma lesti jissograw u li jridu jaraw lill-Ewropa tikber ekonomikament, filwaqt li tissaħħaħ dejjem aktar.
Jeħtieġ li l-Ewropa tkun preżenti biex l-affarijiet isiru aktar faċli u aktar malajr. Jeħtieġ li nkunu aħna li nneħħu l-barrieri, u mhux noħolqu l-ostakli. Jeħtieġ li l-Ewropa toffri soluzzjonijiet, mhux issir hi stess parti mill-problema.
Il-verità hi li s-semplifikazzjoni tfisser kompetittività u l-kompetittività tfisser tkabbir.

Meta nirnexxu, jirbaħ kulħadd.

U nixtieq nagħti rikonoxximent partikolari lit-tmexxija tal-President Meloni fir-rigward ta’ dawn it-temi, talli kkontribwiet biex l-Italja tibqa’ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet Ewropej u talli insistiet biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ bon sens. U, mhux anqas importanti, għall-ħbiberija tagħha u għall-frankezza tagħha.
Flimkien nikkondividu r-rieda ta’ bidla.

U dan ifisser li nerġgħu lura għall-politika vera u nġeddu l-patt bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini li nirrappreżentaw.

Fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej, il-messaġġ li ħareġ wara l-votazzjoni kien ċar: ħafna nies ħassewhom esklużi, u ħassewhom involuti fi proċessi ta’ trasformazzjoni ekonomika u soċjali pperċepiti bħala rapidi u ’l bogħod wisq mill-ħtiġijiet konkreti tagħhom.
Spiss wisq il-komunikazzjoni Ewropea nħasset bħala waħda moralista minflok ma wriet kif il-valuri tagħna jistgħu jissarrfu f’soluzzjonijiet konkreti biex jagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar u aktar ekwa.

Rajna żieda eċċessiva fil-burokrazija, li dgħajfet il-fiduċja tal-investituri u fixklet il-ħidma ta’ kuljum. Rajna miżuri b’effett medjatiku kbir iżda b’portata limitata, li għamlu l-ħsara lill-kompetittività tagħna.
Ħassejt li kien neċessarju ngħidilkom dan kollu, iżda xorta waħda rrid nibqa’ ottimista.

Bħala President tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Ewroparlamentari kollha preżenti hawnhekk, inħoss ir-responsabbiltà li nippromwovi bidla fil-mentalità.

Il-prijorità tagħna hi li nqarrbu lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini li nirrappreżentaw, lejn il-familji u lejn l-industrija.

It-tqarrib tal-Ewropa lejn it-territorji huwa wkoll fil-qalba tal-missjoni tar-rappreżentant tagħkom fil-Kummissjoni Ewropea, Raffaele Fitto.

Huwa d-dmir tagħna li nwieġbu b’mod konkret u nistimolaw it-tkabbir ekonomiku, proprju kif għamlet l-Ewropa meta tat segwitu lill-pjan nazzjonali tagħkom għall-irkupru u r-reżiljenza (PNRR).

Jeħtieġ li jkollna fiduċja. L-Ewropa għadha l-akbar proġett politiku fl-istorja, għadha l-aqwa post fid-dinja fejn tgħix, trabbi familja u tibda negozju.
Għandna dak kollu li neħtieġu biex niggwidaw il-bidla: kompetenza, talent, kapital u riċerka.

Aħna suq uniku ta’ 450 miljun ruħ. Għenna lil ġenerazzjonijiet sħaħ jirkupraw mill-gwerra u joħorġu mill-faqar, u indirizzajna l-inugwaljanzi soċjali.

Is-suċċess tal-Ewropa jiddependi minn dak tal-Istati Membri tagħha, u l-Italja minn dejjem kienet waħda mill-ankri l-aktar b’saħħithom tagħna.

