Ejjew naħdmu flimkien għall-paċi u d-demokrazija - President Metsola f'Ohio  

 

Ejjew naħdmu flimkien għall-paċi u d-demokrazija - President Metsola f'Ohio  

Dayton  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tinsab Dayton, Ohio għall-Assemblea Parlamentari tan-NATO. Il-messaġġ tagħha hemm hu: ejjew naħdmu flimkien għall-paċi u d-demokrazija, għax id-demokraziji huma mhedda.

       

Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb.
 
Nirringrazzjak, Fred Kempe, talli stedintni hawn illum u nirringrazzja lill-Kunsill Atlantiku għat-tmexxija tiegħu.
 
Huwa pjaċir tiegħi li ninsab hawn illum.
 
Qed niltaqgħu f’mument deċiżiv għad-dinja, proprju f’post li jifhem il-piż tal-istorja. Fi Stat li, għal kull min ġej mill-pajjiż fejn trabbejt jien, huwa sinonimu mat-tama, mal-libertà u mar-reżiljenza. Ir-rabta bejn il-Buckeye State u gżira fil-Mediterran qajla jafuha nies fl-istorja – fatt mhux magħruf forsi, iżda huwa sinifikanti.
 
Fl-1942, Malta kienet l-aktar post li niżlu bombi fuqu fid-dinja. Lin-nanniet tagħna kien fadlilhom ftit jiem qabel ma jċedu jew imutu bil-ġuħ meta tanker mifluġ tal-Istati Uniti daħal qajl qajl fil-port tagħna marbut bejn żewġ destroyers tal-Alleati, u b’xi mod irnexxielu jittrakka. Ismu kien S.S. Ohio. Kien ifisser li stajna ngħixu ġurnata oħra. Salvana, salva pajjiż sħiħ. Għalhekk, fl-ewwel żjara tiegħi f’dan l-Istat, xtaqt infakkar xi jfisser dan kollu għalina. Għala l-isem Ohio dejjem kien assoċjat mal-fatt li d-diffikultajiet impossibbli jiġu megħluba. Huwa dak l-ispirtu li neħtieġu nkebbsu llum.
 
Dik bejn l-Ewropa u l-Amerka hija waħda mill-akbar relazzjonijiet fl-istorja. U hekk kif in-NATO dan l-aħħar iċċelebrat is-70 anniversarju tagħha, hija wkoll l-alleanza ta’ sigurtà li rnexxielha tikseb l-akbar suċċess. Ipproteġiet lil ġenerazzjonijiet sħaħ fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Ħolqot is-sigurtà u s-serħan il-moħħ li ppermettew lill-Ewropa terġa’ tinbena, tfieq u tqum fuq saqajha wara għexieren ta’ snin ta’ gwerer u purtieri tal-ħadid.
 
Ninsabu hawn biex infakkru anniversarju sinifikanti ieħor: it-30 sena minn meta l-Istati Uniti u l-Ewropa nnegozjaw b’suċċess it-tmiem tal-kunflitt brutali fl-ex Jugoslavja bis-saħħa tal-Ftehimiet ta’ Dayton. Dan jixhed kemm nistgħu niksbu, minkejja d-diffikultajiet kollha, meta nikkollaboraw b’rieda tajba. Anki f’dawn l-aħħar xhur, rajna kemm l-affarijiet jaħdmu bl-aħjar mod meta l-isforzi jkunu allinjati. Iżda l-viżjoni tagħna trid tibqa’ lejn il-futur.
 
Dak il-kuraġġ, is-sens ta’ tmexxija u l-impenn komuni favur il-kooperazzjoni f’isem id-demokrazija huma saħansitra aktar validi llum.
 
F’dak il-punt ta’ kriżi ta’ 30 sena ilu, quddiemna kellna għażla iebsa bejn żewġ tipi ta’ futur. Id-demokrazija ħarġet rebbieħa, iżda ma kinitx stat ta’ fatt. Id-demokrazija mhijiex garantita. Jeħtiġilna nibqgħu nfakkru lin-nies, speċjalment lil dawk li ma jistgħu jiftakru xejn ħlief il-benefiċċji tagħha jew dawk li ma jifhmux għaliex il-ġenerazzjoni tiegħi tqishom evidenti minnhom infushom. Hija din il-battalja intellettwali li jeħtiġilna nkunu ferm aktar ippreparati għaliha.
 
Illum, bi gwerra brutali għaddejja fl-Ukrajna, id-dinja terġa’ tħares lejn l-Ewropa u lejn l-Istati Uniti għat-tmexxija, biex id-demokraziji jopponu lil dawk li jippruvaw iħottu biċċa biċċa kull ħaġa li bnejna flimkien. Biex nuru li l-mod kif aħna nagħmlu l-affarijiet huwa importanti, li vallapena niġġieldu għalih, li għandna s-saħħa biex lit-theddid niqfulu, u li ninvestu fis-sigurtà tagħna. Għax meta nappoġġjaw lill-Ukrajna ma nkunux altruwisti, inkunu qed niggarantixxu s-sigurtà tagħna.
 
L-istejjer taż-żewġ kontinenti tagħna huma miktubin fis-sagrifiċċji ta’ dawk li taw kollox għal dawk il-valuri, u biex il-libertà toħroġ rebbieħa fuq it-tirannija. Ibni l-kbir dalwaqt se jidħol fl-armata fil-Finlandja. Meta twieled, 18-il sena ilu, assumejt, b’inġenwità, li fl-2025 ma jkunx hemm aktar bżonn is-servizz militari. Huwa eżempju tal-istat ta’ sigurtà falza li għad hemm bżonn nindirizzaw.
 
Illum, fl-Ukrajna, dik l-istess ġlieda għall-valuri u għall-ideali tagħna tkompli.
 
Fl-Ewropa, nafuh il-prezz li għandhom il-konċessjonijiet eċċessivi. Nafu kemm huma tqal il-ħitan u l-purtieri tal-ħadid. Nafu li jekk ma nagħtux kas u nħallu lid-demokrazija tidbiel fid-dlam se jkollna nħallsu l-prezz ta’ dan billi tinqered ħajjet in-nies u jintilfu l-ġenerazzjonijiet.
 
L-Ewropa dan tafu, u qegħdin inqawwu l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna u nipproteġu d-demokrazija. Ippermettuli nkun ċara: l-Unjoni Ewropea, l-ewwel u qabel kollox, hija proġett ta’ paċi. Dejjem se tkun hekk. Iżda quddiem l-aggressjoni Russa, l-isforzi tagħna għall-paċi jridu jkunu tal-istess livell daqs l-appoġġ kostanti u msaħħaħ favur l-Ukrajna: dik hi l-idea ta’ paċi permezz tal-forza.
 
Fid-diskors tagħha lill-Kungress fl-1985, il-Prim Ministru Margaret Thatcher dan qalitu fil-qosor:
“Il-gwerer mhumiex ikkawżati mill-akkumulu tal-armi. Huma kkawżati meta aggressur jemmen li jista’ jilħaq l-objettivi tiegħu bi prezz aċċettabbli... Il-kompitu tagħna huwa li naraw li aggressuri potenzjali, jiġu minn fejn jiġu, jifhmu b’mod ċar li l-kapaċità u d-determinazzjoni tal-Punent se jċaħħduhom milli jirbħu gwerra u li l-prezz li jħallsu jkun intollerabbli.”
 
Kellha raġun. Paċi dejjiema, ġusta u soda tista’ tinbena biss bis-saħħa tal-kooperazzjoni u tan-negozjati li fil-qalba tagħhom ikun hemm iż-żewġ kontinenti tagħna.
 
Għalhekk dawn id-Djalogi huma importanti. Għalhekk ir-relazzjoni trans-Atlantika tagħna hija importanti. U għalhekk in-NATO hija importanti. Il-President Ronald Reagan laqat il-musmar fuq rasu meta qal: “L-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana hija l-alleanza li l-aktar kisbet suċċess fl-istorja. Filwaqt li l-alleanzi l-oħra ġew iffurmati biex jirbħu l-gwerer, l-iskop fundamentali tagħna huwa li nipprevjenu l-gwerra filwaqt li nippreservaw u nestendu l-fruntieri tal-libertà.”
 
Illum, in-NATO għadha tiżvolġi rwol kruċjali fis-sigurtà tal-Ewropa: kemm fil-ġlieda kontra l-attakki ibridi fuq id-demokraziji tagħna kif ukoll fil-kondiviżjoni tal-intelligence fundamentali bejn il-gvernijiet. Is-summit tan-NATO tax-xahar id-dieħel se jkun mument deċiżiv biex inkomplu l-isforzi tagħna u nikkonsolidaw l-għaqda ta’ bejnietna. L-arkitettura tas-sigurtà tal-Ewropa trid tkun komplementari għan-NATO u mhux tikkompeti magħha.
 
Il-verità hi li, għal wisq żmien, ma nfaqniex biżżejjed fuq is-sigurtà. Iddependejna minn ħaddieħor. L-Ewropa qed taħdem qatigħ biex din is-sitwazzjoni tinbidel.
 
Bħala l-President tal-Parlament Ewropew, jiena kburija li tajna iżjed appoġġ lill-Ukrajna u lis-sigurtà tal-Ewropa permezz tal-produzzjoni tal-munizzjon, tal-akkwist pubbliku konġunt u tal-kooperazzjoni industrijali. Issa l-Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża sar kumitat sħiħ. L-Istati Membri tagħna wkoll qed jintensifikaw l-isforzi tagħhom u mill-2021 qed iżidu l-baġits tagħhom għad-difiża b’31%. Ħafna laħqu jew qabżu l-objettiv ta’ 2% tal-PDG fl-infiq fuq id-difiża stabbilit min-NATO. Għalhekk mexjin fid-direzzjoni t-tajba. U l-Unjoni Ewropea qiegħda tirrazzjonalizza l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna. Se nkomplu nqawwu l-isforzi tagħna biex nibbilanċjaw il-kontribut konġunt tagħna għas-sigurtà u biex ikunu tal-istess livell għoli daqs it-theddid li għandna quddiemna. Dan huwa għall-ġid tagħna lkoll, għax Ewropa aktar b’saħħitha tfisser Stati Uniti aktar b’saħħithom u viċe versa.
 
Għandna wkoll l-għan li nipproteġu l-Ewropa lill hinn mill-fruntieri tagħna. Dan ifisser li naħdmu mal-ġirien tagħna biex insaħħu d-demokrazija reġjonali u nżidu s-sigurtà kollettiva. Tlabna diversi drabi biex il-paċi fl-Ewropa tkompli tissaħħaħ abbażi tal-paċi li ntlaħqet 30 sena ilu billi fl-Unjoni tagħna jintlaqgħu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dan għaliex it-tkabbir huwa l-aqwa strument ġeopolitiku biex l-Ewropa tissaħħaħ. U peress li demokrazija b’saħħitha u reżiljenti għandha bżonn tkun ambizzjuża, għandna bżonn ukoll ta’ ftit azzjoni li tħares lejn il-futur u, forsi, anki xi ftit viżjonarja.
 
Għaldaqstant, il-messaġġ li nixtieq ngħaddilkom mill-Ewropa, bħalma se jkun dak fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO ta’ għada, huwa dan: ejjew naħdmu flimkien għall-paċi u għad-demokrazija, għax id-demokraziji jinsabu mhedda. In-nies li jistgħu jagħżlu lill-mexxejja tagħhom huma anqas minn dawk li ma jistgħux jagħżluhom. U peress li d-demokraziji huma mhedda, meta jiksbu riżultati, nissaħħu lkoll kemm aħna.  U din hija l-istess loġika li trid tiggwidana fl-approċċ tagħna fir-rigward tal-Lvant Nofsani.
 
Jeħtieġ li nieħdu azzjoni flimkien, b’dak il-kuraġġ, b’dik il-konvinzjoni u b’dak is-sens ta’ tmexxija li kkaratterizzaw lill-azzjonijiet tagħna proprju hawnhekk tletin sena ilu. Jiġifieri li nintensifikaw flimkien l-isforzi tagħna għal dan il-mument ta’ prova, u mhux nagħmlu pass lura f’iżolazzjoniżmu frammentat. U nibnu din ir-relazzjoni trans-Atlantika kbira u sabiħa biex nipproteġu l-valuri demokratiċi tant għal qalbna. Jeħtiġilna nibqgħu spalla ma’ spalla. Għażla oħra, jien, m’iniex naraha. Anki meta xi kultant inħossu li għandna bżonn żewġ bastimenti marbutin maġenbna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem.
 
Sinjuri, 30 sena ilu f’Dayton, iż-żewġ kontinenti tagħna kellhom għażla deċiżiva x’jagħmlu, u għażlu d-diplomazija, id-demokrazija u l-paċi. Illum, triq waħda fadlilna, dik li nimxu fiha ’l quddiem flimkien.
 
Grazzi.