Hi u tindirizza s-Summit Globali tal-GAVI fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-mard ma jieqafx mal-fruntieri u lanqas ir-rispons tagħna ma jista’ jieqaf.
Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb. Nirringrazzjakom talli tinsabu hawn.
Nirringrazzja lil GAVI u lill-Gates Foundation għax-xogħol kruċjali li jwettqu, lil dawk kollha li lesti jdaħħlu idejhom fil-but biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet tagħhom.
Ilkoll nifhmu l-importanza ta’ dan, mhux biss ix-xjenzjati u l-esperti fil-qasam tas-saħħa, imma lkoll kemm aħna. Rajna kif id-dinja tista’ tinbidel f’ħakka t’għajn. U jekk hemm ħaġa li tgħallimna f’dawn l-aħħar snin, hija li dak li jiġri f’post wieħed tad-dinja jista’ jolqot lil kull wieħed u waħda minna. Il-mard ma jiqafx mal-fruntiera, u lanqas ma tista’ r-risposta tagħna.
F’Marzu li għadda l-Parlament Ewropew kellu l-privileġġ jilqa’ lil Krystal Birungi, entomologa mill-Uganda. Għalija u għal dawk kollha li semgħuha titkellem kienet esperjenza li fetħitilna tassew għajnejna. Spjegat kif, f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, GAVI laqqmet ’il fuq minn biljun tifel u tifla u Global Fund salva ’l fuq minn 65 miljun ħajja billi naqqsu bi 63% r-rata ta’ mortalità dovuta għall-AIDS, għat-tuberkulożi u għall-malarja. Qalet ukoll li x-xogħol għadu mhuwiex lest. Jekk ma jsirux aktar investimenti fis-saħħa dinjija, nirriskjaw li nitilfu dak kollu li ksibna.
Dawn l-investimenti għandhom effett multiplikatur li jmur lil hinn mis-saħħa: jibnu l-ekonomiji, ibiddlu l-ħajja tan-nies, joħolqu swieq u forza tax-xogħol globali għall-futur. Is-saħħa u l-prosperità huma żewġ naħat tal-istess midalja.
Illum qegħdin nagħmlu appell għall-azzjoni. Appell biex nieħdu rwol ta’ tmexxija. Appell li l-Parlament Ewropew sema’ u se jieħu azzjoni fuqu.
Dan is-summit ma setax jiġi f’mument aktar importanti minn dan. L-organizzazzjonijiet tas-saħħa, il-fondazzjonijiet u l-gvernijiet ta’ kullimkien qed jintalbu jagħmlu aktar b’anqas. Il-bżonnijiet qed jiżdiedu, iżda r-riżorsi mhumiex. Issa wasal iż-żmien li nqawwu l-isforzi tagħna.
Dak li qed naraw f’din is-sala llum iqawwilna qalbna. Naraw persuni minn kull kontinent, mis-setturi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, magħqudin fl-istess skop. Magħqudin għax ilkoll jemmnu fl-istess ħaġa: li meta ningħaqdu, ma jeżistux limiti għal dak li nistgħu niksbu.
L-Unjoni Ewropea ilha fuq quddiem nett fid-dinja f’dik li hija saħħa, kif ukoll biex twessa’ l-aċċess għall-vaċċini. Il-Parlament Ewropew b’mod kostanti insista biex ikun hemm investimenti aktar qawwijin, aktar intelliġenti u aktar ġusti. Dan għaliex nafu li s-saħħa hija l-bażi li fuqha nibnu kollox: il-paċi, il-prosperità u l-istabbiltà.
Dan jinkludi wkoll li nisfruttaw l-opportunitajiet li toffrilna l-intelliġenza artifiċjali. L-IA diġà qed tbiddel il-mod kif il-vaċċini jiġu żviluppati u mogħtija. U dan hu biss il-bidu. L-Ewropa tifhmu dak il-potenzjal, qed nappoġġjaw lill-IA permezz tal-finanzjamenti lir-riċerka, u qegħdin noħolqu l-kundizzjonijiet biex tintuża b’mod sikur, effikaċi u b’modi li n-nies jistgħu jafdaw.
Fl-aħħar mill-aħħar, xejn minn dan ma hu possibbli jekk kulħadd jaġixxi għal rasu. Dan kollu jsir permezz ta’ sħubijiet mas-settur privat, mal-fondazzjonijiet, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-kollaborazzjoni tagħna ma’ GAVI u mal-Gates Foundation tirrappreżenta eżempju qawwi ta’ din is-sħubija fl-azzjoni. Sew jekk hija l-malarja, sew jekk hija l-kolera jew ir-rotavirus, ix-xogħol inkredibbli tagħkom qed isalva l-ħajja ta’ tant u tant nies u qed jistimola l-innovazzjoni. Rwol ta’ tmexxija fis-saħħa dinjija hekk ifisser, iżda ma nistgħux nieqfu issa.
Għalhekk, id-deċiżjonijiet – u l-wegħdiet – li nagħmlu llum għandhom importanza reali. Hija okkażjoni biex nuru, flimkien, li kapaċi naffrontaw dan il-mument. Biex nuru min aħna u dak li niddefendu.
Grazzi.