Dan huwa l-pajjiż li fih inħolqu impriżi li minn dejjem irrappreżentaw l-eċċellenza u l-passjoni għall-kwalità. Impriżi li l-kreattività tagħhom hija rikonoxxuta kullimkien. Azjendi li għallmu lid-dinja li l-ikel jista’ jkun ferħ, u mhux biss nutriment.

Dan kollu huwa parti mill-“Made in Italy” li d-dinja kollha tħares lejh b’ammirazzjoni. Dawn is-simboli, dawn l-eċċellenzi u dawn l-eroj huma Taljani, imma huma wkoll Ewropej u kburin li huma Ewropej. Huma dak li jagħmlu kbira lill-Ewropa. Il-fatt li huma parti mill-“marka Ewropa” ma jnaqqasx mill-valur tal-identità Taljana, anzi jaċċentwaha.

Għalkemm m’iniex Taljana, nista’ nsostni b’konvinzjoni li, bħala Ewropea, jien kburija b’dawn l-istejjer ta’ suċċess daqskemm huma kburin bihom dawk li twieldu Bologna, Ruma jew Palermo. Dan huwa l-veru sinifikat tal-appartenenza għall-Unjoni Ewropea.

L-għan tal-Unjoni mhuwiex li kulħadd ikun l-istess. Għall-kuntrarju, l-Unjoni tirrikonoxxi u tivvalorizza s-saħħa li tinħoloq mid-diversità tal-kulturi, tal-lingwi, tad-drawwiet u tal-istorja tagħna. Huwa dan il-wirt li ngħożżu u li nittrasformawh f’opportunitajiet.

Il-bandiera l-blu tagħna bit-12-il stilla hija simbolu magħżul minn kull min jiġġieled għal-libertà. Tperper kburija ħdejn il-bandiera Taljana mingħajr ma tgħattiha. Għax Italja b’saħħitha u li tirnexxi hija garanzija ta’ Ewropa b’saħħitha u li tirnexxi, u viċe versa.

Din għadha d-dar tal-kostrutturi, taċ-champions, tal-pijunieri u tal-inventuri. Ta’ dawk li jibnu, ta’ dawk li jkunu innovattivi, ta’ dawk li għandhom il-kuraġġ jagħmlu l-affarijiet.

Jeħtieġ li nibqgħu miftuħin għan-negozju, lesti biex insostnu lil dawk li joħolqu l-valur. U biex inwettqu dawn il-bidliet jeħtieġ li nkunu determinati, li jkollna viżjoni politika u li jkollna l-kuraġġ naġixxu.

Jeħtieġ li nnaqqsu d-distakk fit-teknoloġija mal-Istati Uniti, maċ-Ċina u mal-Emirati Għarab. Jeħtieġ li nnaqqsu l-kost tal-enerġija u li nikkompletaw is-suq uniku.

Jeħtieġ li nifhmu li, għalkemm għandna politika monetarja komuni, jeżistu 27 politika fiskali u industrijali differenti li l-impriżi jridu jħabbtu wiċċhom magħhom. L-aċċess għall-kreditu għadu wisq diffiċli għall-impriżi, speċjalment għall-impriżi żgħar u medji.

Ma nistgħux inkomplu nkunu nostalġiċi jew nerfgħu spallejna u ngħidu li l-affarijiet dejjem hekk saru. Jeħtieġ li jkollna d-determinazzjoni li nwettqu r-riformi.

Il-ġimgħa li għaddiet ilqajna lill-President Mattarella fi Brussell, li qalilna dan il-kliem: “Il-Parlament Ewropew huwa l-punt fokali li jgħaqqad l-istituzzjonijiet maċ-ċittadini”.

Huwa proprju għalhekk li, f’dawn l-aħħar snin, bdejna perkors profond ta’ riformi biex inkunu nistgħu nwieġbu aħjar għall-kwistjonijiet li jfissru tassew xi ħaġa għan-nies.
Nista’ ngħidilkom li dan xejn ma kien faċli. Iżda rnexxielna, biddilna l-istatus quo.

