Ejja naħdmu flimkien biex nibnu Ewropa aħjar li taħdem għal kulħadd - President Metsola lill-Ispeakers tal-UE  

 

Ejja naħdmu flimkien biex nibnu Ewropa aħjar li taħdem għal kulħadd - President Metsola lill-Ispeakers tal-UE  

Budapest  
 
 

Hi u tindirizza l-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea f’Budapest, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa taħdem l-aħjar meta kulħadd jaħdem flimkien.

       

President Kövér,
President Rosenkranz,
Sinjuri,
    
Huwa tassew pjaċir għalija li nkun hawn illum f’dan l-ispazju storiku l-ġmiel tiegħu. Palazz li ma nbeniex għan-nobbiltà iżda għan-nies. 

Bħala membru parlamentari, dejjem nieħu gost nitkellem fil-parlamenti tal-Ewropa peress li dawn jirrappreżentaw il-fatt li fl-Ewropa tagħna, kull nazzjon, kull reġjun u kull persuna għandhom rwol importanti x’jiżvolġu fid-demokrazija komuni tagħna. L-Ewropa tagħna hija Budapest daqs kemm hija Brussell jew Strażburgu, Riga jew Dublin. Mhijiex Ewropa li tħaddan approċċ minn fuq għal isfel jew minn isfel għal fuq, iżda hija sforz kollaborattiv fost il-kollegi parlamentari li huma magħqudin favur futur aħjar għall-elettorati tagħhom, għal dawk li vvutawlhom u għal dawk li jirrappreżentaw.

L-Unjoni tagħna hija daqshekk unika bis-saħħa ta’ dan l-ispirtu Ewropew ta’ kooperazzjoni. Għax nafu li l-Ewropa taħdem l-aħjar meta kulħadd jaħdem flimkien. Il-futur tal-kontinent komuni tagħna ma jiddependix esklużivament mill-Ewropa jew mill-Istati nazzjon, iżda jiddependi minn kemm aħna kapaċi naħdmu flimkien biex intejbu l-ħajja tal-Ewropej ikunu fejn ikunu. Mhux mifruda b’barrieri inviżibbli u bla bżonn, iżda magħquda billi nikkooperaw b’viżjoni u b’ambizzjoni. U lkoll kemm aħna għandna rwol x’niżvolġu f’dan il-kompitu.

Kull meta nkellem lil membri parlamentari kollegi tiegħi minn madwar l-Unjoni tagħna, iqumu l-istess kwistjonijiet. In-nies huma inkwetati dwar kif se jħallsu l-kontijiet tagħhom, dwar kif se jaffordjaw dar u dwar kif se jsibu xogħol. U filwaqt li lkoll nafu li l-Ewropa m’għandhiex “riċetta waħda tajba għal kulħadd”, urejna kemm-il darba li jekk naħdmu flimkien nistgħu nibnu soluzzjonijiet reali għall-problemi li kollha kemm aħna nħabbtu wiċċna magħhom, fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Ikkonsolidajna l-parlamenti tagħna bħala l-muturi tad-demokrazija Ewropea fit-Trattat ta’ Liżbona, waħda mir-riformi sistemiċi l-aktar l-importanti tal-Unjoni tagħna. Issa xogħolna huwa li ngħaqqdu l-isforzi tagħna u nilħqu l-potenzjal komuni tagħna. Dan minna jiddependi. 

Huwa għalhekk li dawn il-konferenzi annwali huma tant kruċjali. Bħalma huma kruċjali d-diversi forom ta’ kooperazzjoni interparlamentari li bnejna b’mod konġunt, bħala parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, biex nagħtu lok għal dawn id-diskussjonijiet, minn oqfsa bħall-COSAC għal konferenzi bħall-Ġimgħa Parlamentari Ewropea. Iżda biex insawru l-Ewropa tal-ġejjieni, il-parlamenti tagħna jeħtiġilhom imorru lil hinn milli sempliċement jipparteċipaw fi strutturi formalizzati. Jeħtiġilna naħdmu flimkien, spalla ma’ spalla, kuljum. Jeħtiġilna nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna u mhux nagħmlu bil-kontra, billi niskambjaw l-aħjar prattiki, nikkondividu t-tagħlimiet u nikkollaboraw fl-isfidi komuni.

F’dinja li fiha l-inċertezza qed tiżdied, l-Ewropa ma tistax issib ruħha fi stat ta’ nuqqas ta’ għaqda u koordinazzjoni. Għalhekk bi pjaċir nara lil membri parlamentari kollegi u lil tant uċuħ familjari minn madwar l-Ewropa. U ninsab ħerqana biex nikkollaboraw saħansitra aktar mill-qrib fis-snin li ġejjin. 

Naturalment, hemm ukoll dawk li dan l-approċċ jikkritikawh. Dawk li jippruvaw ireġġgħu lura dan il-progress. Dawk li jħeġġuna ningħalqu fina nfusna, nagħlqu l-bibien tagħna u nabbandunaw l-Ewropa u dak kollu li tista’ toffrilna. Ilkoll naqblu li l-proġett Ewropew mhuwiex perfett. Huwa, wara kollox, proġett li jevolvi b’mod kostanti. Iżda dan għandu jkun inċentiv akbar, mhux iżgħar, biex naħdmu flimkien. Bħala rappreżentanti parlamentari eletti demokratikament, sta għalina li nistabbilixxu l-aġenda għall-kontinent komuni tagħna u li nkunu ambizzjużi kemm għal-leġiżlaturi nazzjonali tagħna kif ukoll għall-Ewropa. Mhijiex kwistjoni ta’ “aħna” kontra “intom” jew viċe versa.

Huwa għal din ir-raġuni li l-Parlament Ewropew għadu wieħed mill-akbar sostenituri tat-tkabbir. Huwa għalhekk li kien l-ewwel istituzzjoni li talbet li jingħata status ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE għall-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna. Huwa għalhekk li għadu jappella għall-appoġġ Ewropew lill-Ukrajna fil-ġlieda tagħha għal-libertà.

U huwa għalhekk li se nappoġġjaw il-konklużjonijiet l-aktar ċari u inekwivokabbli dwar l-Ukrajna. Dan hu konsistenti ma’ dak li għamilna b’mod kollettiv fil-konklużjonijiet u fil-laqgħat kollha tagħna minn mindu r-Russja invadiet l-Ukrajna.

Huwa wkoll f’dan l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li, il-ġimgħa li għaddiet, il-Parlament Ewropew ħoloq l-Ordni Ewropew tal-Mertu, li huwa l-ewwel onorifiċenza Ewropea ta’ dan it-tip. L-għan tiegħu huwa li jirrikonoxxi lin-nies li taw kontribut sinifikanti għall-proġett Ewropew tagħna. Qed nitolbu lilkom, il-presidenti tal-parlamenti tal-Ewropa, biex tinnominaw il-kandidati tagħna. U nħeġġiġkom tinkoraġġixxu liċ-ċittadini tagħkom jiġu għandkom b’ideat u bi proposti. Wara kollox, dan l-Ordni Ewropew tal-Mertu huwa għalihom.

Għax, fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewropa hija msawra mid-demokraziji tagħha kif ukoll miċ-ċittadini tagħha. L-Ewropa, essenzjalment, hija dak li aħna rriduha tkun. Allura l-appell tiegħi lilkom huwa li taħtfu din l-opportunità. Ejjew insaħħu l-kooperazzjoni tagħna u naħdmu flimkien biex nibnu dak li ċ-ċittadini tagħna jridu mingħandna, jiġifieri Ewropa aħjar li taħdem għal kulħadd. 

Grazzi.