Hi u tindirizza studenti fl-Università ta’ Stanford f’California, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-futur huwa wieħed li għandu jinqasam flimkien.
Bonġu. Huwa pjaċir kbir għalija li nkun hawn fi Stanford. Naf li, għal xi wħud minnkom, għad fadal biss ftit ġimgħat għall-eżamijiet tal-aħħar, għalhekk nirringrazzjakom talli sibtu l-ħin, u nixtiqilkom kull suċċess! Ġejt fil-Bay Area għal laqgħat ma’ politiċi, kumpaniji u leaders fil-qasam tat-teknoloġija dwar l-IA, il-kummerċ u kif insawru d-deċennju li ġej b’modi li jaqdu lis-soċjetajiet miftuħa u demokratiċi tagħna. U għalhekk bix-xieraq li nibda proprju hawn, fuq dan il-kampus, fejn il-ħsieb u l-kreattività huma ħaġa waħda, u fejn l-idea brillanti li jmiss u li tbiddel kollox taf tkun f’din il-kamra bħalissa. Tafu aktar minn ħaddieħor li l-innovazzjoni Amerikana qatt ma nbniet b’mod iżolat. Din l-università, dan il-wied, issawru mill-kurrent profond ta’ talent, ideat u intrapriża umana, li jgħaddi bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti. Mill-pijunieri mwielda fl-Ewropa li xogħolhom qiegħed il-pedamenti tal-era tal-computing, għall-inġiniera li qasmu l-Atlantiku u tellgħu l-ewwel bnedmin fuq il-qamar, għall-pijunieri li sabu hawn fis-Silicon Valley il-kapital, il-kultura u l-libertà li jibnu mingħajr konfini. U dik l-istorja għadha qed tinkiteb illum. Is-sħubija tagħna minn dejjem kienet definita minn dan l-iskambju ta’ nies, ta’ ideat u ta’ valuri bejn iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. U tmur ferm lil hinn mill-innovazzjoni. Flimkien, bnejna l-qafas tal-ekonomija moderna, ħloqna l-istituzzjonijiet li żammew il-paċi, u tajna lil ġenerazzjonijiet sħaħ l-opportunità li jgħixu aktar ħielsa minn dawk li ġew qabilhom. Ir-relazzjoni bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti hija l-aktar waħda ta’ suċċess fl-istorja moderna. U ninsab hawn din il-ġimgħa biex nagħmel l-argument li l-approfondiment tagħha, abbażi tal-perspettiva komuni tagħna msejsa fuq il-valuri, ifisser li din se taħdem aħjar għaċ-ċittadini tagħna, u dan għandu aktar importanza llum milli qatt kellu fl-imgħoddi. Qed ngħixu fi żminijiet li xi darba n-nies se jistudjaw u jiktbu dwarhom. Dan jidher ċar mir-rivoluzzjoni teknoloġika li qed issawwar mill-ġdid kull aspett ta’ ħajjitna. Mill-kunflitti li qed jikkompromettu l-ordni dinji li konna mingħalina nafu sew. Mill-pressjoni fuq id-demokraziji tagħna minn dawk li jixtiequ li ma jirnexxux. Dan huwa mument li jirrikjedi deċiżjonijiet kbar, kuraġġużi u, iva, diffiċli. Mument meta, jekk nieħdu deċiżjonijiet żbaljati, il-konsegwenzi jkunu kbar ħafna. Il-mod tagħna, jiġifieri dak ta’ soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u miftuħa, irid jikseb ir-riżultati. Għall-familji li jridu jħallsu l-kontijiet tagħhom. Għall-persuni li jridu ċ-ċertezza li s-sena d-dieħla se jkun għad għandhom impjieg. Għall-komunitajiet li jridu jħossuhom sikuri. Għall-istudenti li deħlin f’dinja li fiha inqas ċertezzi minn dik li wirtu l-ġenituri tagħhom. Għax jekk il-mod tagħna ma jweġibx il-mistoqsijiet li qed jagħmlulna n-nies, m’għandniex inkunu sorpriżi jekk ifittxu bnadi oħra. Rajna x’jiġri meta ma niksbux riżultati: nies jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi, ifittxu xi ħaġa konvinċenti f’dawk li jwiegħdu li jħottu kollox u joffru soluzzjonijiet sempliċi u foloz f’dinja li hija ferm aktar ikkumplikata. Għal żmien twil wisq, il-forzi politiċi stabbiliti injoraw dawk is-sinjali ta’ twissija. Qisniehom spiss wisq bħala fażi li tgħaddi. Bqajna fommna sieket minflok ma ġġilidna kontra din in-narrattiva. Dan irid jinbidel. Jeħtiġilna nagħtu lin-nies raġuni biex jivvutaw għal xi ħaġa, mhux sempliċement kontra xi ħaġa. Jeħtiġilna nuru, b’riżultati li n-nies jistgħu jaraw u jħossu, li jekk nibnu flimkien niksbu aktar milli jekk inħottu. U l-aktar prova b’saħħitha li għandna, dik li ilha tikkonferma dan kollu għal ġenerazzjonijiet sħaħ, hija s-sħubija trans-Atlantika tagħna. Minn dejjem kienet, min-natura tagħha, wegħda lill-poplu tagħna: li meta naħdmu flimkien nistgħu niksbu s-sigurtà, il-prosperità u l-libertà li l-ebda pajjiż individwali ma jista’ jiggarantixxi waħdu. Dik il-wegħda nżammet. Trid tibqa’ tinżamm. U, bħalissa, għandna tliet modi kif nistgħu nżommu dik il-wegħda. L-ewwel wieħed huwa t-teknoloġija. Meta l-ekonomisti jaraw minn fejn se jiġi t-tkabbir matul l-għaxar snin li ġejjin, it-tweġiba hija konsistentement l-istess: l-innovazzjoni diġitali, it-teknoloġija u l-industriji bbażati fuqhom. Dan huwa fejn il-futur qed jiġi deċiż. Iżda ppermettuli nkun sinċiera: għal għadd kbir ta’ snin, l-Ewropa ma baqgħetx taġġorna ruħha. Rajna ġenerazzjoni ta’ innovaturi jitilqu, rajna kumpaniji li bdew f’universitajiet Ewropej jespandu n-negozju tagħhom f’postijiet oħra. Dik kienet qanpiena ta’ twissija. U l-Ewropa issa bla dubju qamet mir-raqda. Qed innaqqsu l-burokrazija, nissimplifikaw ir-regoli tagħna, ninvestu fl-enerġija u fl-infrastruttura u qegħidna għad-dispożizzjoni triljuni ta’ euro mfaddla mill-Ewropej għall-innovaturi li għandhom bżonnhom. U dawk l-isforzi qed jibdew jagħtu l-frott. Yann LeCun, Arthur Mensch ta’ Mistral AI, nies li jistgħu jmorru fejn iridu, qed jagħżlu l-Ewropa. Illum, meta niltaqa’ ma’ min jibda negozju f’Varsavja, f’Tallinn, f’Pariġi u f’Amsterdam, il-mistoqsija nbidlet: m’għadhomx jistaqsu għandhomx jitilqu. Qed jistaqsu kemm jistgħu jespandu malajr f’pajjiżhom. Is-Silicon Valley dejjem se jkun is-Silicon Valley. Dik il-kultura ta’ ambizzjonijiet kbar, ta’ teħid ta’ riskji, ta’ nies ordinarji li jinvestu u li jkunu fil-kontroll tal-futur finanzjarju tagħhom, hija xi ħaġa li l-Ewropa għadha qed titgħallem. Iżda qed nimxu fid-direzzjoni t-tajba – bil-mod tagħna, iżda bl-urġenza li dan il-mument jirrikjedi. Qawl magħruf jgħid li “l-Amerka tagħmel l-innovazzjoni filwaqt li l-Ewropa tagħmel ir-regolamentazzjoni”. Frażi tal-widna iżda li, l-aktar l-aktar, hija antikwata. Kulħadd qed iħabbel rasu dwar l-istess mistoqsijiet. Kif nistgħu nisfruttaw it-teknoloġiji li jiżviluppaw aktar malajr mill-kapaċità tagħna li nirregolawhom? Kif nipproteġu lin-nies mill-użu ħażin, mid-diżinformazzjoni li diġà qed tfixkel il-proċessi demokratiċi, mir-riskji għall-privatezza li huma reali u li qed jikbru, mingħajr ma noħonqu l-istess innovazzjoni li qed nippruvaw inrawmu? Biss biss is-sena l-oħra, l-Istati Amerikani ħarġu 145 abbozz ta’ liġi relatati mal-IA. Kumpanija tal-IA saħansitra waqqfet temporanjament ir-rilaxx ta’ wieħed mill-mudelli tagħha stess għax kienet imħassba dwar ir-riskji. Dak l-istint ġej mill-fatt li t-teknoloġija tagħti riżultati biss jekk in-nies jafdawha, u bħalissa dik il-fiduċja hija fraġli: 57% tal-Amerikani jgħidu li r-riskji soċjetali tal-IA huma għoljin – persentaġġ ogħla minn dak fl-Ewropa. Dan għandu jġegħilna lkoll nirriflettu ftit. Il-mod kif nirregolaw dawn it-teknoloġiji llum se jiddetermina jekk isaħħux id-demokrazija jew idgħajfuhiex, jekk jagħtux is-setgħa lin-nies jew iħalluhomx lura. L-istandards li nistabbilixxu llum se jkollhom effetti fuq ġenerazzjonijiet sħaħ, u se jkunu aktar b’saħħithom, aktar leġittimi u aktar dejjiema jekk l-Ewropa u l-Istati Uniti jistabbiluhom flimkien. It-tieni dimensjoni tas-sħubija tagħna hija l-kummerċ. L-ekonomija trans-Atlantika tiġġenera aktar minn 8 triljun euro – kważi 10 triljun dollaru – f’bejgħ kummerċjali kull sena, issostni 16-il miljun impjieg u tirrappreżenta terz tal-PDG globali. Fil-prodotti, fis-servizzi, fl-investiment, fir-riċerka, fil-ktajjen tal-provvista li jgħaqqdu l-fabbriki u l-laboratorji u ċ-ċentri finanzjarji tagħna, ma hemm l-ebda relazzjoni ekonomika fl-istorja li tħabbatha ma’ tagħna. Dak li jeħtieġu n-negozji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, speċjalment fil-klima attwali, huwa l-prevedibbiltà, li jkunu kunfidenti li jinvestu, jimpjegaw u jippjanaw bil-quddiem mingħajr inċertezza dwar il-futur. U hemm aħbar tajba f’dan ir-rigward: il-ġimgħa li għaddiet il-Parlament Ewropew approva t-termini tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, u minn hawn u ftit jiem oħra se nivvutawh. Huwa bażi ġdida għar-relazzjoni, mibnija fuq ir-rispett reċiproku u l-interess komuni. Il-gwerer kummerċjali mhuma tajbin għal ħadd, u dan il-ftehim huwa rebħa għalina lkoll. Għada se niltaqa’ ma’ kumpaniji Ewropej li joperaw hawnhekk fl-Istati Uniti, u naf li dan huwa dak li kienu qed jistennew li jisimgħu. Meta naħa waħda tal-Atlantiku ssir aktar b’saħħitha, in-naħa l-oħra tissaħħaħ ukoll. Dan huwa l-mod kif din ir-relazzjoni dejjem ħadmet. U dan iwassalni għat-tielet pilastru, dak li, permezz tiegħu, l-oħrajn kollha jkunu possibbli: il-libertà, il-paċi u l-istabbiltà, u l-kapaċità tagħna li niggarantuhom flimkien f’dinja li hija inqas prevedibbli minn qabel. Nixtieq insemmi fil-qosor lill-Iran, u nixtieq nibda billi nsellem il-kuraġġ tal-poplu Iranjan. Dawk li qed jitolbu dinjità u libertà għandhom ikunu jafu li l-Ewropa qiegħda tismagħhom. Għal 47 sena, ir-reġim Iranjan uża t-teokrazija bħala arma biex irażżan lin-nisa, jgħallaq lid-dissidenti mdendla mill-krejnijiet, jiffinanzja l-proxies li jxerrdu t-terrur madwar il-Lvant Nofsani, u jimmassakra lil eluf ta’ nies li l-uniku reat tagħhom kien li semmgħu leħenhom u ħadu pożizzjoni. Naf li t-taħditiet jinsabu fi stadju avvanzat, iżda fi kwalunkwe xenarju, inżomm lil dawk it-92 miljun ruħ fuq quddiem nett fi ħsibijieti. Issa qed naraw kif l-instabbiltà fil-Golf ma tibqax fil-Golf. Kif għandha riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-ktajjen tal-provvista u l-għoli tal-ħajja li l-familji u n-negozji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku diġà qed iħossu. Biex dik l-istabbiltà terġa’ tinġieb jeħtieġ li naħdmu flimkien, kif dejjem għamilna meta l-aktar kien hemm bżonn. Naf li dan l-għan nistgħu nilħquh. Għax diġà rnexxielna qabel. F’ġurnata fi Frar tal-2022, filgħodu, il-karrijiet armati daħlu l-Ukrajna f’tentattiv biex il-mappa tal-Ewropa titfassal mill-ġdid bil-forza. Dan l-att kien sfida diretta għal dak kollu li l-Ewropa u l-Istati Uniti bnew flimkien mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Il-mistoqsija li qajjem kienet sempliċi: l-impenji tagħna jibqgħu sodi meta l-aktar ikun hemm bżonn? Baqgħu sodi, għax bqajna magħquda. Bqajna spalla ma’ spalla mal-Ukrajna mill-ewwel jum, u għadna spalla ma’ spalla magħha. Aħna impenjati favur paċi ġusta u dejjiema. Mhux waqfa temporanja mill-ġlied qabel l-attakk li jmiss, iżda soluzzjoni li tkun ġusta, li tibqa’ valida u li permezz tagħha d-dinja tkun aktar sikura. Li tirrikjedi li l-Ewropa u l-Amerka jibqgħu allinjati, jaġixxu b’serjetà u jirreżistu s-soluzzjonijiet faċli li jħallu lil kulħadd aktar espost. Li tkun ibbażata fuq il-prinċipju “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”. Fl-istess ħin, l-Ewropa konxja li s-sigurtà li darba qisnieha bħala fatta qatt ma kienet awtosuffiċjenti, u li l-Istati Uniti m’għandhomx jintalbu jġorru dak il-piż waħedhom. Il-pajjiżi Ewropej issa qed jimxu lejn il-mira tad-difiża tan-NATO ta’ 5% tal-PDG. Qed ninvestu aktar, nipproduċu aktar u nieħdu r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħna stess b’modi li, ftit snin ilu biss, kienu jidhru inkonċepibbli. Dan huwa l-impenn tal-ġenerazzjoni politika tagħna, u se nkunu ppreparati. Aħsbu ftit dwar dak li s-sħubija trans-Atlantika tagħna diġà kisbet. Kif bniet mill-ġdid kontinent mit-tifrik. Kif żammet sod matul is-snin twal tal-Gwerra Bierda. Kif tellgħet lill-bniedem fuq il-qamar u ħolqot l-era tal-computing. Kif iggarantiet għexieren ta’ snin ta’ paċi u libertà li l-ġenerazzjonijiet preċedenti setgħu biss joħolmu bihom. Xejn minn dan ma kien inevitabbli. Xejn minn dan ma kien ħaġa fatta. Dan kollu ġara minħabba li żewġ kontinenti, li jikkondividu l-valuri u sens ta’ skop komuni, għażlu għal darba tnejn, fil-mumenti faċli u f’dawk diffiċli, li jaġixxu flimkien. Biex id-demokrazija titmexxa ’l quddiem. Dan huwa l-ispirtu li dan il-mument jeżiġi. Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, in-nies iridu l-istess affarijiet: impjiegi tajbin, sens ta’ sigurtà, ħajjiet li jistgħu jaffordjaw u t-tama li wliedhom ikollhom ħajja ftit aħjar milli kellhom huma. Il-mod tagħna jeżisti biex dan kollu niksbuh – kif dejjem ġara, meta kellna l-kuraġġ niddefenduh u niffaċċjaw il-futur flimkien pjuttost milli mifrudin. Għalhekk, din hija l-proposta tiegħi – il-viżjoni tiegħi għall-kontinenti l-kbar tagħna – u nistenna bil-ħerqa li nisma’ kif taħsbuha intom. Grazzi.