F’din il-fażi l-ġdida, jeħtieġ li nkunu aktar effiċjenti, aktar inċiżivi. U jekk irridu li l-Ewropa tkun aktar qrib, aktar rapida u aktar leġittima, huwa fundamentali li nsaħħu d-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew.

Fil-verità ċ-ċittadini ma jitolbux wisq mill-Ewropa.

Jitolbu ċertezzi ekonomiċi: xogħol stabbli u l-possibbiltà li jkabbru n-negozju tagħhom. Iż-żgħażagħ iridu jkunu jifilħu jixtru dar.

Jitolbu s-semplifikazzjoni: iridu sistemi li jaħdmu u li jistgħu jinftiehmu.

Jitolbu s-sigurtà: iridu li wliedhom ikunu jistgħu jimxu fit-toroq mingħajr biża’. U
jridu jserrħu rashom li l-Ewropa kapaċi tipproteġi ruħha.

U jitolbu sens ta’ tmexxija. Iridu mexxejja veri b’viżjoni, li jgħidu l-affarijiet kif inhuma, mhux maqbudin f’lingwaġġ burokratiku li ma jinftehimx, u li kapaċi jieħdu deċiżjonijiet utli u li jagħmlu sens.

It-tweġiba tagħna trid tkun Ewropa li ma tostakolax lil dawk li jieħdu r-riskji u li jwettqu l-innovazzjonijiet, iżda ssostnihom. Ewropa aktar flessibbli. Ewropa li terġa’ tqiegħed fiċ-ċentru l-ekonomija reali, li tiżblokka l-investimenti privati u tibni suq kapitali tassew integrat. Ewropa li tinvesti fin-nies, li tħarreġ lill-ħaddiema skont il-ħtiġijiet reali tas-sistema tal-produzzjoni, biex tappoġġja t-tranżizzjoni industrijali u biex twaqqaf l-eżodu ta’ mħuħ. Ewropa fejn l-istejjer ta’ suċċess, u mhux it-tappijiet mwaħħla mal-fliexken tal-plastik, huma s-simbolu tal-prijoritajiet Ewropej. Fejn in-nies m’għandhomx iħossu li qed jagħmlu xi ħaġa ħażina għax isuqu karozza, meta ma jkollhomx għażla.

Fl-Ewropa għandu jkun possibbli li n-nies jissograw, jiżbaljaw, ifallu u jerġgħu jibdew. Għal darba tnejn.

Ħbieb, is-sena li għaddiet, il-President Orsini semma’ tliet prijoritajiet ċari: il-kompetittività, il-produttività u l-komunità. Appell importanti, li dan il-Parlament Ewropew laqa’ b’responsabbiltà.

Dan urejnieh permezz tad-dossier dwar l-imballaġġ fejn, anki bis-saħħa tal-kontribut tagħkom u tal-impenn tal-Membri tal-PE Taljani, sibna kompromess ekwilibrat. U se nkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni.

Dan għamilnieh bl-inizjattiva “Stop-the-Clock” u bl-eżenzjoni mis-CBAM għall-impriżi ż-żgħar. U huwa dan li għandna nagħmlu waqt li nivvalutaw l-impatt tad-Direttiva dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà (CSRD) u tad-Direttiva dwar id-diliġenza dovuta (CSDDD).

Irridu Ewropa li kapaċi ddawwar ir-rotta meta jkun hemm bżonn.

Ewropa li tieħu rwol ta’ gwida fir-rigward tal-politiki ambjentali b’viżjoni u b’realiżmu, mingħajr ma ġġiegħel lill-impriżi u lill-bdiewa jaħdmu b’ħafna xkiel. Ewropa li kapaċi tisfrutta l-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali.

Huwa dan l-approċċ, ibbażat fuq il-pragmatiżmu u l-kollaborazzjoni, li jista’ jagħmel lill-Ewropa tassew aktar b’saħħitha.

Għax Ewropa b’saħħitha hija Ewropa influwenti. Li tesiġi rispett. Li ma tħarisx lejn id-dinja b’biża’ u li kapaċi taħtaf l-opportunitajiet u twettaqhom b’determinazzjoni. 

Kien Antonio Tajani l-ewwel persuna li għallmitni dan.

Il-filosofija ekonomika globali Ewropea dejjem kienet waħda ta’ kummerċ ħieles u ġust, li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. U huwa dan il-ħsieb li għandu jiggwidana biex nilħqu ftehim mal-Istati Uniti.

Il-pożizzjoni tagħna hija ċara: id-dazji huma l-aħħar ħaġa li rridu. Gwerra tariffarja għandha konsegwenzi negattivi għall-impriżi u għall-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Irrid inkun inekwivokabbli: ma teżisti l-ebda alleanza aktar soda u ma teżisti l-ebda sintonija demokratika aktar profonda fl-istorja tad-dinja moderna minn dawk bejn l-Ewropa u l-Amerka. L-azjendi tagħna huma integrati, kif ukoll l-istil ta’ ħajja tagħna. Iż-żewġ naħat se jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom u se jkun hemm drabi fejn m’aħniex se naqblu. Iżda se nkomplu nibnu flimkien filwaqt li dejjem nibqgħu ħbieb u alleati. Jiena fiduċjuża li nistgħu nilħqu ftehim.

Iżda m’għandniex inkunu inġenwi. Jeħtiġilna nsaħħu relazzjonijiet oħra. Bħal pereżempju mal-pajjiżi Afrikani li jaħsbuha bħalna, sħubijiet ibbażati fuq l-investimenti u fuq relazzjonijiet kummerċjali sodi. Għandna l-Pjan Mattei bħala mudell. L-istess jgħodd għall-Amerka Latina.

Din hija l-garanzija ta’ Ewropa aktar sigura u protetta.

Mingħajr is-sigurtà, ma jista’ jkun hemm xejn iktar. Għal wisq żmien iddependejna minn ħaddieħor biex niggarantixxu s-sigurtà tagħna u l-istil ta’ ħajja tagħna.

Dik il-mentalità spiċċat. Illum, kull Stat Membru fehem li, biex l-Ewropa tkun tista’ tikkontrolla d-destin tagħha, jeħtieġ li nkunu kapaċi naġixxu f’dinja aktar instabbli u perikoluża minn qabel.

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja dan fakkritulna b’mod brutali.

Jeħtiġilna nkunu lesti, filwaqt li nintensifikaw l-appoġġ kostanti tagħna lill-Ukrajna għal paċi ġusta u dejjiema. U jeħtiġilna nispjegaw aħjar għaliex qed nagħmlu dan kollu, lil opinjoni pubblika dejjem aktar xettika. Anki meta nħarsu lejn il-kriżi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni terribbli f’Gaża.

Għażiża President Meloni, għażiż President Orsini, laqtuni ferm il-kapaċità ta’ reazzjoni u d-determinazzjoni li tikkaratterizza lin-nies ta’ artkom. L-ispirtu u l-forza silenzjuża ta’ dawk li jibnu mill-ġdid.

Fl-2012 l-Ewropa kienet spalla ma’ spalla magħkom. Kienet magħkom ukoll fl-2023. Għax is-solidarjetà Ewropea m’għandhiex tkun kunċett astratt iżda għajnuna konkreta.
Grazzi tal-kuraġġ tagħkom.

Ħbieb tiegħi, se nikkonkludi dan id-diskors kif bdejtu: dan il-Parlament Ewropew jappoġġjakom. Flimkien nistgħu nibnu Ewropa li tkun is-soluzzjoni.
Din hija l-viżjoni tal-Ewropa l-ġdida li għandna quddiemna – bl-Italja fiċ-ċentru tal-perkors tagħha.

Grazzi. Viva l-Italja u Viva l-Ewropa!