Fil-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola appellat biex jinħataf il-momentum dwar it-tkabbir, il-kompetittività u l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE.
Għeżież kollegi,
Hemm mumenti meta l-Ewropa tibgħat messaġġ aktar b’saħħtu minn kwalunkwe stqarrija, dikjarazzjoni jew diskors. Il-ftuħ tal-ewwel ġabra ta’ kapitoli fin-negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova huwa wieħed minn dawk il-mumenti.
Il-messaġġ hu li t-tkabbir m’għadux wegħda fil-bogħod: qed iseħħ proprju issa u l-Parlament Ewropew ilu snin sħaħ jinsisti fuqu. Lill-Balkani tal-Punent dejjem żammejniehom fil-quċċata tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Jumejn ilu, il-Montenegro ħabbar li kien għalaq proviżorjament żewġ kapitoli ta’ negozjar oħra. U din il-ġimgħa stess, il-Parlament adotta ħames rapporti oħra dwar il-progress tal-Montenegro, tal-Albanija, tal-Kosovo, tal-Maċedonja ta’ Fuq u tal-Bożnija-Ħerzegovina. Jeħtieġ li nżommu l-wegħdiet li għamilna. M’għandniex il-lussu tal-ħin.
Għaliex konxji li t-tkabbir ma jirrigwardax biss il-pajjiżi li jsiru membri tal-UE, iżda jirrigwarda wkoll x’tip ta’ Unjoni jidħlu fiha. U, jekk isir kif suppost, isaħħaħ lill-Ewropa kollha kemm hi.
It-tkabbir tal-Unjoni huwa vantaġġuż għal kulħadd. Jeħtieġ li dan inkomplu nirrepetuh.
It-triq għadha twila. Iżda sew jekk qed nitkellmu dwar l-Ukrajna, sew dwar il-Moldova, il-Montenegro jew kwalunkwe pajjiż ieħor tal-Balkani tal-Punent, ikun żball jekk naħsbu li l-appoġġ tal-opinjoni pubblika se jfeġġ awtomatikament fl-aħħar. Jeħtieġ nibdew insostnu l-kawża tagħna minn issa.
Dak ifisser li nieħdu bis-serjetà dak li jbeżża’ u jinkwieta lin-nies. Ifisser li nindirizzawh b’onestà.
U jfisser li nuru l-vantaġġi konkreti li jġib miegħu t-tkabbir, biex b’hekk inkunu nistgħu nibnu l-fiduċja meħtieġa ħalli nimxu ’l quddiem. F’dan ir-rigward tistgħu torbtu fuq l-appoġġ tal-Parlament Ewropew.
Nixtieq insemmi wkoll din l-idea tal-integrazzjoni gradwali. Jistgħu jkunu utli l-formati ta’ “osservatur” proviżorju jew assoċjat, l-istess bħall-aċċess għas-suq uniku tagħna, dment li jkun bbażat fuq progress reali fir-riformi interni. Dawn il-passi jistgħu jqarrbu lill-pajjiżi lejn l-Unjoni tagħna, iżda qatt ma jistgħu jieħdu post l-adeżjoni sħiħa mal-UE.
Il-Parlament jilqa’ l-isforzi mġedda biex jinstabu soluzzjonijiet ħalli tintemm il-gwerra illegali fl-Ukrajna. Żewġ elementi jibqgħu ċentrali f’dawn l-isforzi: l-ewwel nett, il-prinċipju “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna” u, it-tieni, li l-Ewropa se tkompli tappoġġja lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn.
It-tieni punt huwa dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.
Il-Parlament Ewropew lest.
Nilqgħu l-fatt li l-Presidenza Ċiprijotta ppubblikat il-kaxxa ta’ negozjar tagħha. Naturalment, huwa normali li jkun hemm differenzi bejn il-pożizzjonijiet tagħna. Il-Parlament se jaġixxi b’mod kostruttiv, iżda se jiddefendi wkoll il-pożizzjoni tiegħu. Dak li jenħtieġ nevitaw huwa l-politika tar-riskju kkalkolat. Għalhekk inġedded l-appell tiegħi biex il-Membri tal-Parlament Ewropew jibqgħu jkunu involuti kemm jista’ jkun u minn żmien kemm jista’ jkun kmieni.
Dejjem se niddefendi l-prerogattivi tal-Parlament u, jekk nipproċedu f’dan l-ispirtu, m’hemmx raġuni għala ma nistgħux nippruvaw nilħqu qbil sal-aħħar tas-sena. U billi għadna fil-bidu ta’ dan il-proċess, nixtieq nerġa’ nsemmi l-kwistjoni tar-riżorsi proprji l-ġodda. Għaliex bis-saħħa tagħhom nistgħu sa fl-aħħar nabbandunaw id-dibattitu li issa qdiem bejn it-tqaċċit u ż-żidiet. Ilkoll kemm aħna naqblu li għandna bżonn baġit ambizzjuż. Ilkoll kemm aħna naqblu li jrid ikun daqs il-kobor tal-isfidi li għandna quddiemna. Ħadd ma jrid jeżerċita aktar pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, iżda ejjew ma ninjorawx il-fatt li dawn il-fondi jikkostitwixxu, minnhom infushom, muturi tal-ekonomija.
Xi kultant tant ninqabdu f’firdiet antiki li ma jirnexxilniex naraw il-punti komuni li għandna quddiem wiċċna. Forsi s-soluzzjoni li qed infittxu, jew imqar parti minnha, diġà teżisti.
Qabel ma ngħaddi għas-suġġett tal-kompetittività, ippermettuli nsemmi li din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew approva r-Regolament dwar ir-Ritorn. Issa li l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil beda japplika, l-Ewropa għandha l-għodda biex tindirizza din l-isfida. Il-parti tagħna għamilnieha. U se niksbu riżultati anki f’dak li fadal. Proprju kif irnexxielna niksbu riżultati fil-qasam tad-Drittijiet il-ġodda tal-Passiġġieri tal-Ajru, bis-saħħa tal-kooperazzjoni eċċellenti bejn l-istituzzjonijiet u tal-impenn tar-rapporteurs, tal-Presidenza Ċiprijotta u ta’ kull min kien involut. Wasal ukoll il-mument li mmexxu ’l quddiem ir-Regolament interim għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u neżaminaw kif nilħqu qbil fit-tieni qari fuq dan il-fajl. Ippermettuli wkoll nisħaq fuq ir-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi. Huma parti mill-forza tal-Ewropa, u ma nistgħux inħalluhom jibqgħu lura.
Rigward il-vot bi prokura tal-Membri nisa tal-Parlament Ewropew li jinsabu fl-aħħar perjodu tat-tqala u fil-bidu tal-maternità, il-Kunsill approva emenda mmirata għal-liġi elettorali Ewropea. Issa trid tiġi ratifikata mill-Istati Membri kollha, u nittamaw li nistgħu nkomplu nserrħu rasna mill-appoġġ tagħkom biex din issir realtà. Jekk tidħol fis-seħħ, din ir-riforma se tkun riżultat storiku għall-Parlament u għall-Ewropa. Se jkollha impatt fuq il-Membri tal-Parlament Ewropew u tibgħat sinjal ta’ importanza kbira.
Finalment, dwar il-kompetittività Ewropea.
F’dawn l-aħħar għaxar snin, in-numru ta’ persuni jaħdmu fis-settur teknoloġiku Ewropew żdied b’60%.
F’dak l-istess perjodu, il-kapital ta’ riskju fl-Unjoni Ewropea kiber b’erba’ darbiet. F’dawn l-aħħar snin, l-investimenti tal-fondi ta’ pensjoni tal-UE favur l-istart-ups żdiedu b’55%. U r-redditi tagħhom żdiedu wkoll. Il-fondi ta’ pensjoni Ewropej kisbu riżultati aqwa meta mqabbla ma’ dawk tal-Istati Uniti.
Dawn huma tliet eżempji differenti minn tliet aspetti differenti tal-ekonomija tagħna, iżda kollha jindikaw l-istess direzzjoni. L-investimenti diġà qed isiru. Il-mistoqsija hi jekk aħniex lesti nsostnu lil dik ir-rankatura bid-deċiżjonijiet politiċi t-tajba.
Għall-Parlament Ewropew, huwa proprju f’dan il-qasam li l-pjan direzzjonali “Ewropa Waħda, Suq Wieħed” iġib valur miżjud. Jekk neżaminaw regolarment fid-diskussjonijiet tagħna hawn il-progress li qed isir fil-pjan direzzjonali, dan ikun mod eċċellenti biex nimmonitorjaw il-progress u niffukaw fuq li niksbu r-riżultati. U nixtieq niċċara li l-Parlament Ewropew mhux se jippermetti li deċiżjonijiet ta’ natura teknika jikkawżaw dewmien.
Għalhekk, se nibda billi nsemmi dak li diġà nrexxielna niksbu. Mill-aħħar darba li ltqajna, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehimiet interistituzzjonali dwar is-semplifikazzjoni tar-regoli rigward l-intelliġenza artifiċjali, il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u t-tliet fajls dwar id-difiża, bil-għan li naċċeleraw l-investimenti, inħaffu l-proċess għall-ħruġ tal-permessi u niffaċilitaw it-trasferimenti u l-akkwist fi ħdan l-UE. Diġà se nivvutaw fuq l-ewwel tnejn fis-seduta plenarja tagħna ġimagħtejn u nofs oħra.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-tneħħija tal-ostakli fis-suq uniku tagħna, il-pakkett dwar l-integrazzjoni tas-suq u s-superviżjoni u “EU Inc.” huma ż-żewġ proġetti ewlenin tagħna. Jikkonċernaw direttament it-tħassib prinċipali li l-kumpaniji jqajmu meta jkellmuna u huma fajls prijoritarji għall-Parlament Ewropew. Se nidħlu aktar fil-fond fid-dimensjoni soċjali wkoll.
Rigward il-kummerċ, din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew ivvota favur il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, u b’maġġoranza enormi. Dan jagħti lill-ftehim piż politiku qawwi u bażi tassew soda fuqiex nibnu.
Dwar l-enerġija, il-Parlament Ewropew jilqa’ l-fatt li l-Istati Uniti u l-Iran ħabbru ftehim biex terġa’ tiġi stabbilita l-libertà ta’ navigazzjoni u jerġa’ jinfetaħ l-Istrett ta’ Hormuz. Nittamaw li jiġi implimentat malajr u b’mod sħiħ mill-partijiet kollha. Fil-Parlament Ewropew se nkomplu ninsistu biex niksbu aktar kapaċità ta’ ħżin, infrastrutturi u grilji aktar sodi, taħlita enerġetika aktar diversifikata u anqas dipendenza minn barra. Il-linja ta’ azzjoni tagħna ma nbidlitx.
Billi bħalissa wasalna kważi f’nofs is-sena, eżaminajt ukoll il-progress li għamilna fil-fajls tagħna fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2026, u huwa pjaċir tiegħi ninfurmakom li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill mexjin bl-istess ritmu.
Grazzi.
You may find here the transcriptions of her speech per language: