Metsola lill-mexxejja tal-UE: Is-simplifikazzjoni tfisser aktar impjiegi, aktar stabbiltà, aktar sigurtà  

 

Metsola lill-mexxejja tal-UE: Is-simplifikazzjoni tfisser aktar impjiegi, aktar stabbiltà, aktar sigurtà  

Kopenħagen  
 
 

Hi u tindirizzail-laqgħa informali tal-mexxejja f'Kopenħagen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola enfasizzat li l-Parlament Ewropew huwa impenjat li jagħmel il-ħajja aktar faċli għall-familji, in-negozji u l-bdiewa.

       

Għażiż António, għeżież kollegi,

Ippermettuli nibda billi nesprimi solidarjetà sħiħa tal-Parlament Ewropew mad-Danimarka, wara li dehru droni mhux identifikati qrib l-ajruporti u s-siti militari tal-pajjiż. M’iniex se noqgħod nagħmel ipoteżijiet, iżda wara li dehru droni fil-Polonja u fir-Rumanija u wara li xi inġenji tal-ajru tal-ġlied daħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Estonja, huwa ċar li quddiemna għandna livell ġdid ta’ provokazzjoni, fuq l-art, fuq il-baħar, u issa fl-ajru. 

Din hi realtà ġdida, li tenfasizza l-bżonn li neżaminaw b’onestà l-kapaċitajiet ta’ difiża u l-prontezza tagħna. U jekk nistgħu nisiltu tagħlima minn dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem, tkun li jeħtieġ li nkunu preparati aħjar. 

Ftit ta’ jiem ilu kont Kiev biex intenni l-appoġġ sod tal-Parlament Ewropew lill-Verkhovna Rada u lill-poplu tal-Ukrajna. Stajt tara kif id-droni tassew saru arma ewlenija tal-gwerra. Il-President Zelenskyy għamilha ċara li l-Ukrajna hija lesta: għandhom esperjenza fil-kamp u l-kapaċitajiet industrijali biex jipproduċu saħansitra aktar. Dak li jonqoshom iżda huwa l-finanzjament. Il-messaġġ tiegħu huwa l-istess li smajna meta indirizza lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti l-ġimgħa li għaddiet. Dak li darba kien sigriet illum ħareġ bil-beraħ, u fuq dan l-aspett nistgħu tassew noqogħdu fuq l-għarfien espert tal-Ukrajna. 

L-istess raġunament jispjega għaliex il-kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-qasam tad-difiża tagħmel sens għalina. M’hemmx bżonn nibdew mill-bidu nett. Hemm bżonn iżda li niġbru flimkien ir-riżorsi tagħna, il-finanzjamenti tagħna u l-għarfien prattiku tagħna. U l-Parlament Ewropew dan jifhmu sew. Illum lesti nilħqu ftehim dwar l-EDIP, il-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea, fit-trilogu li jmiss fis-7 ta’ Ottubru, li nittamaw se jkun l-aħħar. 

Nixtieq ukoll ninfurmakom li l-Parlament Ewropew se juża l-proċedura simplifikata tagħna għall-Pakkett Omnibus dwar il-prontezza tad-difiża. Dan ifisser li se nadottaw il-pożizzjoni tagħna fi żmien ferm iqsar. Sal-aħħar tax-xahar, se nkunu adottajna l-pożizzjoni tagħna dwar il-projbizzjoni tax-xiri tal-gass naturali Russu wkoll. Il-Parlament Ewropew ħa pożizzjoni ċara: jekk nieqfu nixtru l-gass u l-enerġija mir-Russja, nolqtu fil-laħam il-ħaj il-magna tal-gwerra tar-Russja. U nibqgħu nsostnu din l-idea. Naturalment, l-eliminazzjoni gradwali tad-dipendenzi tagħna trid tkun akkumpanjata minn pjan ċar. Iżda l-iskużi li s’issa żammewna milli nagħmlu dan il-pass altru li mhumiex insormontabbli. L-istess jgħodd għall-progress f’dawk li huma assi Russi immobilizzati kif ukoll għad-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet.

B’hekk niżguraw li dak li qiegħed jiġrilha l-Ukrajna qatt ma jerġa’ jiġri mkien ieħor fl-Ewropa. Ippermettuli wkoll nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi għar-riżultati tal-elezzjoni fir-Repubblika tal-Moldova. Il-futur tal-Moldova huwa fl-Ewropa, u l-poplu tagħha għażel it-triq tad-demokrazija, tat-tama u tal-opportunitajiet. 
Madankollu, għadna ’l bogħod mit-tmiem ta’ din l-istorja. Il-Parlament Ewropew se jkompli jopponi b’mod sod l-indħil u l-intimidazzjonijiet kontinwi tar-Russja. Iżda r-riżultati juruna li dawk li jaraw lill-Unjoni Ewropea bħala theddida, tant li jippruvaw b’kull mezz jinfluwenzaw lil dawk li jixtiequ jingħaqdu magħna, se jfallu.

Għall-Parlament Ewropew, it-tkabbir abbażi tal-mertu jibqa’ prijorità ġeopolitika u strateġika. Parti miż-żjara tiegħi fl-Ukrajna kellha l-iskop li nieħu l-kooperazzjoni tagħna fil-livell li jmiss. Għalhekk ftaħna antenna permanenti tal-Unjoni Ewropea f’Kiev. Issa għandna n-nies fil-post, jaħdmu flimkien mal-Verkhovna Rada u mal-poplu tal-Ukrajna kuljum. Imma emmnuni meta ngħidilkom li filwaqt li l-pajjiżi kandidati jippreparaw ruħhom biex isiru membri, jeħtiġilna nkunu preparati aħna wkoll. Dak li jaħdem għal Unjoni ta’ 27 ma jaħdimx għal Unjoni ta’ 30. Jeħtieġ li wara l-kliem li ngħidu jkomplu jsegwu l-fatti.

Fl-aħħar mill-aħħar, kollox jiddependi minn ħaġa waħda: iż-żamma ta’ paċi ġenwina. L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet proġett ta’ paċi, u l-paċi teħtieġ l-isforzi. Il-pjan biex jintemm il-kunflitt f’Gaża, li ressaq il-President tal-Istati Uniti u approvat mill-Istati Għarab u tal-Golf, huwa pass importanti ’l quddiem. Joffri qafas reali lejn il-paċi, l-istabbiltà u r-rikostruzzjoni f’Gaża. 

Jekk Ħamas jaċċetta dan il-pjan ta’ paċi, dan se jfisser li l-armi jisktu, li t-tbatija tieqaf u li l-ostaġġi jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom. Aktar għajnuna tkun tista’ tasal għand dawk li tant għandhom bżonnha. Jiġu evitati l-ispostamenti tal-massa u jiġi żgurat li Ħamas ma jkollu l-ebda rwol fil-governanza futura ta’ Gaża. 

Il-pjan jista’ jagħti sigurtà lil Iżrael, u jista’ joffri lill-Palestinjani prospettiva reali għall-aspirazzjonijiet leġittimi tagħhom għall-awtodeterminazzjoni u għas-sovranità statali. Iżomm ħajja l-possibbiltà tas-soluzzjoni taż-żewġ Stati. U joffri tama – tama reali – lil reġjun sħiħ li sal-lum kellu ftit wisq minn din it-tama.  

Ninsabu f’mument kruċjali. Nistgħu fl-aħħar intemmu dan iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ tixrid ta’ demm, terrur u vjolenza. Teżisti alternattiva ċara għall-gwerra perpetwa u jeħtieġ li nagħżlu lilha.

Dan il-Parlament Ewropew irid jikseb riżultati. Bħalkom, irridu ntejbu l-kompetittività tal-industriji tagħna. Irridu ħajja aħjar, aktar ġusta u aktar faċli għall-familji. U, f’mument meta d-dinja spiss wisq tinħass li saret ħuġġieġa, rridu naċċertaw ruħna li l-Ewropa tibqa’ l-aħjar post, u l-post l-aktar sikur, fejn tgħix. Naf li nistgħu naslu f’dak il-punt.

Għaldaqstant l-appell tiegħi huwa dan: ejjew naħdmu flimkien. Il-Parlament Ewropew għamel ir-riformi. Il-proċeduri li qabel kienu jieħdu xhur sħaħ illum jieħdu biss ġranet, xi kultant sigħat. 

Mad-daqqa t’għajn, jaf jidher aktar faċli li l-Parlament Ewropew jiġi evitat għalkollox. Iżda dan iqanqal frustrazzjoni fost l-eletturi. Il-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħna għandhom bżonn parteċipazzjoni demokratika. U r-rwol tal-Parlament huwa proprju dak. U kull wieħed mill-parlamenti tagħkom iżid proprju dik il-parteċipazzjoni. Huwa minnu li l-Parlament Ewropew għandu 8 gruppi politiċi li jinfirxu mal-ispettru politiku kollu, iżda nistgħu nibnu, u bnejna, maġġoranzi b’saħħithom. 

Ftit ta’ ġimgħat ilu, il-Parlament u l-Kummissjoni ffirmaw Ftehim Qafas ġdid u b’hekk impenjaw ruħhom għall-aġenda ta’ simplifikazzjoni tagħna. Nixtieq inġedded dan l-impenn illum. F’Ottubru se nivvutaw fuq ir-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) u tad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva dwar is-Sostenibbiltà (CSDDD) kif ukoll fuq it-tieni Pakkett Omnibus dwar is-simplifikazzjoni tal-investiment [InvestEU], ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viżi u l-pożizzjoni tagħna dwar l-Omnibus dwar is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni. Dan se jfisser aktar impjiegi, aktar stabbiltà u, fl-aħħar mill-aħħar, aktar sigurtà. Għaldaqstant, iva, l-affarijiet mexjin, iżda jeħtieġ inkomplu niġbdu l-istess ħabel.

Rigward l-istabbiliment ta’ lista tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu u r-reviżjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu, nittamaw li se nikkonkluduhom sal-aħħar tas-sena, u r-Regolament il-ġdid dwar ir-ritorni, sal-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. 

Il-bidu tan-negozjati għall-QFP, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, ukoll se jkun prijorità assoluta. Il-Parlament Ewropew lest. Ir-rwol tagħna se niħduh bis-serjetà. Il-kumitati diġà bdew jaħdmu fuq il-proposti leġiżlattivi. U f’nofs Ottubru, il-Membri tal-Parlament kollha involuti direttament se jiltaqgħu fi Grupp ta’ Kuntatt dwar il-QFP biex jagħtu bidu għall-proċess. 

L-Ewropa tikseb riżultati meta l-istituzzjonijiet jikkollaboraw. U jeħtiġilna nkomplu niksbuhom ir-riżultati. Għal dan, tistgħu sserrħu raskom mill-Parlament Ewropew. 

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: