Illum il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ngħaqdet mal-President Gitanas Nauseda u l-poplu tal-Litwanja f'Vilnius fil-Jum tar-Restawr tal-Indipendenza. Fid-diskors tagħha, hija qalet li l-istorja tal-Litwanja tirrifletti dik tal-Ewropa: nies li ġġieldu kontra l-imperi, għelbu l-ostakli u assiguraw il-libertà u d-demokrazija.
President, Prim Ministru, President tas-Seimas, Għażiż poplu Litwan, Għeżież Ewropej, Huwa tassew unur għalija li qiegħda hawn, fil-belt sabiħa ta’ Vilnius. Nixtieq nirringrazzja lill-President Nausėda għall-kliem li għadu kemm qal, iżda nixtieq ukoll nirringrazzjah għar-rwol ta’ tmexxija u għall-impenn tiegħu lejn il-pajjiż u l-Ewropa. Grazzi President. L-istorja tal-Litwanja tirrifletti lil dik tal-Ewropa: poplu li ssawwar fin-nar tal-istorja, li sfida l-imperi biex jgħix fil-libertà u f’dinjità. Qalb l-Ewropa dejjem smajtha tħabbat bil-qawwa f’Vilnius, u llum kburija ħafna li qiegħda nerġa’ nismagħha. Fl-Ewropa tagħna, ma jeżistux Stati kbar u Stati żgħar, ma teżisti l-ebda Ewropa qadima u Ewropa ġdida. Aħna Ewropa ta’ parità. Ewropa ta’ valuri. Ewropa ta’ forza. Ewropa msejsa fuq il-prinċipji demokratiċi stabbiliti mill-Att ta’ Indipendenza tal-Litwanja. Ħadd aħjar mill-poplu Litwan ma jaf li l-ebda propaganda, l-ebda ballun meteoroloġiku jew l-ebda theddid ibridu mhuma qatt se jwaqqfu lill-Ewropej milli jgħixu kif għażilna li ngħixu, b’rajna f’idejna. L-istess xewqa li darba, fix-xitwa kiesħa tal-1918, wasslet lil grupp żgħir jafferma d-dritt tal-Litwanja għal gvern awtonomu. Dan jidwi fl-istorja sħiħa tal-Litwanja: ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, il-Litwani ma ridux jabbandunaw l-identità tagħhom u żammew ħajjin il-lingwa, il-kultura u t-tama. Meta pajjiżkom sar membru tal-Unjoni Ewropea 22 sena ilu, għentu biex tissawwar l-Unjoni li nafu llum. U issa, hekk kif l-Ewropa għandha quddiemha għażliet diffiċli, il-Litwanja u l-Istati Baltiċi kollha għadhom juru, b’azzjonijiethom, li flimkien nistgħu niksbu riżultati. Il-messaġġ tiegħi llum huwa sempliċi: l-istorja tal-Litwanja u l-istorja tal-Ewropa se jinkitbu flimkien għax aħna magħqudin. U flimkien aħna b’saħħitna, għandna d-determinazzjoni u għandna l-għaqda fostna. Ikun xi jkun dak li l-Litwanja ssib quddiemha, se naffrontawh flimkien. Il-Litwanja għandha ħafna biex tkun kburija bih: mill-iżvilupp ta’ wħud mill-aktar industriji innovattivi, sat-tmexxija tal-Ewropa matul il-Presidenza tagħkom, mill-Membri tagħkom tal-Parlament Ewropew sal-Kummissarju tagħkom li għandu rwol ta’ gwida fid-difiża tal-Ewropa. Dan in-nazzjon kbir wera lid-dinja dak li jista’ jagħmel. Intom urejtu lill-Ewropa dak li lkoll nistgħu nagħmlu flimkien. U flimkien, jeħtiġilna niżguraw id-dinjità u l-libertà għall-ħbieb tagħna fl-Ukrajna. L-Ewropa waqfet mal-Ukrajna sa mill-bidu nett, u m’aħniex se nagħmlu pass lura. Għax il-futur tal-Ukrajna se jiddetermina l-futur tal-Ewropa. Illum, hawn f’Vilnius, il-Litwanja tfakkar lill-Ewropa kollha f’min aħna u f’dak li niddefendu. Viva l-Litwanja! Viva l-Ewropa!