Post il-Montenegro huwa fi ħdan l-Unjoni Ewropea  

 

Post il-Montenegro huwa fi ħdan l-Unjoni Ewropea  

Montenegro  
 
 

Hi u tindirizza l-Parlament tal-Montenegro, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li post il-Montenegro huwa fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li l-futur tal-Ewropa u tan-nazzjonijiet tal-Balkani tal-Punent irid ikun wieħed u l-istess.

       

President Mandić, 
Onorevoli Membri tal-Parlament tal-Montenegro,
Prim Ministru, 
Għeżież kollegi,
Għeżież Ewropej,
 
Huwa unur li ninsab hawn, fid-dar tad-demokrazija Montenegrina.
 
Grazzi talli lqajtuni fostkom. Huwa tassew speċjali li ninsab hawn magħkom fil-Montenegro, post il-ġmiel tiegħu, f’dan il-mument ta’ trasformazzjoni għal dan il-pajjiż straordinarju u għall-Ewropa. 
 
Irrid inkun ċara: il-futur tal-Ewropa u dak tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iridu jkunu ħaġa waħda. Għadda wisq żmien, iżda rrid inkun inekwivokabbli: post il-Montenegro hu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ilkoll kemm aħna se nkunu aktar sikuri, aktar b’saħħitna, aktar ġusti u aktar prosperi. U dan jirrigwarda l-l-Ewropa daqs kemm jirrigwarda l-Montenegro. 
 
Dan hu l-mument tat-tkabbir tal-Ewropa. Bil-gwerra fl-Ukrajna u xenarju ġeopolitiku instabbli, il-parametri u l-enerġija ta’ dan id-dibattitu nbidlu radikalment. U f’din is-sitwazzjoni għandna l-opportunità li nbiddlu kif tidher l-Ewropa – u jeħtiġilna naħtfu dik ir-rankatura.
 
Għal wisq żmien, dan id-dibattitu fundamentali baqa’ ffriżat fil-ġenb. Is-summits ġew u għaddew, u qajla sar xi tibdil. Imma llum l-affarijiet huma differenti. Bi kważi nofs il-kapitoli ta’ adeżjoni tal-Montenegro diġà magħluqin u tnejn oħra mistennija jingħalqu sal-aħħar tas-sajf, il-proċess wasal biex jintemm. Diġà bdejna naħdmu fuq l-abbozzar tat-trattat ta’ adeżjoni, sinjal deċiżiv u b’saħħtu ta’ progress. Ma nistax nimmaġina mument aqwa minn dan għall-Montenegro biex jospita l-ewwel Summit UE-Balkani tal-Punent tiegħu.
 
Ma nafdahomx lil dawk il-politiċi Ewropej li jiġu hawn jippritkaw u jittrattawkom b’arja ta’ kondixxendenza. Jien m’iniex se nagħmel hekk, għax għall-Parlament Ewropew l-adeżjoni mhijiex kwistjoni ta’ altruwiżmu. It-tkabbir huwa proċess bidirezzjonali li hu ta’ vantaġġ tagħna lkoll. Huwa l-aħjar strument ġeopolitiku tal-Ewropa u investiment strateġiku għall-Unjoni tagħna, għall-Montenegro u għar-reġjun kollu kemm hu. Huwa l-mod kif nistgħu niggarantixxu l-istabbiltà, il-prosperità u l-libertà lill-komunitajiet tagħna fil-kontinent kollu. Kif insiru aktar magħqudin u nġibu titjib reali u tanġibbli fil-ħajja tan-nies. Għaliex Ewropa li tieqaf tikber hija Ewropa li tieqaf temmen fiha nnifisha. 
 
Bħala Unjoni li qed taħdem biex issir aktar b’saħħitha, aktar sikura u b’aktar fiduċja fiha nnifisha, aħna u niddefendu l-mod tagħna u l-valuri tagħna, l-Ewropa għandha ħafna x’tiggwadanja mill-adeżjoni tal-Montenegro. Irridu li leħinkom jinstema’ mal-mejda li madwarha jittieħdu d-deċiżjonijiet, li l-kreativittà tagħkom tarrikkixxi l-ispazji kulturali u li ċ-čojstvo unika tagħkom tkun għajn ta’ ispirazzjoni hekk kif immexxu ’l quddiem lill-Unjoni tagħna flimkien. 
 
Naf li l-Montenegro ilu żmien twil jħabrek biex dan l-objettiv isir realtà. Meta erġajtu ksibtu s-sovranità tagħkom u ħadtu rajkom f’idejkom, għażiltu lill-Unjoni Ewropea bħala d-dar il-ġdida tan-nazzjon tagħkom u qatt ma ħaristu lura. Sostnejtu b’suċċess u b’konsistenza l-importanza tal-Ewropa u l-valur tal-adeżjoni għall-poplu tal-Montenegro u stinkajtu biex issiru attur importanti u attiv fil-kuntesti Ewropej usa’. 
 
F’temp ta’ żewġ deċennji biss, adottajtu l-euro, dħaltu fin-NATO u sseħibtu fiż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro. Issa intom allinjati bis-sħiħ mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE u tipparteċipaw f’missjonijiet u f’operazzjonijiet. Intom membri stmati ta’ programmi bħal “Orizzont Ewropa” u “Erasmus+”, li jiftħu opportunitajiet ġodda u jsaħħu l-konnessjonijiet ta’ bejnietna. U flimkien qegħdin nagħmlu aktar passi ’l quddiem lejn l-aċċess mingħajr roaming u l-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-Montenegro u għall-Balkani tal-Punent b’mod ġenerali. B’hekk nintegraw is-swieq, fl-aħħar mill-aħħar inħottu l-ostakli li għadhom jeżistu u nwittu finalment it-triq għall-adeżjoni.
 
Issa għandna naħdmu flimkien, bħala parlamenti, biex inlestu xogħolna – nagħlqu dawk l-aħħar kapitoli, inlestu l-kompiti li għadhom pendenti u nħejju lil pajjiżkom għall-aktar pass trasformattiv li jista’ jieħu: l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. 
 
Jiena konxja li f’dan il-pajjiż in-nies għandhom biżgħat, u dan huwa komprensibbli issa li resqin lejn il-fażi finali qabel it-tragward. Niftakar il-preokkupazzjonijiet li ħafna kellhom meta pajjiżi kien qed iħejji ruħu għall-adeżjoni. Li konna se nitilfu l-identità nazzjonali tagħna, li konna żgħar wisq biex nagħmlu differenza, ’il bogħod wisq biex inkunu influwenti. Iżda tgħallimt, u l-kollegi tiegħi se jaqblu miegħi, li fl-Unjoni Ewropea dak li jgħodd hu s-saħħa tal-argumenti tiegħek, aktar milli kemm hu kbir pajjiżek jew kemm tgħolli leħnek. L-Ewropa fl-aħħar mill-aħħar hija il-post fejn tifla ċkejkna li ġejja minn gżira fil-Mediterran ta’ 316-il kilometru kwadru tista’ tikber biex tmexxi parlament magħmul minn 720 Membru li ġejjin minn kull rokna tal-Unjoni tagħna. Jekk dan seħħ għal persuna waħda, jista’ jseħħ għal kulħadd. U dan qed ngħidu għax naf sew xi jfisser għat-tfal tal-Montenegro li llum qed jarawna. 
 
Naturalment kollu minnu li, għal xi wħud, il-biża’ tal-bidla hija reali u li hemm bżonn il-kuraġġ biex tmur lil hinn mill-istatus quo. L-approċċ tiegħi minn dejjem kien li nisma’, niddiskuti, nikkonvinċi – qatt li ninjora. Li negħleb it-tħassib bil-fatti u bl-esperjenza diretta. Il-parlamenti jiżvolġu rwol fundamentali f’dan il-kuntest: jibnu pontijiet, isibu kunsens soċjali u juru li l-Ewropa mhijiex omoġenja. Li tistgħu tkunu kburin li intom Montenegrini u, fl-istess ħin, kburin li intom Ewropej. Biex turu li l-patrijottiżmu mhuwiex neċessarjament marbut ma’ nazzjonaliżmu magħluq fih innifsu u li jħares lejn l-imgħoddi. 
 
Dak hu l-ispirtu Ewropew. Dak hu li rridu nfissru meta ngħidu li l-għan tagħna mhuwiex li nagħmlu lil kulħadd l-istess. Naqsmu flimkien il-valuri u l-prospettivi, iżda id-diversità tagħna fil-kultura, fl-istorja, fil-lingwa u fit-tradizzjonijiet hija l-forza tagħna, mhux dgħufija. Dak, fl-aħħar mill-aħħar, hu s-sabiħ u l-uniċità tal-Ewropa. Għalhekk nistagħnew flimkien. B’hekk tejjibna l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet fil-kontinent kollu. U hija din it-tweġiba tagħna lil dinja li għal bosta tidher li saret ħuġġieġa. L-Ewropa tista’ tkun fanal ta’ stabbiltà u prevedibbiltà fid-dinja, u l-Montenegro jeħtieġlu jkun parti integrali minn dan il-vjaġġ komuni tagħna. 
 
L-Ewropa hija proġett komuni, u dan ifisser li sta għalina wkoll, għall-Unjoni Ewropea, inżidu l-isforzi tagħna. Li nkunu denji tal-fiduċja li tlabna lill-Montenegrini – lilkom – ikollhom fina. Li nuru lin-nies li dan il-proċess ta’ integrazzjoni gradwali qed jagħti l-frott tiegħu u qed iressaq lill-Montenegro lejn l-adeżjoni. 
 
U nista’ ngħidilkom, f’isem il-Parlament Ewropew, li se nkunu maġenbkom f’kull fażi tal-perkors. U tistgħu torbtu fuqna biex inżommu din ir-rankatura u nkomplu nappoġġjaw lill-Montenegro u lill-Balkani tal-Punent fl-Ewropa. 
 
Approvajna b’ħeffa liema bħalha allokazzjoni ta’ sitt biljun euro favur il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, b’aktar minn 383 miljun euro allokati lill-Montenegro biex jistimola t-tkabbir ekonomiku, isaħħaħ is-servizzi pubbliċi u jappoġġja l-impjiegi fost iż-żgħażagħ. U f’Ottubru l-parlamenti tagħna se jerġgħu jiltaqgħu biex jaraw il-progress li sar, isaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna u jħarsu lejn l-isfidi li għandna quddiemna. 
 
L-Ewropa diġà tinsab hawn. Rajtha meta wasalt. Narawha fil-proġetti li jitwettqu fil-bliet tagħkom, fl-opportunitajiet li toħloq u fl-appoġġ li toffri. Iżda, jien naraha l-aktar fin-nies li jgħixu hawn. Fiż-żgħażagħ li jemmnu fit-tama li tirrappreżenta l-Ewropa. Fis-sigurtà li toffri. 
 
Għalhekk, nistenna b’interess kbir li niddiskuti dan kollu mal-mexxejja Ewropej fl-okkażjoni tas-Summit UE-Balkani tal-Punent ta’ għada u li nilqa’ lill-President Milatović fil-Parlament Ewropew aktar tard dan ix-xahar biex nisma’ kif jaħsibha dwar il-futur komuni tagħna. 
 
Naf sew kemm hi twila u spiss diffiċli t-triq biex isir membru u naf li ilkom mexjin f’din it-triq żmien twil. Imma nista’ niżguralkom li vallapena. Niftakarhom, aktar minn għoxrin sena ilu, dawk is-snin ta’ xogħol iebes, dawk in-negozjati diffiċli, dawk is-sigħat twal anki sa tard billejl. Iżda aktar minn kull ħaġa oħra, niftakar is-sensazzjoni inkredibbli u enormi ta’ ferħ u ta’ tama fil-futur li ħassejna meta sa fl-aħħar sirna Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-idea li l-futur kien fetħilna bibien li sa dakinhar stajna biss noħolmu bihom. Huwa dak li nixtieq ukoll għaż-żgħażagħ ta’ hawnhekk. 
 
Għalhekk, għażiż President, għażiż Prim Ministru, għeżież parlamentari, nittama li d-darba li jmiss li jkolli l-unur li nkellimkom f’din il-Kamra, se tkun biex niċċelebraw lill-Montenegro bħala membru ġdid tal-Unjoni Ewropea. Meta jasal dak il-mument, l-Ewropa kollha se tkun aktar b’saħħitha, aktar ġusta, aktar sikura u aktar magħquda bis-saħħa tax-xogħol li qegħdin tagħmlu hawn illum.
 
Viva l-Montenegro. Viva l-Ewropa.