Hi u tindirizza l-Mexxejja Ewropej dwar il-kompetittività, il-President Metsola qalet li hemm “opportunità limitata” biex isir dak li hu meħtieġ biex l-Ewropa timxi ’l quddiem.
Għeżież kollegi, Għandna żmien limitat biex naġixxu. Dan huwa wieħed minn dawk il-mumenti li n-nies se jiftakru fil-futur u jgħidu li għamilna dak li kien meħtieġ biex immexxu lill-Ewropa ’l quddiem. Dak li għamlet il-pandemija għar-rispons tagħna għas-saħħa, u dak li għamlet l-Ukrajna għar-rispons tagħna għad-difiża huwa eżattament dak li jeħtiġilna nagħmlu llum għall-kompetittività Ewropea. Għandi erba’ punti x’nagħmel illum. L-ewwel punt: it-tlestija tas-Suq Uniku. Nafu li jeħtieġ li nlestuh. Kull dokument informali, intervista u diskors qalu l-istess affarijiet b’modi differenti. Il-frammentazzjoni tfisser li qed inħallu lilna nfusna nintrassu f’morsa mil-Lvant u mill-Punent tagħna. U bil-ħeffa li biha qed jinbidlu l-affarijiet, jeħtieġ li naġixxu issa. It-28 reġim huwa neċessarju, u huwa fattibbli. Iżda l-passi ta’ nemla mhumiex biżżejjed fejn neħtieġu passi ta’ ġgant. Neħtieġu aktar minn aġġustament ta’ malajr u frammentat: neħtieġu intervent li tassew jagħmel differenza. Nilqa’ l-asserzjoni tal-Kummissjoni li se timmira li tlesti l-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti sa tmiem is-sena. Dan huwa l-messaġġ li l-industriji tagħna għandhom bżonn, u l-messaġġ li l-Ewropa jeħtiġilha tibgħat lid-dinja. Il-Parlament jifhem ukoll l-urġenza li wieħed jimxi 'l quddiem, u għalhekk, hawnhekk ukoll, jekk nistgħu nimxu 'l quddiem flimkien ejjew nagħmlu dan. Jekk le, dawk li jistgħu u dawk li jridu għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta' kooperazzjoni msaħħa. Mhijiex xi ħaġa ġdida - għandna l-istess kunċett f'Schengen u fl-Ewro. Huwa dak li rridu nagħmlu biex nirrispondu, jew nirriskjaw li nibqgħu mwaħħlin. It-tieni punt: is-simplifikazzjoni. Il-Parlament għamel ħafna f’din l-aħħar sena. Illaxkajna r-rekwiżiti fil-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, naqqasna l-burokrazija fil-Politika Agrikola Komuni u f’InvestEU. Ċekkinna l-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSRD u tas-CSDDD. Jiġifieri l-Omnibuses wieħed, tnejn u tlieta dwar is-sostenibbiltà, l-investimenti u l-agrikoltura tlestew. Rigward ir-raba’ Omnibus, “waqqafna l-arloġġ” rigward il-batteriji, u f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja se nivvutaw dwar il-pożizzjoni tagħna dan ix-xahar. Rigward il-ħames Omnibus dwar id-difiża, qegħdin fil-fażi tat-trilogi. U nittamaw li nkunu nistgħu nilħqu ftehim dalwaqt. Rigward is-sitt Omnibus dwar is-sustanzi kimiċi, imxejna ’l quddiem bi proċeduri urġenti, u wasalna biex niffinalizzaw. Għad fadal fajl wieħed. Fi tmiem l-2025, irċevejna l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu riveduti r-regoli dwar is-setturi diġitali, ambjentali, awtomobilistiċi u alimentari: l-Omnibuses sebgħa sa għaxra. Il-ħidma fil-kumitati tinsab għaddejja. U fl-aħħar mill-aħħar, l-intenzjonijiet tajbin iridu jissarrfu wkoll f’eżiti tanġibbli urġenti għan-negozji u l-familji. Kull Ewrobarometru juri li l-affordabbiltà u l-għoli tal-ħajja għadhom it-tħassib ewlieni tan-nies kullimkien. Dan għandu jkun ir-rispons tal-Ewropa. Aħna lkoll determinati li niksbu r-riżultati. U issa jeħtieġ ukoll li nikkunsidraw l-eżempji ta’ regoli nazzjonali li jxekklu t-tkabbir: ir-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) li ta’ spiss issir referenza għaliha. Is-simplifikazzjoni hija biss l-ewwel parti mit-tisħiħ tal-kompetittività tagħna. Din trid tissaħħaħ kemm b’finanzjament pubbliku kif ukoll b’finanzjament privat. Għalhekk it-tielet punt tiegħi huwa: l-investiment. L-Istati Uniti u ċ-Ċina konsistentement saħħew l-ekonomiji tagħhom kemm permezz ta’ miżuri fiskali kif ukoll monetarji. L-effetti huma l-istess: il-kapaċità li jippompjaw biljuni aktar fl-ekonomiji tagħhom meta mqabbla mal-Ewropa - għalkemm b’defiċits ferm ogħla. Il-kompitu tagħna huwa li nsibu modi kif ninjettaw aktar kapital f’setturi b’potenzjal għoli mingħajr ma noħolqu instabbiltà u nżidu l-piżijiet għall-baġits tagħna. Mod ċert kif dan jista’ jsir huwa billi nużaw il-finanzjament privat disponibbli madwar l-Unjoni tagħna. L-Ewropa m’għandhiex problema ta’ nuqqas ta’ tfaddil. Il-problema tal-Ewropa hi li ma tittrasformax dak it-tfaddil f’investiment. Huwa hawnhekk li l-bini tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti jsir rilevanti. Il-Parlament diġà qed jaħdem fuq xi proposti importanti, inklużi t-titolizzazzjoni u l-euro diġitali. Bdejna wkoll il-ħidma tagħna fuq il-Pakkett dwar l-Integrazzjoni tas-Suq, u l-pożizzjoni tagħna se tiġi nnegozjata fir-rebbiegħa li ġejja. Il-ħolqien ta’ Borża tal-UE hija idea interessanti oħra. Din tista’ tipprovdi likwidità u finanzjament, tnaqqas il-kostijiet u tgħin lill-kumpaniji tagħna jiħħeġġjaw kontra r-riskji. Jiena konxja li tagħti lok għal nuqqas ta’ qbil, iżda m’hemm l-ebda dubju li se ssir wieħed mill-aktar faċilitaturi b’saħħithom tat-tkabbir. Aħna lesti għaliha? Il-fehma tiegħi hija li jeħtiġilna nkunu lesti. Dan jgħin lill-kumpaniji tagħna jespandu u joħolqu ċ-champions Ewropej globali li għandna bżonn. U dan ma nistgħux nagħmluh jekk ma ninvestux fl-enerġija. Sal-2030, id-domanda għall-elettriku mistennija tikber mill-anqas darbtejn u nofs aktar malajr mid-domanda kumplessiva għall-enerġija. Xi stimi jbassru li se jkollna bżonn aktar minn EUR 3 triljun ta’ investiment fil-ġenerazzjoni tal-elettriku sal-2035 biex nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-intelliġenza artifiċjali u tal-elettrifikazzjoni. Huwa għalhekk li jeħtiġilna nkomplu ninvestu fil-grilji u fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni biex nibnu Unjoni tal-Enerġija ġenwina, li tiggarantixxi provvista stabbli għall-industriji tagħna, bi prezzijiet affordabbli għaċ-ċittadini tagħna. Hekk kif deħlin fl-era tal-elettriku, l-investiment fil-provvista u fit-twassil tal-enerġija huwa kruċjali. L-enerġija saret id-deheb tal-lum u t-tellieqa globali għaliha bdiet. Ir-raba’ punt: il-kummerċ. Il-momentum qatt ma kien daqshekk qawwi biex tiġi segwita aġenda ambizzjuża ta’ kummerċ ħieles ma’ sħab u alleati madwar id-dinja, sabiex jiġi żgurat aċċess għal materja prima kritika, jiġu diversifikati l-ktajjen tal-provvista, jinħolqu impjiegi ġodda u jiġi appoġġjat it-tkabbir. Nilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim kummerċjali reċenti mal-Indja. Dak kien eżattament il-messaġġ it-tajjeb, it-ton it-tajjeb u l-ftehim it-tajjeb. Wera dak li l-Ewropa tista’ tikseb u tana l-momentum biex nimxu ’l quddiem bi ftehimiet kummerċjali oħra madwar id-dinja. Nafu li l-awtonomija strateġika mhijiex kwistjoni ta’ iżolament, imma ta’ influwenza. M’iniex nissuġġerixxi li ma nsaħħux il-bażi tal-produzzjoni tagħna – il-Parlament u jien stess konna kategoriċi dwar il-ħtieġa ta’ riindustrijalizzazzjoni. Lanqas m’jien qed innaqqas mill-importanza tad-diskussjoni dwar il-preferenza Ewropea f’ċerti oqsma strateġiċi: din għandha postha wkoll. Meta jkun possibbli, għandna nixtru prodotti Ewropej. Iżda meta ma jkunx possibbli, m’għandniex nissagrifikaw l-industriji tagħna li jiddependu minn riżorsi esterni bl-illużjoni tal-awtodipendenza. Il-fatt li l-Ewropa tkun miftuħa jrid jibqa’ fil-qalba tal-mudell Ewropew tagħna. F’dan l-ispirtu: aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Parlament approva s-salvagwardji agrikoli għall-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur. Issa qed niffinalizzaw il-ħidma tagħna fuq il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-votazzjoni fil-kumitat se ssir fl-24 ta’ Frar, imbagħad is-suġġett se jkun fuq l-aġenda tal-plenarja f’Marzu. Nirrikonoxxu l-urġenza li dan il-ftehim kummerċjali jsir, hekk kif nirrikonoxxu l-ħtieġa li jkun ibbażat fuq il-fiduċja, il-komprensjoni u r-rispett reċiproċi. L-Ewropa għandha tkun miftuħa, iva, iżda qatt m’għandha tkun inġenwa. Fl-aħħar nett, naf li llum id-diskussjoni għandha tkun informali, u li d-deċiżjonijiet se jittieħdu f’Marzu, iżda nixtieq nikkonkludi billi nippromwovi skedi ta’ żmien ċari u eżiti konkreti fil-ħidma tagħna fil-futur. F’Diċembru li għadda, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar għaxar fajls leġiżlattivi – dwar is-simplifikazzjoni, il-grilji, is-swieq kapitali, l-akkomodazzjoni, il-migrazzjoni u d-difiża – li għandhom jiġu prijoritizzati u adottati fl-2026. Dan qatt ma ġara qabel. Qed nerġa’ nisħaq fuq dan għaliex irridkom isserrħu raskom li l-Parlament jibqa’ impenjat biex dik l-iskeda ta’ żmien tinżamm. Minkejja d-diversità kollha fil-Parlament, żammejna l-wegħdiet tagħna, kapaċi nżommuhom illum, u se nkomplu nżommuhom fil-futur. Dan kollu fil-parti l-kbira seħħ bis-saħħa ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali tajba u mill-qrib. Issa għandna wkoll il-pjan direzzjonali konġunt dwar is-Suq Uniku. Il-fatt li nistgħu niddiskutu l-isfidi b’mod miftuħ u nsibu soluzzjonijiet flimkien mhuwiex xi ħaġa li għandna nqisu bħala fatt. Irridu nuru li nistgħu nżommu l-affarijiet mexjin 'il quddiem. Ma nistgħux - taħt l-ebda ċirkostanza - nippermettu lilna nfusna nirriskjaw il-kredibilità kollha. Grazzi.